Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1842

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1842 tat-28 ta' Ġunju 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

    ST/11179/2024/INIT

    ĠU L, 2024/1842, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1842/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1842/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1842

    28.6.2024

    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1842

    tat-28 ta' Ġunju 2024

    li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1) , u b'mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 269/2014.

    (2)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 u t-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid l-appoġġ sod tal-Unjoni għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u rrikonoxxa d-dritt inerenti tal-Ukrajna li tiddefendi ruħha kontra l-aggressjoni Russa. Il-Kunsill Ewropew appella wkoll għal passi ulterjuri biex tiddgħajjef l-abbiltà tar-Russja li tkompli għaddejja bil-gwerra ta' aggressjoni tagħha, inkluż permezz tat-tisħiħ tas-sanzjonijiet.

    (3)

    Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, huwa xieraq li jiġu adottati miżuri restrittivi ulterjuri.

    (4)

    B'mod partikolari, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li żewġ persuni u erba’ entitajiet responsabbli għal azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna jiżdiedu mal-lista ta' persuni, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 269/2014.

    (5)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 269/2014 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LAHBIB


    (1)   ĠU L 78, 17.3.2014 p. 6.


    ANNESS

    Il-persuni u l-entitajiet li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 269/2014:

    Persuni

     

    Isem

    Informazzjoni għall-identifikazzjoni

    Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “1824.

    Mikhail Rudolfovich KONTSEREV

    (Михаил Рудольфович КОНЦЕРЕВ)

    Funzjoni: Direttur Ġenerali ta' PJSC TransContainer

    Data tat-twelid: 11.6.1970

    Post tat-twelid: Leningrad, USSR (issa St. Petersburg, il-Federazzjoni Russa)

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Numru ta' Identifikazzjoni tat-Taxxa: I781400896256

    Mikhail Kontserev huwa d-Direttur Ġenerali ta' Kumpanija Pubblika Konġunta tal-Istokks (PJSC) TransContainer. PJSC TransContainer hija kumpanija tat-trasport Russa u l-akbar operatur tal-kontejners ferrovjarji tar-Russja. Id-dħul ta' PJSC TransContainer żdied matul l-2023 u l-kumpanija rreġistrat żieda fit-traffiku ta' tranżitu fit-tieni nofs tal-2023, primarjament dovuta għall-fluss ta' merkanzija Belarussa mill-portijiet tal-majjistral tar-Russja. PJSC TransContainer qablet ukoll li tipprovdi s-servizzi tagħha fit-terminal il-ġdid ta' Alabuga Żona Ekonomika Speċjali (SEZ). Alabuga SEZ ilu jikkoopera mal-Ministeru għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati Iranjani biex jillokalizza s-sit tal-produzzjoni tad-droni kamikażi Shahed (l-isem tal-verżjoni Russa huwa ‘Geran’).

    28.6.2024

     

     

     

    Barra minn hekk, PJSC TransContainer tipparteċipa fi skemi ta' kummerċ illegali tal-armi mar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) b’appoġġ għall-Gvern Russu. Fl-2023, kontejners tal-vjeġġ li kienu proprjetà ta' PJSC TransContainer intlemħu fi triqthom lejn il-port ta' Rajin tar-RDPK. Kontejners ta' PJSC TransContainer intlemħu wkoll f’Tikhoretsk Ammo Depot, li jipprovdi provvisti ta' diversi tipi ta' munizzjon lill-forzi armati Russi. Tikhoretsk Ammo Depot, faċilita’ ta' ħażna strateġika, li tinsab madwar 400 kilometru mill-fruntiera mal-Ukrajna, tappoġġa faċilitajiet operazzjonali ta' ħżin tal-munizzjon għall-forzi armati Russi eqreb lejn l-Ukrajna.

    Għalhekk, fil-kapaċità tiegħu bħala Direttur Ġenerali ta' PJSC TransContainer, Mikhail Kontserev qed jappoġġa materjalment lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.

     

    1825.

    Dimitry Aleksandrovich BELOGLAZOV

    (Дмитрий Александрович БЕЛОГЛАЗОВ)

    Funzjoni: Negozjant, sid ta' LLC Titul

    Data tat-twelid: 18.2.1968

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Dimitry Beloglazov huwa s-sid LLC Titul (ibbażata fir-Russja) li stabbiliet sussidjarja, Kumpannija Konġunta tal-Istokks (JSC)Iliadis (ibbażata fir-Russja), biex takkwista s-sehem ta' Oleg Deripaska fl-International LLCRasperia Trading Limited (‘Rasperia’, ibbażata fir-Russja). Rasperia għandha 28,5  miljun sehem fil-kumpanija Ewropea STRABAG SE. Dawk l-ishma ġew iffriżati minħabba li Rasperia kienet ikkontrollata minn Oleg Vladimirovich Deripaska, individwu suġġett għal miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    Oleg Deripaska kkoordina skema kumplessa ta' evażjoni ma' Dimitry Beloglazov biex ibigħ l-ishma ffriżati ta' STRABAG. Għal dak l-għan, il-kumpanija ta' Beloglazov LLC Titul stabbiliet sussidjarja, JSC Iliadis, li akkwistat is-sehem ta' Deripaska f'Rasperia, u b'hekk ukoll l-ishma ta' STRABAG iffriżati. Deripaska rċieva benefiċċju ekonomiku ekwivalenti għall-bejgħ ta' Rasperia.

    28.6.2024”;

     

     

     

    Dimitry Beloglazov u l-kumpaniji involuti LLC Titul, JSC Iliadis u Rasperia użaw din l-iskema biex ibigħu, barra mill-Unjoni, kumpanija mhux tal-Unjoni kkontrollata minn persuna elenkata u li għandha ishma ffriżati ta' kumpanija tal-Unjoni bl-uniku skop li jneħħu l-iffriżar ta' dawk l-ishma fl-Unjoni, u b'hekk jevitaw il-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    Għalhekk, Dimitry Beloglazov qed jiffaċilita l-ksur tal-projbizzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni tar-Regolament (UE) Nru 269/2014.

     

    Entitajiet

     

    Isem

    Informazzjoni għall-identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “474.

    PJSC TransContainer

    (ПАО Трансконтейнер)

    Indirizz: 141402, Russian Federation, Moscow region, Khimki, Leningradskaya st., vld. 39

    Tip ta' entità: Kumpannija Konġunta Pubblika tal-Istocks

    Post tar-reġistrazzjoni: Russian Federation

    Data tar-reġistrazzjoni: 4.3.2006

    PJSC TransContainer hija kumpanija tat-trasport Russa, u l-akbar operatur tal-kontejners ferrovjarji tar-Russja. Id-dħul ta’ PJSC TransContainer żdied matul l-2023 u l-kumpanija rreġistrat żieda fit-traffiku ta’ tranżitu fit-tieni nofs tal-2023, primarjament dovuta għall-fluss ta’ merkanzija Belarussa mill-portijiet tal-majjistral tar-Russja. PJSC TransContainer qablet ukoll li toffri s-servizzi tagħha fit-terminal il-ġdid ta’ Alabuga Żona Ekonomika Speċjali (SEZ). Alabuga SEZ ilu jikkoopera mal-Ministeru għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati Iranjani biex jillokalizza s-sit tal-produzzjoni tad-droni kamikażi Shahed (l-isem tal-verżjoni Russa huwa ‘Geran’).

    28.6.2024

     

     

    Numru ta’ reġistrazzjoni: 1067746341024

    Post prinċipali tan-negozju: Khimki, Russian Federation

    Numru ta’ Identifikazzjoni tat-Taxxa: 7708591995

    Sit web: www.trcont.ru

    Tel: + 7 495 788 17 17

    Indirizz elettroniku: trcont@trcont.com

    Barra minn hekk, PJSC TransContainer tipparteċipa fi skemi ta' kummerċ illegali tal-armi mar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK) b'appoġġ għall-Gvern Russu. Fl-2023, kontejners tal-vjeġġ li kienu proprjetà ta' PJSC TransContainer ġew identifikati fi triqthom lejn il-port ta' Rajin, fir-RDPK. Kontejners ta' PJSC TransContainer intlemħu wkoll f'Tikhoretsk Ammo Depot, li jipprovdi provvisti ta' diversi tipi ta' munizzjon lill-forzi armati Russi. Tikhoretsk Ammo Depot, faċilita’ ta' ħażna strateġika, li tinsab madwar 400 kilometru mill-fruntiera mal-Ukrajna, tappoġġa faċilitajiet operazzjonali ta' ħżin tal-munizzjon għall-forzi armati Russi eqreb lejn l-Ukrajna.

    Għalhekk, PJSC TransContainer qed tappoġġa azzjonijiet li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna, u barra minn hekk qed tappoġġa materjalment lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.

     

    475.

    LLC TITUL

    (ООО ТИТУЛ)

    Indirizz: 123056, Federazzjoni Russa, Moscow, ul. Krasina, 7 str. 2, kom. 3

    Tip ta' entità: Kumpannija b'Responsabbiltà Limitata

    Post tar-reġistrazzjoni: Moscow, Russian Federation

    Data tar-reġistrazzjoni: 23.4.2019

    Numru ta' reġistrazzjoni: 1197746281897

    LLC Titul hija kumpanija bbażata fir-Russja u proprjetà ta' Dimitry Beloglazov. Is-sussidjarja tagħha Kumpannija Konġunta tal-Istokks (JSC)Iliadis (ibbażata fir-Russja) akkwistat is-sehem ta' Oleg Deripaska fil-International LLC Rasperia Trading Limited (‘Rasperia’, ibbażata fir-Russja). Rasperia għandha 28,5 miljun sehem fil-kumpanija Ewropea STRABAG SE. Dawk l-ishma ġew iffriżati minħabba li Rasperia kienet ikkontrollata minn Oleg Vladimirovich Deripaska, individwu suġġett għal miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    L-istabbiliment ta' sussidjarja ta' LLC Titul kien ikkoordinat bejn Dimitry Beloglazov u Oleg Deripaska biex jinbiegħu l-ishma ffriżati ta' STRABAG. Għal dak l-għan, il-kumpanija ta' Beloglazov LLC Titul stabbiliet sussidjarja, JSC Iliadis, li akkwistat is-sehem ta' Deripaska f'Rasperia, u b'hekk ukoll l-ishma ta' STRABAG iffriżati. Deripaska rċieva benefiċċju ekonomiku ekwivalenti għall-bejgħ ta' Rasperia.

    28.6.2024

     

     

     

    Dimitry Beloglazov u l-kumpaniji involuti LLC Titul, JSC Iliadis u Rasperia użaw din l-iskema kumplessa biex ibigħu, barra mill-Unjoni, kumpanija mhux tal-Unjoni kkontrollata minn persuna elenkata u li għandha ishma ffriżati ta' kumpanija tal-Unjoni bl-uniku skop li jneħħu l-iffriżar ta' dawk l-ishma fl-Unjoni, u b'hekk jevitaw il-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    Għalhekk, Titul LLC qed tiffaċilita l-ksur tal-projbizzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni tar-Regolament (UE) Nru 269/2014.

     

    476.

    JSCILIADIS

    (АО Илиадис)

    Indirizz: 105120, Federazzjoni Russa, Moscow, per. 3-i Syromiatnicheskii, 3/9 str. 1

    Tip ta' entità: Joint Stock Company

    Indirizz elettroniku: aoiliadis@rambler.ru

    Post tar-reġistrazzjoni: Moscow, Russian Federation

    Data tar-reġistrazzjoni: 12.7.2023

    Numru ta' reġistrazzjoni: 1237700470842

    JSC Iliadis hija kumpanija bbażata fir-Russja. Hija ġiet stabbilita bħala sussidjarja ta' LLC Titul, kumpanija bbażata fir-Russja li hija proprjetà ta' Dimitry Aleksandrovich Beloglazov, u hija akkwistat is-sehem ta' Oleg Deripaska fl-International LLC Rasperia Trading Limited (‘Rasperia’, ibbażata fir-Russja). Rasperia għandha 28,5 miljun sehem fil-kumpanija Ewropea STRABAG SE. Dawk l-ishma ġew iffriżati minħabba li Rasperia kienet ikkontrollata minn Oleg Deripaska, individwu suġġett għal miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    L-istabbiliment tas-sussidjarja JSC Iliadis kien ikkoordinat bejn Dimitry Beloglazov u Oleg Deripaska biex jinbiegħu l-ishma ffriżati ta' STRABAG. Għal dak l-għan, il-kumpanija ta' Beloglazov LLC Titul stabbiliet sussidjarja, JSC Iliadis, li akkwistat is-sehem ta' Deripaska f'Rasperia, u b'hekk ukoll l-ishma ta' STRABAG iffriżati. Deripaska rċieva benefiċċju ekonomiku ekwivalenti għall-bejgħ ta' Rasperia.

    28.6.2024

     

     

     

    Dimitry Beloglazov u l-kumpaniji involuti LLC Titul, JSC Iliadis u Rasperia użaw din l-iskema kumplessa biex ibigħu, barra mill-Unjoni, kumpanija mhux tal-Unjoni kkontrollata minn persuna elenkata u li għandha ishma ffriżati ta' kumpanija tal-Unjoni bl-uniku skop li jneħħu l-iffriżar ta' dawk l-ishma fl-Unjoni, u b'hekk jevitaw il-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    Għalhekk, JSC Iliadis qed tiffaċilita l-ksur tal-projbizzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni tar-Regolament (UE) Nru 269/2014.

     

    477.

    International LLC ‘Rasperia Trading Limited’

    (МКАО ‘Распериа Трейдинг Лимитед’)

    Indirizz: 236006, Region Kaliningrad, Kaliningrad, Solnechny blvd., 25, premisch. A/60

    Tip ta' entità: Kumpanija Internazzjonali b'Responsabbiltà Limitata

    Data tar-reġistrazzjoni: 20.5.2019 (irreġistrata bħala intrapriża żgħira u ta' daqs medju);

    10.7.2023 (irreġistrata bħala intrapriża ta' daqs żgħir)

    Numru ta' reġistrazzjoni: 1193926007153

    International LLC Rasperia Trading Limited (‘Rasperia’, ibbażata fir-Russja) għandha 28,5 miljun sehem fil-kumpanija Ewropea STRABAG SE. Dawk l-ishma ġew iffriżati minħabba li Rasperia kienet ikkontrollata minn Oleg Vladimirovich Deripaska, individwu suġġett għal miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    Oleg Deripaska kkoordina skema kumplessa ta' evażjoni ma' Dimitry Aleksandrovich Beloglazov, biex ibigħ l-ishma ffriżati ta' STRABAG. Għal dak l-għan, il-kumpanija ta' Beloglazov LLC Titul (ibbażata fir-Russja) stabbiliet sussidjarja, JSC Iliadis (ibbażata fir-Russja), li akkwistat is-sehem ta' Deripaska f'Rasperia, u b'hekk ukoll l-ishma ta' STRABAG iffriżati. Deripaska rċieva benefiċċju ekonomiku ekwivalenti għall-bejgħ ta' Rasperia.

    28.6.2024”.

     

     

     

    Beloglazov u l-kumpaniji involuti LLC Titul, JSC Iliadis u Rasperia użaw din l-iskema kumplessa biex ibigħu, barra mill-Unjoni, kumpanija mhux tal-Unjoni kkontrollata minn persuna elenkata u li għandha ishma ffriżati ta' kumpanija tal-Unjoni bl-uniku skop li jneħħu l-iffriżar ta' dawk l-ishma fl-Unjoni, u b'hekk jevitaw il-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    Għalhekk, Rasperia qed tiffaċilita l-ksur tal-projbizzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni tar-Regolament (UE) Nru 269/2014.

     


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1842/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top