This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022D0696
Commission Implementing Decision (EU) 2022/696 of 29 April 2022 granting a derogation requested by Ireland pursuant to Council Directive 91/676/EEC concerning the protection of waters against pollution caused by nitrates from agricultural sources (notified under document C(2022) 2596) (only the English and the Irish texts are authentic)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/696 tad-29 ta’ April 2022 li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument C(2022) 2596) (it-testi bl-Ingliż u bl-Irlandiż biss huma awtentiċi)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/696 tad-29 ta’ April 2022 li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument C(2022) 2596) (it-testi bl-Ingliż u bl-Irlandiż biss huma awtentiċi)
C/2022/2596
ĠU L 129, 3.5.2022, p. 37–45
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Derogation | 31991L0676 | anness III punt 2 paragrafu mhux numerat 2 sentenza 1 | 03/05/2022 | 31/12/2025 |
3.5.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 129/37 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/696
tad-29 ta’ April 2022
li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli
(notifikata bid-dokument C(2022) 2596)
(it-testi bl-Ingliż u bl-Irlandiż biss huma awtentiċi)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1), u b’mod partikolari paragrafu 2, it-tielet subparagrafu, tal-Anness III tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tistipula r-regoli dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli. |
(2) |
Il-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE jistabbilixxi li l-Istati Membri li beħsiebhom japplikaw aktar demel tal-bhejjem minn 170 kg nitroġenu għal kull ettaru (ha) jridu jiffissaw dawn l-ammonti b’mod li ma jippreġudikawx il-kisba tal-miri speċifikati fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva. Dawn l-ammonti għandhom jiġu ġġustifikati fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi. |
(3) |
Fit-22 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/697/KE (2) li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva 91/676/KEE biex tawtorizza l-applikazzjoni ta’ demel tal-bhejjem sa limitu ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, skont ċerti kundizzjonijiet, f’azjendi agrikoli b’tal-anqas 80 % ta’ art bil-mergħat, fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż kif implimentat mill-Irlanda permezz tar-Regolamenti tal-Komunitajiet Ewropej tal-2006 (Metodi ta’ Biedja Għaqlija għall-Ħarsien tal-Ilmijiet) (3). |
(4) |
Fl-24 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/127/UE (4), li temenda d-Deċiżjoni 2007/697/KE u li testendi d-deroga sal-31 ta’ Diċembru 2013, fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż kif implimentat mill-Irlanda permezz tar-Regolamenti tal-Komunitajiet Ewropej tal-2010 (Metodi ta’ Biedja Għaqlija għall-Ħarsien tal-Ilmijiet) (5). |
(5) |
Fis-27 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/112/UE (6) dwar l-għoti ta’ deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva 91/676/KEE biex tawtorizza l-applikazzjoni ta’ demel tal-bhejjem sa limitu ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, skont ċerti kundizzjonijiet, għal irzizet b’tal-anqas 80 % ta’ bwar, fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż kif implimentat mill-Irlanda permezz tar-Regolamenti tal-Komunitajiet Ewropej tal-2014 (Metodi ta’ Biedja Għaqlija għall-Ħarsien tal-Ilmijiet) (7). |
(6) |
Fit-8 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/209 (8) dwar l-għoti ta’ deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva 91/676/KEE biex tawtorizza l-applikazzjoni ta’ demel tal-bhejjem sa limitu ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, skont ċerti kundizzjonijiet, f’azjendi agrikoli b’tal-anqas 80 % ta’ bwar, fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż kif implimentat mill-Irlanda permezz tar-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea tal-2017 (Metodi ta’ Biedja Għaqlija għall-Ħarsien tal-Ilmijiet) (9). Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/209 skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2021. |
(7) |
Id-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/209 kienet tikkonċerna 6 016 azjenda agrikola fl-2020, li jikkorrispondu għal madwar 4,9 % tal-għadd totali ta’ azjendi b’annimali li jirgħu, 15,9 % tal-għadd totali ta’ unitajiet ta’ bhejjem u 9,6 % tat-total nett ta’ żoni agrikoli fl-Irlanda. |
(8) |
Fl-14 ta’ Ottubru 2021, l-Irlanda ressqet talba lill-Kummissjoni għal estensjoni tad-deroga skont il-paragrafu (2), it-tielet subparagrafu, tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE. |
(9) |
F’konformità mar-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea tal-2022 (Prattika Agrikola Tajba għall-Protezzjoni tal-Ilmijiet) (10), l-Irlanda adottat programm ta’ azzjoni ġdid b’miżuri addizzjonali u msaħħa biex tikkonforma mal-objettivi tad-Direttiva 91/676/KEE. |
(10) |
F’konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/676/KEE, l-Irlanda timplimenta programm ta’ azzjoni fit-territorju kollu tagħha. |
(11) |
Id-data pprovduta mill-Irlanda fil-kuntest tal-obbligu ta’ rappurtar kif rikjest mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/676/KEE turi li, għall-perjodu 2016-2019, l-ilmijiet huma ġeneralment ta’ kwalità tajba. 98,5 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ kollha għall-ilma tal-pjan fl-Irlanda kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-50 mg/l, u 81,5 % minn dawk l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-25 mg/l. L-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ kollha għall-ilma tal-wiċċ fl-Irlanda kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt l-50 mg/l, u 99,2 % minn dawk l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-25 mg/l. Barra minn hekk, 14 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-ilma tal-wiċċ irrappurtaw ewtrofikazzjoni u 10 % minnhom irrappurataw riskju ta’ ewtrofikazzjoni. Fir-rigward tax-xejriet, l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ għall-37,5 % tal-ilma tal-pjan irrappurtaw żieda fil-konċentrazzjonijiet tan-nitrati, 45,5 % irrappurtaw xejriet stabbli u 17 % rrappurtaw xejriet ta’ tnaqqis. Fir-rigward tal-ilma tal-wiċċ, 11,1 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ irrappurtaw żieda fil-konċentrazzjonijiet tan-nitrati, 86,2 % irrappurtaw xejriet stabbli u 2,8 % irrappurtaw xejriet ta’ tnaqqis. |
(12) |
F’dawn l-aħħar snin, l-għadd ta’ bhejjem fl-Irlanda żdied. L-għadd ta’ bhejjem tal-ifrat, ħnieżer u nagħaġ żdied rispettivament b 4,78 %, 2,81 % u 0,54 % mill-perjodu 2012-2015 sal-perjodu 2016-2019; jkomplu maż-żieda ta’ xejriet tal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti. Il-piż medju ta’ nitroġenu mid-demel tal-bhejjem fil-perjodu 2016-2018 kien ta’ 117 kg ta’ nitroġenu/ha, meta mqabbel mal-104 kg nitroġenu/ha f’dak tal-perjodu 2012-2015. Il-piż medju ta’ fosforu mid-demel tal-bhejjem fil-perjodu 2016-2018 kien ta’ 14 kg ta’ fosforu/ha, meta mqabbel mal-15 kg fosforu/ha f’dak tal-perjodu 2012-2015. L-użu medju tal-fertilizzant kimiku nitroġenu żied b’13 % fil-perjodu 2016-2019 meta mqabbel mal-perjodu 2012-2015. L-użu medju tal-fertilizzant kimiku fosforu żied b’24 % fil-perjodu 2016-2019 meta mqabbel mal-perjodu 2012-2015. Is-surplus medju tal-fosforu fil-perjodu 2016-2018 kien ta’ 23,1 kg ta’ fosforu/ettaru meta mqabbel ma’ 20 kg ta’ fosforu/ettaru fil-perjodu 2012-2015. Is-surplus medju ta’ nitroġenu fil-perjodu 2016-2018 kien ta’ 62,3 kg ta’ nitroġenu/ettaru meta mqabbel ma’ 44,8 kg ta’ nitroġenu/ettaru fil-perjodu 2012-2015. |
(13) |
Fl-Irlanda, 92 % tal-art agrikola hija ddedikata għall-bwar. B’mod ġenerali, 67 % tal-art hija maħduma b’mod estensiv u għaldaqstant għandha densità tal-għelejjel u użu ta’ fertilizzanti relattivament baxxi, 33 % tinħadem skont il-programmi agroambjentali, u 14 % biss tinħadem b’mod intensiv. 6,6 % tintuża bħala raba’ maħdum. L-użu medju tal-fertilizzant kimiku fil-bwar hu 78,3 kg/ha ta’ nitroġenu u 8,6 kg/ha ta’ fosforu. |
(14) |
Il-klima Irlandiża, li hija kkaratterizzata minn kwantità annwali ta’ xita mqassma b’mod indaqs matul is-sena u varjazzjoni relattivament żgħira fit-temperatura annwali, tiffavorixxi staġun twil ta’ tkabbir tal-bwar li jvarja minn 330 jum fis-sena fil-parti tal-Lbiċ sa madwar 250 jum fis-sena fil-parti tal-Grigal (11). |
(15) |
It-tagħrif ta’ sostenn ippreżentat mill-Irlanda juri li l-ammont propost ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għal azjendi agrikoli b’tal-anqas 80 % ta’ bwar huwa ġġustifikat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħal staġuni twal ta’ tkabbir jew il-produttività għolja ta’ ħaxix b’assorbiment għoli tan-nitroġenu. |
(16) |
Wara li eżaminat it-talba mill-Irlanda skont il-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu, tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE, u fid-dawl tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż u tal-esperjenza miksuba mid-deroga prevista fid-Deċiżjoniji 2007/697/KE u d-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2014/112/UE u (UE) 2018/209, il-Kummissjoni tqis li l-ammont ta’ demel propost mill-Irlanda, li jikkorrispondi għal 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, mhux se jkun ta’ ħsara għall-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, sakemm ikunu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet individwali stretti li jenħtieġ li japplikaw għall-bdiewa koperti mill-awtorizzazzjoni. |
(17) |
Fid-dawl tad-data msemmija fil-premessi 11 sa 13, il-kundizzjonijiet previsti f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jissaħħu meta mqabbla ma’ dawk previsti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/209. Il-kundizzjonijiet stabbiliti kif ukoll is-sistemi ta’ monitoraġġ u kontroll jenħtieġ li jkunu biżżejjed biex jiżguraw li din id-deroga tkun koerenti mal-miri legalment vinkolanti tad-Direttiva Qafas tal-Ilma (12), l-ambizzjoni dejjem akbar tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (13) kif ukoll l-objettivi ta’ aspirazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew dwar it-tniġġis tan-nutrijenti. |
(18) |
Jenħtieġ li jittieħdu miżuri addizzjonali fir-rigward tal-applikazzjoni tad-demel u fertilizzanti oħra. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jikkontribwixxu għat-titjib fil-ġestjoni tan-nutrijenti permezz ta’ fertilizzazzjoni ottimizzata u użu limitat tal-fertilizzanti. Il-miżuri elenkati f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li ikunu addizzjonali għall-miżuri li diġà qed jiġu applikati permezz tal-Kodiċi ta’ Prattiki Agrikoli Tajbin. |
(19) |
Il-kontrolli amministrattivi annwali u l-ispezzjonijiet fuq il-post jenħtieġ li jiżdiedu għal 10 % tal-azjendi agrikoli li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni. L-ispezzjonijiet fuq il-post jenħtieġ li ikunu bbażati fuq metodoloġija soda, inklużi valutazzjoni tar-riskju, kontrolli każwali u r-riżultati tal-kontrolli tas-snin preċedenti. L-awtoritajiet nazzjonali jenħtieġ li jirrevedu l-programm ta’ spezzjoni agrikola mwettaq mill-awtoritajiet lokali kif ukoll ir-riżorsi meħtieġa biex jitwettqu l-ispezzjonijiet. Jenħtieġ li jiġu applikati sanzjonijiet dissważivi (inklużi dawk ekonomiċi). Jenħtieġ li jiġu segwiti ilmenti jew rapporti ta’ nuqqas ta’ konformità minn ċittadini, organizzazzjonijiet mhux governattivi jew informaturi. |
(20) |
Fl-2023, l-awtoritajiet Irlandiżi jenħtieġ li iwettqu reviżjoni ta’ sentejn tal-kwalità tal-ilma, inklużi l-konċentrazzjoni tan-nitrat u l-istatus trofiku. F’żoni fejn id-data ta’ monitoraġġ tiżvela jew xejriet li sejrin għall-agħar jew sitwazzjoni ta’ tniġġis jew riskju ta’ tniġġis fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitrati jew l-ewtrofikazzjoni, mill-2024, l-ammont massimu ta’ demel applikabbli li jista’ jiġi applikat jenħtieġ li jitnaqqas għal 220 kg ta’ nitroġenu/ha. |
(21) |
F’konformità mad-Direttiva 91/676/KEE ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ tal-konċentrazzjoni tan-nitrat u tal-istatus trofiku jibqgħu japplikaw. Ir-reviżjoni ta’ sentejn jenħtieġ li tkun ibbażata fuq data minn dan il-monitoraġġ. Se jkunu meħtieġa monitoraġġ addizzjonali u rappurtar annwali fl-oqsma koperti mid-deroga. |
(22) |
Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) tistabbilixxi regoli ġenerali maħsuba għall-istabbiliment tal-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Unjoni għall-finijiet tal-politiki ambjentali tal-Unjoni u tal-politiki jew tal-attivitajiet li jista’ jkollhom impatt fuq l-ambjent. Meta applikabbli, jenħtieġ li l-informazzjoni spazjali miġbura skont din id-Deċiżjoni għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dik id-Direttiva. Sabiex jonqos il-piż amministrattiv u tiżdied il-koerenza tad-data, l-Irlanda, meta tiġbor id-data neċessarja skont din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li tuża l-informazzjoni ġġenerata skont is-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll stabbilita skont it-Titolu V, Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). |
(23) |
Id-deroga prevista f’din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Irlanda li tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (16), inkluża s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-293/17 Coöperatie Mobiliation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (17), b’mod partikolari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) ta’ dik id-Direttiva. |
(24) |
Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 9 ta’ din id-Deċiżjoni huma kundizzjonijiet obbligatorji għall-azjendi agrikoli tal-bwar kollha li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont id-deroga. Għalhekk, dawn il-kundizzjonijiet jitqiesu bħala standards u rekwiżiti obbligatorji stabbiliti fil-liġi nazzjonali għal dawn l-entitajiet skont it-tifsira tal-Artikolu 12 u 13 tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). |
(25) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati mwaqqaf skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Deroga
Id-deroga mitluba mill-Irlanda permezz tal-ittra tal-14 ta’ Ottubru 2021, bil-għan li jiġi awtorizzat l-użu fuq l-art ta’ ammont ta’ nitroġenu mid-demel tal-bhejjem ogħla minn dak previst fil-paragrafu 2, tat-tieni subparagrafu, tal-ewwel sentenza, tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE, 170 kg ta’ nitroġenu, qed tingħata soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 12 ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“ħaxix” tfisser bwar permanenti jew bwar temporanji ta’ anqas minn erba’ snin; |
(b) |
“azjendi agrikoli tal-bwar” tfisser azjendi agrikoli fejn 80 % jew aktar taż-żoni agrikoli disponibbli għall-applikazzjoni tad-demel tkun ħaxix; |
(c) |
“bhejjem li jirgħu” tfisser bhejjem tal-ifrat (għajr għall-għoġġiela tal-vitella), nagħaġ, ċriev, mogħoż u żwiemel; |
(d) |
“roqgħa” tfisser għalqa individwali jew grupp ta’ għelieqi, li huma omoġenji fir-rigward tal-kultivazzjoni, it-tip ta’ ħamrija u l-prattiki ta’ fertilizzazzjoni; |
(e) |
“pjan ta’ fertilizzazzjoni” tfisser kalkolu minn qabel dwar l-użu ppjanat u d-disponibbiltà tan-nutrijenti; |
(f) |
“kont tal-fertilizzazzjoni” tfisser il-bilanċ tan-nutrijenti abbażi tal-użu reali u l-assorbiment tan-nutrijenti; |
(g) |
“art komuni” tfisser roqgħa art li tkun miżmuma minn żewġ persuni jew aktar f’ishma speċifikati jew b’mod konġunt u oriġinarjament mixtrija mill-Kummissjoni tal-Art Irlandiża skont l-Atti dwar ix-Xiri tal-Art, inkluża art li fuqha żewġ persuni jew aktar ikollhom drittijiet għall-mergħat jew id-dritt li jieħdu t-turf. |
Artikolu 3
Kamp ta’ applikazzjoni
Din id-deroga skont l-Artikolu 1 għandha tapplika għall-azjendi agrikoli tal-bwar li għalihom ingħatat awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 5 (“l-awtorizzazzjoni”).
Artikolu 4
Applikazzjoni u impenn annwali
1. Il-bdiewa tal-azjendi tal-bwar li jixtiequ jibbenefikaw minn deroga għandhom, kull sena, iressqu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti għal awtorizzazzjoni biex japplikaw demel tal-bhejjem li jkun fih sa 250 kg ta’ nitroġenu/ha fis-sena. L-applikazzjoni għandha tinkludi dikjarazzjoni li tistqarr li l-bidwi tal-azjenda tal-bwar jissottometti ruħu għall-kontrolli kollha previsti fl-Artikolu 11.
2. Fl-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-applikant għandu jintrabat ruħu bil-miktub li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli minn 6 sa 9.
Artikolu 5
L-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet
L-awtorizzazzjonijiet biex jiġi applikat ammont ta’ demel tal-bhejjem fl-azjendi agrikoli tal-bwar li fih sa 250 kg ta’ nitroġenu/ha fis-sena għandhom jingħataw soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli minn 6 sa 9.
Artikolu 6
Kundizzjonijiet rigward l-applikazzjoni tad-demel u fertilizzanti oħra
1. L-ammont ta’ demel tal-bhejjem li jirgħu li jiġi applikat fuq l-art kull sena fl-azjendi agrikoli tal-bwar, inkluż dak mill-bhejjem stess, ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ demel li jkun fih 250 kg ta’ nitroġenu/ha fis-sena soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi minn 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu. Mill-2024, bħala konsegwenza tar-reviżjoni ta’ sentejn, dan l-ammont massimu ma għandux jaqbeż il-220 kg ta’ nitroġenu/ha fis-sena fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 12.
2. Il-kontributi totali ta’ nitroġenu la għandhom jaqbżu d-domanda prevedibbli ta’ nutrijenti tal-għalla kkonċernata, u lanqas ma għandhom jaqbżu r-rata massima ta’ fertilizzazzjoni applikabbli għall-azjendi agrikoli tal-bwar, kif stabbilit fil-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati, u għandhom iqisu l-provvista mill-ħamrija. L-applikazzjoni totali tan-nitroġenu għandha tkun differenzjata abbażi tar-rata tal-irjus u l-produttività tal-bwar.
3. Għal kull azjenda agrikola tal-bwar għandu jitħejja u jinżamm pjan tal-fertilizzazzjoni. Dan il-pjan tal-fertilizzazzjoni għandu jiddeskrivi n-newba tal-għelejjel tal-art agrikola, u l-applikazzjoni ppjanata tad-demel u fertilizzanti oħra. Dak il-pjan ta’ fertilizzazzjoni għandu jkun disponibbli fuq l-azjenda agrikola tal-bwar għal kull sena kalendarja qabel l-1 ta’ Marzu tas-sena li tkun. Dak il-pjan għandu jinkludi tal-anqas dan li ġej:
(a) |
il-pjan tan-newba tal-għelejjel li jispeċifika dan li ġej:
|
(b) |
l-għadd ta’ bhejjem fl-azjendi agrikola tal-bwar; |
(c) |
id-deskrizzjoni tal-post fejn jinżammu u tas-sistema tal-ħżin tad-demel, inkluż il-volum tal-ħżin tad-demel disponibbli; |
(d) |
il-kalkolu tan-nitroġenu u tal-fosforu fid-demel prodotti fuq l-azjenda agrikola tal-bwar; |
(e) |
l-ammont, it-tip u l-karatteristiki tad-demel imwassal barra tal-azjenda agrikola tal-bwar jew lejn l-azjenda agrikola tal-bwar; |
(f) |
ir-rekwiżiti prevedibbli għall-għelejjel tan-nitroġenu u tal-fosforu għal kull roqgħa; |
(g) |
ir-riżultati tal-analiżi tal-ħamrija b’rabta mal-istatus tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija, jekk ikunu disponibbli; |
(h) |
in-natura tal-fertilizzant li jkun se jintuża; |
(i) |
il-kalkolu tal-użu tan-nitroġenu u tal-fosforu mid-demel għal kull roqgħa; |
(j) |
il-kalkolu tal-użu tan-nitroġenu u tal-fosforu minn fertilizzanti kimiċi u fertilizzanti oħrajn għal kull. |
Il-pjan ta’ fertilizzazzjoni għandu jiġi rivedut mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli fl-azjenda agrikola tal-bwar.
Għal kull azjenda agrikola tal-bwar, għandhom jitħejjew u jinżammu kontijiet tal-fertilizzazzjoni, li jinkludu informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-kontributi tan-nitroġenu u tal-fosforu u dwar il-ġestjoni tal-ilma maħmuġ. Dawn għandhom jiġu sottomessi lill-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja sal-31 ta’ Marzu tas-sena kalendarja sussegwenti.
Għandu jiġi adottat programm għat-trattament bil-ġir ibbażat fuq pjan ta’ ġestjoni tan-nutrijenti u assoċjat mar-riżultati tal-analiżi tal-ħamrija.
4. Id-demel tal-bhejjem ma għandux jitferrex fil-ħarifa, qabel il-kultivazzjoni tal-ħaxix.
5. Tal-inqas 50 % tad-demel likwidu prodott fl-azjenda agrikola tal-bwar għandu jiġi applikat sal-15 ta’ Ġunju. Għandu jintuża tagħmir għat-tifrix tad-demel likwidu b’emissjonijiet baxxi għall-applikazzjonijiet kollha tad-demel likwidu.
6. Il-provvediment tar-rata tal-irjus f’żoni komuni m’għandux jaqbeż 50 kg ta’ nitroġenu/ha. Fertilizzant kimiku m’għandux ikun permess f’art komuni.
Artikolu 7
Kundizzjonijiet rigward it-teħid ta’ kampjuni mill-ħamrija u l-analiżi tal-ħamrija
1. Għal kull azjenda agrikola tal-bwar, għandha ssir analiżi perjodika tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija.
2. Il-kampjunar u l-analiżi għandhom isiru tal-inqas darba kull erba’ snin għal kull żona b’karatteristiċi simili fir-rigward tan-newba tal-għelejjel u tal-karatteristiċi tal-ħamrija.
3. Tal-inqas għandha ssir analiżi waħda għal kull ħames ettari ta’ azjenda agrikola tal-bwar.
4. Ir-riżultati tal-analiżi tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija għandhom ikunu disponibbli fl-azjenda agrikola tal-bwar.
Artikolu 8
Kundizzjonijiet rigward il-ġestjoni tal-art
1. Il-bdiewa li jixtiequ jaħartu l-bwar għandhom jagħmlu dan bejn l-1 ta’ Marzu u l-31 ta’ Mejju.
2. Il-ħaxix maħrut fuq it-tipi kollha ta’ ħamrija għandu jiġi segwit minn għalla b’domanda għolja ta’ nitroġenu immedjatament u mhux aktar tard minn tliet ġimgħat wara l-ħrit tal-ħaxix.
3. In-newba tal-għelejjel ma għandhiex tinkludi pjanti leguminużi jew pjanti oħra li jiffissaw in-nitroġenu atmosferiku. Madankollu, dan ma għandux japplika għas-silla fil bwar b’anqas minn 50 % ta’ silla, jew għal pjanti leguminużi oħra li jinżergħu flimkien mal-ħaxix.
4. Iż-żrigħ mill-ġdid tal-ħaxix kollu fl-azjenda agrikola tal-bwar għandu jkun fih mill-inqas 1,5 kg/ha ta’ żerriegħa tas-silla mikxufa jew mill-inqas 2,5 kg/ha ta’ silla f’forma ta’ gerbub.
5. L-irqajja’ għandhom ikunu mgħammra b’lqugħ li jiżgura distanza minima ta’ 1,5 metru bejn il-bhejjem u l-korsiji tal-ilma, u l-punti tax-xorb għandhom jiġu installati f’distanza minima ta’ 20 metru minn korsija tal-ilma.
Artikolu 9
Kundizzjoni għall-għalf tal-bhejjem
Massimu ta’ 15 % ta’ proteina mhux raffinata f’għalf konċentrat għall-bhejjem li jirgħu għandu jkun permess kull sena bejn l-15 ta’ April u t-30 ta’ Settembru.
Artikolu 10
Monitoraġġ
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kull sena jitfasslu l-mapep biex juru dan li ġej:
(a) |
il-perċentwal tal-azjendi agrikoli tal-bwar f’kull pajjiż li huma koperti mill-awtorizzazzjonijiet; |
(b) |
il-perċentwal tal-bhejjem f’kull pajjiż li huma koperti mill-awtorizzazzjonijiet; |
(c) |
il-perċentwal tal-art agrikola f’kull pajjiż li hija koperta mill-awtorizzazzjonijiet; |
(d) |
l-użu lokali tal-art. |
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmonitorjaw l-ilma fiż-żona tal-għeruq, l-ilma tal-wiċċ u l-ilma tal-pjan. Huma għandhom ukoll, kemm taħt kundizzjonijiet ta’ deroga kif ukoll mingħajr deroga, jipprovdu lill-Kummissjoni b’data dwar il-konċentrazzjonijiet ta’ nitroġenu u tal-fosforu fiż-żona tal-għeruq u l-konċentrazzjonijiet tan-nitrati fl-ilma tal-wiċċ u tal-pjan.
3. Il-monitoraġġ għandu jitwettaq fuq l-iskala tal-għalqa tal-azjenda agrikola, u fiż-żoni ta’ qbid agrikoli għall-monitoraġġ. Is-siti tal-monitoraġġ għandhom ikunu rappreżentattivi tat-tipi ta’ ħamrija u l-livelli ta’ intensità ewlenin, tal-prattiki l-iktar komuni ta’ fertilizzazzjoni, u tal-għelejjel ewlenin.
4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu monitoraġġ msaħħaħ tal-ilma fiż-żoni ta’ qbid agrikoli li jinsabu qrib l-iktar korpi tal-ilma vulnerabbli.
5. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu stħarriġ tal-użu lokali tal-art, tan-newba tal-għelejjel u tal-prattiki agrikoli għall-azjendi agrikoli tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet.
6. L-informazzjoni u d-data miġbura mill-analiżi tan-nutrijenti msemmija fl-Artikolu 7(1), (2) u (3) għandhom jintużaw għal kalkoli ibbażati fuq mudelli ta’ kemm hu kbir it-telf tan-nitrati u l-fosforu minn azjendi agrikoli tal-bwar li jibbenefikaw minn awtorizzazzjonijiet.
Artikolu 11
Kontrolli
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi tal-applikazzjonijiet kollha għal awtorizzazzjoni li jivvalutaw il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli minn 6 sa 9. Jekk jintwera li dawk il-kundizzjonijiet mhumiex issodisfati, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda u l-applikant għandu jiġi mgħarraf bir-raġunijiet għar-rifjut. Kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi għal mill-inqas 10 % mill-azjendi agrikoli tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet fir-rigward tal-użu tal-art, tal-għadd ta’ bhejjem u t-tip u l-produzzjoni u l-esportazzjoni tad-demel.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu programm ta’ spezzjonijiet fuq il-post tal-azjendi agrikoli tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet abbażi tar-riskju u bi frekwenza xierqa, li jkunu jikkunsidraw ir-riżultati tal-kontrolli tas-snin ta’ qabel u r-riżultati tal-kontrolli każwali ġenerali tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 91/676/KEE u kull informazzjoni li tista’ tindika nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 9. Kull sena, għandhom isiru spezzjonijiet fuq il-post f’mill-anqas 10 % tal-azjendi agrikoli tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet biex tiġi vvalutata l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 9.
3. Meta f’xi sena jiġi stabbilit li azjenda agrikola tal-bwar koperta minn awtorizzazzjoni ma tkunx tissodisfa il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 sad-9, id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiġi sanzjonat f’konformità mar-regoli nazzjonali, u s-sena ta’ wara ma għandux ikun eliġibbli għal awtorizzazzjoni.
4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni mogħtija skont din id-Deċiżjoni biex jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli minn 6 sa 9 qabel u wara li jagħtu awtorizzazzjoni skont din id-Deċiżjoni.
Artikolu 12
Reviżjoni ta’ sentejn
1. Sat-30 ta’ Ġunju 2023, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iressqu, flimkien mar-rapport deskritt fl-Artikolu 13, li jikkorrispondi għas-sena 2022, l-anness li jkun fih ir-riżultati tal-monitoraġġ fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitrati tal-ilma tal-pjan u tal-wiċċ u l-istat trofiku tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, ibbażat fuq in-network ta’ monitoraġġ u r-rekwiżiti tad-Direttiva 91/676/KEE dwar in-Nitrati u li jinkludu mill-inqas mapep li juru dawk iż-żoni li jiskulaw fl-ilmijiet fejn id-data tal-monitoraġġ turi:
(a) |
valuri medji tal-konċentrazzjonijiet tan-nitrati ogħla minn 50 mg/l jew xejriet dejjem jiżdiedu tal-konċentrazzjoni tan-nitrati meta mqabbla mal-2021; |
(b) |
Stat “ewtrofiku” jew stat li “jista’ jsir ewtrofiku” b’xejra stabbli jew li sejra għall-agħar meta mqabbla mal-2021. |
L-ilmijiet identifikati mill-punt (a) jew (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom jitqiesu bħala mniġġsa, f’riskju ta’ tniġġis jew li juru xejriet li sejrin għall-agħar. Id-data għall-istima tal-valuri medji għandha tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2022. Għall-valutazzjoni tax-xejriet, għandha titqabbel id-data mill-2021 u l-2022.
2. Għall-elaborazzjoni tal-anness imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, id-data użata għandha tittieħed min-network ta’ monitoraġġ stabbilit skont id-Direttiva 91/676/KEE.
3. Mill-1 ta’ Jannar 2024, f’żoni li jiskulaw f’ilmijiet imniġġsa jew f’riskju ta’ tniġġis jew li jippreżentaw xejriet li sejrin għall-agħar, għandhom jiġu applikati miżuri addizzjonali taħt il-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati. Għall-azjendi agrikoli li ngħataw awtorizzazzjoni skont din id-Deċiżjoni u li jinsabu f’żoni bħal dawn, l-ammont ta’ demel li jista’ jiġi applikat fuq l-art ma għandux jaqbeż il-220 kg ta’ nitroġenu/ha fis-sena.
4. Sat-30 ta’ Settembru 2023, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, bir-riżultati ta’ din ir-reviżjoni ta’ sentejn, u b’mod partikolari dwar iż-żoni u l-azjendi agrikoli b’awtorizzazzjoni fejn l-ammont massimu ta’ demel li għandu jiġi applikat huwa ta’ 220 kg ta’ nitroġenu/ha fis-sena u tal-miżuri addizzjonali li għandhom jiġu applikati fi ħdan il-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati.
Artikolu 13
Rappurtar
Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iressqu rapport lill-Kummissjoni li jinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a) |
il-mapep li juru l-perċentwal ta’ azjendi tal-bwar, il-perċentwal ta’ bhejjem u l-perċentwal ta’ art agrikola koperta minn awtorizzazzjonijiet għal kull kontea, kif ukoll mapep dwar l-użu lokali tal-art, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1); |
(b) |
ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma tal-pjan u tal-wiċċ, fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitrati u tal-fosforu, inkluż informazzjoni dwar ix-xejriet fil-kwalità tal-ilma, kemm taħt kundizzjonijiet ta’ deroga u kemm mingħajr kundizzjonijiet ta’ deroga, flimkien mal-impatt tad-deroga mogħtija f’din id-Deċiżjoni fuq il-kwalità tal-ilma, kif imsemmi fl-Artikolu 10(2); |
(c) |
ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ħamrija fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitroġenu u tal-fosforu fl-ilma tal-ħamrija u fir-rigward tan-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija, kemm taħt kundizzjonijiet ta’ deroga u kemm mingħajr kundizzjonijiet ta’ deroga, kif imsemmi fl-Artikolu 10(2); |
(d) |
is-sommarju u l-evalwazzjoni tad-data miksuba mill-monitoraġġ imsaħħaħ tal-ilma, kif imsemmi fl-Artikolu 10(4); |
(e) |
ir-riżultati tal-istħarriġiet dwar l-użu tal-art lokali, in-newba tal-għelejjel u l-prattiki agrikoli, kif imsemmi fl-Artikolu 10(5); |
(f) |
ir-riżultati tal-kalkoli abbażi ta’ mudelli ta’ kemm hu kbir it-telf tan-nitroġenu u tal-fosforu, kif imsemmi fl-Artikolu 10(6); |
(g) |
l-evalwazzjoni tal-kontrolli amministrattivi u tal-ispezzjonijiet fuq il-post, kif imsemmija fl-Artikolu 11(1) u (2); |
(h) |
ix-xejriet fl-għadd ta’ bhejjem u fil-produzzjoni tad-demel għal kull kategorija ta’ bhejjem u azjendi agrikoli tal-bwar li għandhom awtorizzazzjoni; |
(i) |
l-analiżi komparattiva tal-kontrolli tal-azjendi agrikoli tal-bwar koperti minn awtorizzazzjonijiet u mill-azjendi agrikoli tal-bwar mhux koperti mill-awtorizzazzjonijiet, inkluża data dwar dawn li ġejjin:
|
L-informazzjoni spazjali li hemm fir-rapport għandha, fejn japplika, tikkonforma mad-Direttiva 2007/2/KE. Fejn jixraq, fil-ġbir tad-data meħtieġa, l-Irlanda fejn meħtieġ għandha tuża l-informazzjoni ġġenerata skont is-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll stabbilita f’konformità mal-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
Artikolu 14
Applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż kif implimentat fl-Istrument Statutorju Nru 113 tal-2022, ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea (Prattika Agrikola Tajba għall-Protezzjoni tal-Ilmijiet) tal-2022.
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2025.
Artikolu 15
Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.
Magħmul fi Brussell, it-29 ta’ April 2022.
Għall-Kummissjoni
Virginijus SINKEVIČIUS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/697/KE tat-22 ta’ Ottubru 2007 li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 284, 30.10.2007, p. 27).
(3) L-Istrument Statutorju Nru 378 tal-2006.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/127/UE tal-24 ta’ Frar 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2007/697/KE li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 51, 25.2.2011, p. 19).
(5) L-Istrument Statutorju Nru 610 tal-2010.
(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/112/UE tas-27 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 61, 1.3.2014, p. 7).
(7) L-Istrument Statutorju Nru 31 tal-2014.
(8) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/209 tat-8 ta’ Frar 2018 dwar l-għoti ta’ deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 39, 13.2.2018, p. 5).
(9) L-Istrument Statutorju Nru 605 tal-2017.
(10) L-Istrument Statutorju Nru 113 tal-2022.
(11) Teagasc — the Agriculture and Food Development Authority, l-Irlanda.
(12) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(13) Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).
(14) Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).
(15) Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).
(16) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal- 21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).
(17) Il-Kawża C-293/17 Coöperatie Mobilisation for the Environment and Vereniging Leefmilieu (ECLI:EU:C:2018:882).
(18) Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew iu tal-Kunsill ta’ 2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).