Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0419

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/419 tad-9 ta’ Marzu 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Jasminum polyanthum Franchet li toriġina f’Iżrael, u li jadatta l-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda għall-Ullucus tuberosus u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 fir-rigward tal-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti għat-tħawwil fit-territorju tal-Unjoni

    C/2021/1484

    ĠU L 83, 10.3.2021, p. 6–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/419/oj

    10.3.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 83/6

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/419

    tad-9 ta’ Marzu 2021

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Jasminum polyanthum Franchet li toriġina f’Iżrael, u li jadatta l-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda għall-Ullucus tuberosus u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 fir-rigward tal-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti għat-tħawwil fit-territorju tal-Unjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(3) u l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 42(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2) jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031.

    (2)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 (3) jistabbilixxi r-regoli speċifiċi dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita biex issir il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031 għal dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra ta’ riskju għoli.

    (3)

    Wara valutazzjoni preliminari, fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 iddaħħlu 35 pjanta għat-tħawwil li joriġinaw mill-pajjiżi terzi kollha, bħala pjanti ta’ riskju għoli, li fosthom hemm il-ġeneru Jasminum L.

    (4)

    F’konformità mar-Regolament (UE) 2016/2031, jekk jiġi konkluż abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju li pjanta, prodott mill-pjanti jew oġġett ieħor li joriġinaw minn pajjiż terz, minn grupp ta’ pajjiżi terzi jew minn żona speċifika tal-pajjiż terz ikkonċernat ikun fihom riskju inaċċettabbli ta’ pesti, iżda dak ir-riskju jista’ jitnaqqas għal livell aċċettabbli jekk jitwettqu ċerti miżuri, il-Kummissjoni trid tneħħi dik il-pjanta, il-prodott mill-pjanti jew l-oġġett l-ieħor mil-lista stabbilita bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 u żżidhom mal-lista msemmija fl-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

    (5)

    Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 (4) jistabbilixxi l-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tħassru mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019.

    (6)

    Fil-25 ta’ Settembru 2019, Iżrael ressaq talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni ta’ pjanti għat-tħawwil maqlugħa bl-għeruq tal-Jasminum polyanthum Franchet (“il-pjanti speċifikati”). Dik it-talba ġiet sostnuta bid-dossier tekniku rispettiv.

    (7)

    Fit-12 ta’ Awwissu 2020, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ippubblikat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ komodità tal-pjanti għat-tħawwil Jasminum polyanthum minn Iżrael (5). L-Awtorità identifikat lil Scirtothrips dorsalis, Aonidiella orientalis, Milviscutulus mangiferae, Paracoccus marginatus, Pulvinaria psidii u Colletotrichum siamense (“il-pesti speċifikati”) bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti għat-tħawwil, evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju deskritti fid-dossier għal dawk il-pesti, u stmat il-probabbiltà tagħhom ta’ ħelsien mill-pesti.

    (8)

    Abbażi ta’ dik l-opinjoni, huwa kkunsidrat li r-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil maqlugħa bl-għeruq tal-Jasminum polyanthum Franchet, li joriġinaw minn Iżrael, jitnaqqas għal livell aċċettabbli meta jiġu applikati miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa li jindirizzaw ir-riskju ta’ pesti relatati ma’ dawk il-pjanti għat-tħawwil.

    (9)

    Dawk il-miżuri, adottati bħala rekwiżiti fitosanitarji tal-importazzjoni, jiżguraw il-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni mill-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fl-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pjanti għat-tħawwil maqlugħa bl-għeruq tal-Jasminum polyanthum li joriġinaw minn Iżrael ma jibqgħux jitqiesu bħala pjanti ta’ riskju għoli, u jenħtieġ jitneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019.

    (10)

    Il-miżuri deskritti minn Iżrael fid-dossier huma kkunsidrati biżżejjed biex ir-riskju mill-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fit-territorju tal-Unjoni jitnaqqas għal livell aċċettabbli. Għaldaqstant, il-miżuri adottati b’dan ir-Regolament jenħtieġ jissejsu fuq dawk deskritti minn Iżrael fid-dossier.

    (11)

    Scirtothrips dorsalis hu pest elenkat bħala pest ta’ kwarantina tal-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (6). Aonidiella orientalis, Milviscutulus mangiferae, Paracoccus marginatus, Pulvinaria psidii u Colletotrichum siamense għadhom ma ddaħħlux fil-lista tal-pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni li hemm fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, iżda wara valutazzjoni tar-riskju sħiħa oħra jaf ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiddaħħlu fil-lista. Għal din ir-raġuni, fir-rigward ta’ dawk il-pesti hemm bżonn miżuri fitosanitarji sakemm issir valutazzjoni tar-riskju sħiħa.

    (12)

    Għaldaqstant, l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 jenħtieġ jiġi sostitwit b’wieħed ġdid biex jinkludi dawk il-miżuri fitosanitarji.

    (13)

    Jenħtieġ tinkludi wkoll l-elenkar mill-ġdid tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u tal-oġġetti l-oħra rispettivi fl-ordni alfabetiku, biex tiġi ffaċilitata l-leġibbiltà ta’ dik il-lista.

    (14)

    Mill-esperjenza tal-kontrolli tal-importazzjoni wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/2019 joħroġ fid-dieher li xi kodiċijiet addizzjonali tan-Nomenklatura Magħquda (NM) stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (7) jeħtieġ jiġu inklużi fil-punt 2 tal-Anness ta’ dak ir-Regolament biex ikopru l-komoditajiet kollha kkummerċjalizzati bħala pjanti tal-Ullucus tuberosus. Għaldaqstant, l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 jenħtieġ jiġi emendat skont dan.

    (15)

    Għal konformità mal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri sanitarji u fitosanitarji, l-importazzjoni ta’ dawk il-komoditajiet jenħtieġ tissokta fl-iqsar żmien possibbli.

    (16)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN

    (1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward il-proċedura li trid tiġi segwita sabiex issir il-valutazzjoni tar-riskju ta’ pjanti b’riskju għoli, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fit-tifsira tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 7).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 tal-21 ta’ Awwissu 2020 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 275, 24.8.2020, p. 5).

    (5)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Jasminum polyanthum plants from Israel. EFSA Journal 2020;18(8):6225, 78 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2020.6225.

    (6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

    ANNESS I

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-punt 1, fit-tieni kolonna “Deskrizzjoni” il-kelma “Jasminum L.” hija sostitwita bi “Jasminum L., għajr il-pjanti għat-tħawwil maqlugħa bl-għeruq tal-Jasminum polyanthum Franchet li joriġinaw minn Iżrael;”

    (b)

    fil-punt 2, it-tabella hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Kodiċi NM

    Deskrizzjoni

    ex 0601 10 90

    ex 0601 20 90

    ex 0604 20 90

    ex 0714 90 20

    ex 1209 91 80

    ex 1404 90 00

    Ullucus tuberosus Loz.”

    ANNESS II

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ANNESS

    Lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li joriġinaw minn pajjiżi terzi, u r-rekwiżiti korrispondenti għall-introduzzjoni tagħhom fit-territorju tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 2

    Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra

    Kodiċi NM

    Pajjiżi terzi tal-oriġini

    Miżuri

    Acer japonicum Thunberg, Acer palmatum Thunberg u Acer shirasawanum Koidzumi, bl-għeruq mikxufa, inattivi, ħielsa mill-weraq, imlaqqma jew imraħħma, pjanti li għandhom minn sena sa tliet snin għat-tħawwil

    ex 0602 90 41 ex 0602 90 45 ex 0602 90 46 ex 0602 90 48 ex 0602 90 50

    New Zealand

    (a)

    Dikjarazzjoni uffiċjali li:

    (i)

    il-pjanti huma ħielsa mill-Eotetranychus sexmaculatus;

    (ii)

    tul ħajjithom il-pjanti tkabbru dejjem f’post tal-produzzjoni li, flimkien mas-siti tal-produzzjoni li huma parti minnu, hu rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-pajjiż tal-oriġini;

    (iii)

    waqt spezzjonijiet uffiċjali li saru fi żminijiet xierqa sa mill-bidu taċ-ċiklu tal-produzzjoni tal-pjanti, is-sit tal-produzzjoni nstab li hu ħieles mill-Eotetranychus sexmaculatus; f’każ ta’ suspett tal-preżenza tal-Eotetranychus sexmaculatus fis-sit tal-produzzjoni, saru trattamenti xierqa biex ikun żgurat li l-pest ma jkunx preżenti; ġiet stabbilita żona ta’ 100 m madwar is-sit, li hija soġġetta għal stħarriġiet speċifiċi fi żminijiet xierqa biex jinstab il-pest Eotetranychus sexmaculatus u meta nstab il-pest fuq xi pjanti ospitanti, dawk il-pjanti nqalgħu u nqerdu minnufih;

    (iv)

    twaqqfet sistema biex tiżgura li, qabel ma jiddaħħlu fis-sit tal-produzzjoni, l-għodod u l-makkinarju jkunu tnaddfu għalkollox mill-ħamrija u minn biċċiet tal-pjanti u ġew diżinfettati biex jinħelsu mill-Eotetranychus sexmaculatus;

    (v)

    waqt il-qlugħ, il-pjanti tnaddfu, inżabru u saritilhom spezzjoni fitosanitarja uffiċjali li mill-anqas tkun tikkonsisti minn eżami viżiv dettaljat, b’mod partikolari taz-zkuk u tal-friegħi tal-pjanti biex jiġi kkonfermat li fuqhom m’hemmx Eotetranychus sexmaculatus;

    (vi)

    eżatt qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali, b’mod partikolari taz-zkuk u tal-friegħi tal-pjanti, għall-preżenza tal-Eotetranychus sexmaculatus, u d-daqs tal-kampjun spezzjonat kien biżżejjed biex jippermetti s-sejbien ta’ mill-inqas 1 % ta’ infestazzjoni mill-pest b’livell ta’ affidabbiltà ta’ 99 %;

    (b)

    taħt l-intestatura ‘Dikjarazzjoni Addizzjonali’, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

    (i)

    id-dikjarazzjoni li ġejja: ‘Il-konsenja tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1362’;

    (ii)

    l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.

    Acer japonicum Thunberg, Acer palmatum Thunberg u Acer shirasawanum Koidzumi, bl-għeruq mikxufa, inattivi, ħielsa mill-weraq, imlaqqma jew imraħħma, pjanti li għandhom minn sena sa tliet snin għat-tħawwil

    ex 0602 90 41 ex 0602 90 45 ex 0602 90 46 ex 0602 90 48 ex 0602 90 50

    New Zealand

    (a)

    Dikjarazzjoni uffiċjali li:

    (i)

    il-pjanti huma ħielsa mill-Oemona hirta u mill-Platypus apicalis;

    (ii)

    tul ħajjithom, il-pjanti tkabbru dejjem f’post tal-produzzjoni li, flimkien mas-siti tal-produzzjoni li huma parti minnu, hu rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-pajjiż tal-oriġini;

    (iii)

    waqt spezzjonijiet uffiċjali li saru fi żminijiet xierqa sa mill-bidu taċ-ċiklu tal-produzzjoni tal-pjanti, is-sit tal-produzzjoni nstab li hu ħieles mill-Oemona hirta u mill-Platypus apicalis; f’każ ta’ suspett tal-preżenza tal-Oemona hirta jew tal-Platypus apicalis fis-sit tal-produzzjoni, saru trattamenti xierqa biex ikun żgurat li l-pesti ma jkunux preżenti;

    (iv)

    waqt il-qlugħ, il-pjanti tnaddfu u saritilhom spezzjoni uffiċjali biex jiġi kkonfermat li fuqhom m’hemmx Oemona hirta u Platypus apicalis;

    (v)

    eżatt qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-Oemona hirta u tal-Platypus apicalis, u d-daqs tal-kampjun spezzjonat kien biżżejjed biex jippermetti s-sejbien ta’ mill-inqas 1 % ta’ infestazzjoni mill-pest b’livell ta’ affidabbiltà ta’ 99 %;

    (b)

    taħt l-intestatura ‘Dikjarazzjoni Addizzjonali’, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

    (i)

    id-dikjarazzjoni li ġejja: ‘Il-konsenja tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1362’;

    (ii)

    l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.

    Albizia julibrissin Durazzini, bl-għeruq mikxufa, inattivi, pjanti mlaqqma għat-tħawwil b’dijametru massimu ta’ 2,5 cm

    ex 0602 90 41 ex 0602 90 45 ex 0602 90 46 ex 0602 90 48

    Iżrael

    (a)

    Dikjarazzjoni uffiċjali li:

    (i)

    il-pjanti huma ħielsa mill-Euwallacea fornicatus sensu lato u mill-Fusarium euwallaceae;

    (ii)

    tul ħajjithom, il-pjanti tkabbru dejjem f’post tal-produzzjoni li hu rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-pajjiż tal-oriġini. Dik ir-reġistrazzjoni tinkludi s-siti tal-produzzjoni rispettivi fil-post tal-produzzjoni;

    (iii)

    il-pjanti jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

    1.

    il-pjanti għandhom dijametru iżgħar minn 2 cm fil-bażi taz-zokk

    jew

    2.

    għal mill-anqas sitt xhur qabel l-esportazzjoni, il-pjanti tkabbru f’sit bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-Euwallacea fornicatus sensu lato u sarulu spezzjonijiet uffiċjali fi żminijiet xierqa u nstab ħieles mill-pest, u dan hu kkonfermat mill-inqas b’nases li jiġu kkontrollati mill-inqas kull erba’ ġimgħat, inkluż minnufih qabel il-ġarr,

    jew

    3.

    il-pjanti tkabbru f’sit tal-produzzjoni li sa mill-bidu tal-aħħar ċiklu sħiħ tal-veġetazzjoni, waqt spezzjonijiet uffiċjali li saru mill-inqas kull erba’ ġimgħat, instab ħieles mill-Euwallacea fornicatus sensu lato u mill-Fusarium euwallaceae, u dan jiġi kkonfermat mill-inqas bin-nases għall-Euwallacea fornicatus sensu lato; f’każ ta’ suspett tal-preżenza ta’ xi wieħed miż-żewġ pesti fis-sit tal-produzzjoni, saru trattamenti xierqa kontra l-pesti biex ikun żgurat li l-pesti ma jkunux preżenti; tiġi stabbilita żona ta’ 1 km madwar is-sit, li tkun monitorjata fi żminijiet xierqa għall-Euwallacea fornicatus sensu lato u għall-Fusarium euwallaceae, u meta xi wieħed miż-żewġ pesti jinstab fuq xi pjanti ospitanti, dawk il-pjanti jenħtieġ jitneħħew minnufih u jinqerdu;

    (iv)

    eżatt qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti b’dijametru ta’ 2 cm jew iżjed fil-bażi taz-zokk, saritilhom spezzjoni uffiċjali, b’mod partikolari taz-zkuk u tal-friegħi tal-pjanti, għall-preżenza tal-pest, inkluż b’kampjunar distruttiv. Id-daqs tal-kampjun spezzjonat għandu jkun biżżejjed biex jippermetti s-sejbien ta’ mill-inqas 1 % ta’ infestazzjoni mill-pest b’livell ta’ affidabbiltà ta’ 99 %;

    (b)

    taħt l-intestatura ‘Dikjarazzjoni Addizzjonali’, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

    (i)

    id-dikjarazzjoni li ġejja: ‘Il-konsenja tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213’;

    (ii)

    l-ispeċifikazzjoni ta’:

    liema rekwiżit tal-punt (a)(iii) f’din l-entrata ġie ssodisfat, u

    is-sit(i) tal-produzzjoni rreġistrat(i).

    il-pjanti huma ħielsa mill-Aonidiella orientalis;

    (ii)

    tul ħajjithom, il-pjanti tkabbru dejjem f’post tal-produzzjoni li hu rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-pajjiż tal-oriġini. Dik ir-reġistrazzjoni tinkludi s-siti tal-produzzjoni rispettivi fil-post tal-produzzjoni. Dak il-post tal-produzzjoni jissodisfa wkoll wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

    1.

    għal mill-anqas sitt xhur qabel l-esportazzjoni, il-pjanti tkabbru f’sit bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-Aonidiella orientalis u sarulu spezzjonijiet uffiċjali kull tliet ġimgħat u nstab ħieles mill-pest, inkluż minnufih qabel il-ġarr,

    jew

    2.

    waqt spezzjonijiet uffiċjali li saru kull tliet ġimgħat sa mill-bidu tal-aħħar ċiklu sħiħ tal-vetegazzjoni, is-sit tal-produzzjoni nstab li hu ħieles mill-Aonidiella orientalis; f’każ ta’ suspett tal-preżenza tal-pest fis-sit tal-produzzjoni, saru trattamenti xierqa kontra l-pest biex ikun żgurat li l-pest ma jkunx preżenti; tiġi stabbilita żona ta’ 100 m madwar is-sit, li tkun monitorjata fi żminijiet xierqa għall-Aonidiella orientalis, u meta l-pest jinstab fuq xi pjanti, dawk il-pjanti jenħtieġ jitneħħew minnufih u jinqerdu;

    (iii)

    eżatt qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali, b’mod partikolari taz-zkuk u tal-friegħi tal-pjanti, għall-preżenza tal-Aonidiella orientalis. Id-daqs tal-kampjun spezzjonat għandu jkun biżżejjed biex jippermetti s-sejbien ta’ mill-inqas 1 % ta’ infestazzjoni mill-pest b’livell ta’ affidabbiltà ta’ 99 %;

    (b)

    taħt l-intestatura ‘Dikjarazzjoni Addizzjonali’, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

    (i)

    id-dikjarazzjoni li ġejja: ‘Il-konsenja tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213’;

    (ii)

    l-ispeċifikazzjoni ta’:

    liema rekwiżit tal-punt (a)(ii) f’din l-entrata ġie ssodisfat, u

    is-sit(i) tal-produzzjoni rreġistrat(i).

    il-pjanti għat-tħawwil maqlugħa bl-għeruq tal-Jasminum polyanthum Franchet

    ex 0602 10 90

    Iżrael

    (a)

    Dikjarazzjoni uffiċjali li:

    (i)

    il-pjanti huma ħielsa mis-Scirtothrips dorsalis, mill-Aonidiella orientalis, mill-Milviscutulus mangiferae, mill-Paracoccus marginatus, mill-Pulvinaria psidii u mill-Colletotrichum siamense;

    (ii)

    tul ħajjithom, il-pjanti tkabbru dejjem f’post tal-produzzjoni li, flimkien mas-siti tal-produzzjoni li huma parti minnu, hu rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-pajjiż tal-oriġini;

    (iii)

    il-pjanti jkunu tkabbru f’sit bi protezzjoni fiżika kontra l-introduzzjoni tas-Scirtothrips dorsalis, tal-Aonidiella orientalis, tal-Milviscutulus mangiferae, tal-Paracoccus marginatus, u tal-Pulvinaria psidii;

    (iv)

    is-sit tal-produzzjoni sarulu spezzjonijiet uffiċjali għall-preżenza tas-Scirtothrips dorsalis, tal-Aonidiella orientalis, tal-Milviscutulus mangiferae, tal-Paracoccus marginatus, tal-Pulvinaria psidii u tal-Colletotrichum siamense kull tliet ġimgħat u nstab ħieles minn dawk il-pesti;

    (v)

    eżatt qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tas-Scirtothrips dorsalis, tal-Aonidiella orientalis, tal-Milviscutulus mangiferae, tal-Paracoccus marginatus u tal-Pulvinaria psidii, u d-daqs tal-kampjun spezzjonat kien biżżejjed biex jippermetti s-sejbien ta’ mill-inqas 1 % ta’ infestazzjoni mill-pest b’livell ta’ affidabbiltà ta’ 99 %; u saritilhom spezzjoni uffiċjali wkoll għall-preżenza tal-Colletotrichum siamense, inkluż bi ttestjar tal-pjanti sintomatiċi;

    (b)

    taħt l-intestatura ‘Dikjarazzjoni Addizzjonali’, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

    (i)

    id-dikjarazzjoni li ġejja: ‘Il-konsenja tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/419’; u

    (ii)

    l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.

    Robinia pseudoacacia, bl-għeruq mikxufa, inattivi, pjanti mlaqqma għat-tħawwil b’dijametru massimu ta’ 2,5 cm

    Top