Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018L0844

Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/4/2018/REV/1

ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/844/oj

19.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/75


DIRETTIVA (UE) 2018/844 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Mejju 2018

li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-Unjoni hija impenjata għall-iżvilupp ta’ sistema tal-enerġija sostenibbli, kompetittiva, sigura, u dekarbonizzata. L-Unjoni tal-Enerġija u l-Qafas ta’ Politika għall-Klima u l-Enerġija għall-2030 jistabbilixxu impenji ambizzjużi għall-Unjoni biex tkompli tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra (b’mill-anqas 40 % sal-2030 meta mqabbel mal-1990, biex iżżid il-proporzjon tal-enerġija rinnovabbli kkunsmata, biex tikseb iffrankar enerġetiku f’konformità mal-ambizzjonijiet fil-livell tal-Unjoni, u biex ittejjeb is-sigurtà, il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-enerġija tal-Ewropa.

(2)

Biex jintlaħqu dawk l-objettivi, ir-reviżjoni tal-2016 tal-atti tal-Unjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija tgħaqqad flimkien valutazzjoni mill-ġdid tal-mira tal-Unjoni għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-2030 kif mitlub mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-2014, rieżami tad-dispożizzjonijiet ċentrali tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u tad-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u tisħiħ tal-qafas ta’ sostenn finanzjarju, inkluż il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), li fl-aħħar mill-aħħar ser itejjeb il-kondizzjonijiet finanzjarji fis-suq ta’ investimenti marbutin mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

(3)

Id-Direttiva 2010/31/UE kienet tirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq rieżami sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2017, fid-dawl tal-esperjenza miksuba u l-progress li sar waqt l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva, u, jekk ikun meħtieġ, li tagħmel proposti.

(4)

Bi tħejjija għal dak ir-rieżami, il-Kummissjoni wettqet sensiela ta’ passi biex tiġbor evidenza dwar kif id-Direttiva 2010/31/UE ġiet implimentata fl-Istati Membri, b’enfasi fuq dak li jaħdem u dak li jista’ jittejjeb.

(5)

L-eżitu tar-rieżami u l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni indikaw li jeħtieġ li jsiru sensiela ta’ emendi biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva 2010/31/UE u biex jiġu ssimplifikati ċerti aspetti.

(6)

L-Unjoni hija impenjata biex tiżviluppa sistema tal-enerġija, sostenibbli, kompetittiva, sigura u dekarbonizzata sal-2050. Sabiex jintlaħaq dak l-għan, l-Istati Membri u l-investituri jeħtieġu miżuri bil-għan li tintlaħaq il-mira fit-tul tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra u d-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini, li huwa responabbli għal approssimattivament 36 % tal-emissjonijiet kollha ta’ CO2 fl-Unjoni, sal-2050. L-Istati Membri jenħtieġ li jippruvaw isibu ekwilibriju kosteffiċjenti bejn id-dekarbonizzazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u t-tnaqqis fil-konsum aħħari tal-enerġija. Għal dak il-għan, l-Istati Membri u l-investituri jeħtieġ ikollhom viżjoni ċara li tiggwida l-politiki u d-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom, li tinkludi stadji importanti nazzjonali indikattivi u azzjonijiet għal effiċjenza fl-użu tal-enerġija biex jintlaħqu l-objettivi fuq terminu qasir (2030), fuq terminu medju (2040) u fit-tul (2050). Fid-dawl ta’ dawk l-objettivi u b’konsiderazzjoni għall-ambizzjonijiet ġenerali tal-Unjoni għal effiċjenza fl-użu tal-enerġija, huwa essenzjali li l-Istati Membri jispeċifikaw l-eżitu mistenni tal-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul tagħhom u jissorveljaw l-iżviluppi billi jistabbilixxu indikaturi tal-progress domestiku, soġġetti għal kondizzjonijiet u żviluppi nazzjonali.

(7)

Il-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015 dwar it-tibdil fil-klima b’segwitu tal-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 21) jagħti spinta lill-isforzi tal-Unjoni biex tiddekarbonizza l-istokk tal-bini tagħha. B’kont meħud tal-fatt li kważi 50 % tal-konsum tal-enerġija finali tal-Unjoni tintuża għat-tisħin u t-tkessiħ, li minnha 80 % tintuża fil-bini, il-kisba tal-miri tal-Unjoni fir-rigward tal-enerġija u l-klima hija marbuta mal-isforzi tal-Unjoni li tirrinnova l-istokk tal-bini tagħha billi tagħti prijorità lill-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, tagħmel użu mill- prinċipju “l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tiġi l-ewwel”, u tikkunsidra wkoll l-użu ta’ enerġija rinnovabbli.

(8)

Id-dispożizzjonijiet dwar strateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul stipulati fid-Direttiva 2012/27/UE jenħtieġ li jitmexxew għad-Direttiva 2010/31/UE, fejn jidħlu b’mod aktar koerenti. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw l-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul tagħhom biex jindirizzaw riskji relatati mas-sikurezza kontra n-nirien u perikli relatati ma’ attività sismika qawwija li jaffettwaw ir-rinnovazzjonijiet għall-finijiet tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-tul tal-ħajja tal-bini.

(9)

Biex jinkiseb stokk tal-bini effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u dekarbonizzat u biex ikun żgurat li l-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul iwasslu għall-progress meħtieġ fit-trasformazzjoni ta’ bini eżistenti f’bini b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero, partikolarment b’żieda fir-rinnovazzjonijiet profondi, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu linji gwida ċari u jfasslu azzjonijiet immirati li jistgħu jitkejlu kif ukoll jippromwovu aċċess ugwali għall-finanzjament, inkluż għas-setturi tal-istokk tal-bini nazzjonali bl-agħar rendiment, għall-konsumaturi f’faqar enerġetiku, għall-akkomodazzjoni soċjali u għall-unitajiet domestiċi soġġetti għal dilemmi ta’ inċentivi opposti, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-affordabbiltà. Biex jappoġġaw aktar it-titjib meħtieġ fl-istokk nazzjonali tal-kiri, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw l-introduzzjoni jew li jibqgħu japplikaw ir-rekwiżiti għal ċertu livell ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija għall-proprjetajiet għall-kiri, skont iċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

(10)

Skont il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni, biex l-ambizzjonijiet tal-Unjoni għal effiċjenza fl-użu tal-enerġija jintlaħqu b’mod kosteffettiv hija meħtieġa rinnovazzjoni b’rata medja ta’ 3 % fis-sena. B’konsiderazzjoni tal-fatt li kull żieda ta’ 1 % f’iffrankar tal-enerġija tnaqqas l-importazzjonijiet tal-gass b’2,6 %, huwa ta’ importanza kbira li jkun hemm ambizzjonijiet ċari għar-rinnovazzjoni tal-istokk eżistenti tal-bini. Għaldaqstant, sforzi biex jiżdied ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija jkunu jikkontribwixxu b’mod attiv għall-indipendenza tal-Unjoni fl-enerġija u, barra minn hekk, ikollhom potenzjal kbir biex jinħolqu impjiegi fl-Unjoni, b’mod partikolari f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. F’dak il-kuntest, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-ħtieġa għal rabta ċara bejn l-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni tagħhom fuq terminu twil u inizjattivi pertinenti li jippromwovu l-iżvilupp ta’ ħiliet u edukazzjoni fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

(11)

Il-ħtieġa li jittaffa l-faqar enerġetiku jenħtieġ li tiġi kkunsidrata, f’konformità ma’ kriterji definiti mill-Istati Membri. Filwaqt li jiddeskrivu l-azzjonijiet nazzjonali li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar enerġetiku fl-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni tagħhom, l-Istati Membri jkollhom id-dritt jistabbilixxu x’iqisu li huma azzjonijiet rilevanti.

(12)

Fl-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul tagħhom u fl-ippjanar ta’ azzjonijiet u miżuri, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu minn kunċetti bħal punti ta’ attivazzjoni, jiġifieri mumenti opportuni, pereżempju minn perspettiva ta’ kosteffettività jew ta’ tfixkil, fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ bini biex isiru rinnovazzjonijiet għall-finijiet tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

(13)

Il-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-2009 jipprevedu li, fir-rigward tal-kwalità tal-arja ta’ ġewwa, bini b’rendiment aħjar jipprovdi livelli ogħla ta’ kumdità u benesseri għall-okkupanti tiegħu u jtejjeb is-saħħa. Pontijiet termali, iżolament inadegwat u mogħdijiet tal-arja mhux ippjanati jistgħu jirriżultaw f’temperaturi tal-wiċċ taħt il-punt tan-nida tal-arja u f’umdità. Għaldaqstant huwa essenzjali li jkun żgurat iżolament sħiħ u omoġenju tal-bini, inkluż tal-gallariji, tat-twieqi, tas-soqfa, tal-ħitan, tal-bibien u tal-qwiegħi tal-art, u jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi evitat li t-temperatura fuq kwalunkwe wiċċ intern tal-bini taqa’ taħt it-temperatura tal-punt tan-nida.

(14)

L-Istati Membri jenħtieġ li jappoġġaw titjib fir-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ bini eżistenti li jikkontribwixxi biex jinkiseb ambjent ta’ ġewwa tajjeb għas-saħħa, inkluż permezz tat-tneħħija ta’ asbestos u sustanzi oħra ta’ ħsara, il-prevenzjoni tat-tneħħija illegali ta’ sustanzi ta’ ħsara, u l-iffaċilitar tal-konformità ma’ atti leġislattivi eżistenti bħad-Direttivi 2009/148/KE (6) u (UE) 2016/2284 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(15)

Huwa importanti li l-miżuri biex jittejjeb ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini ma jikkonċentrawx biss fuq l-involukru tal-bini, iżda jkunu jinkludu l-elementi rilevanti kollha u s-sistemi tekniċi kollha ta’ bini, bħall-elementi passivi li jieħdu sehem f’tekniki passivi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-ħtiġijiet ta’ enerġija għat-tisħin jew għat-tkessiħ, l-użu tal-enerġija għad-dawl u għall-ventilazzjoni u għalhekk tittejjeb il-kumdità termali u viżwali.

(16)

Mekkaniżmi finanzjarji, inċentivi u l-mobilizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji għal rinnovazzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija f’bini jenħtieġ li jkollhom rwol ċentrali fl-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni nazzjonali fit-tul u jkunu promossi b’mod attiv mill-Istati Membri. Tali miżuri jenħtieġ li jinkludu t-tħeġġiġ ta’ ipoteki effiċjenti fl-użu tal-enerġija għal rinnovazzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija ta’ bini ċċertifikati, il-promozzjoni ta’ investimenti għall-awtoritajiet pubbliċi fi stokk ta’ bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija, pereżempju minn sħubiji pubbliċi-privati jew kuntratti fakultattivi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija, it-tnaqqis tar-riskju perċepit tal-investimenti, il-forniment ta’ għodod konsultattivi aċċessibbli u trasparenti u strumenti ta’ assistenza bħal punti uniċi ta’ servizz li jipprovdu servizzi ta’ rinnovazzjoni fl-enerġija integrati, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ miżuri u inizjattivi oħra bħal dawk imsemmija fl-Inizjattiva Finanzjament Intelliġenti għal Binjiet Intelliġenti tal-Kummissjoni.

(17)

Soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, bħall-veġetazzjoni tat-triq ippjanata sew, soqfa u ħitan ekoloġiċi li jipprovdu iżolament u dell għall-bini, jikkontribwixxu biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija billi jillimitaw il-ħtieġa għal tisħin u għal tkessiħ u jtejbu r-rendimenti tal-bini fl-użu tal-enerġija.

(18)

Ir-riċerka f’soluzzjonijiet ġodda, u l-ittestjar tagħhom, biex jittejjeb ir-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ bini u siti storiċi jenħtieġ li jiġu mħeġġa, filwaqt li fl-istess ħin għandu jiġi ssalvagwardat u ppreservat il-wirt kulturali.

(19)

Fir-rigward ta’ bini ġdid u bini li jkun qed isirlu xogħol ta’ rinnovazzjoni maġġuri, l-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu sistemi alternattivi b’effiċjenza għolja, jekk dawn ikunu teknikament, funzjonalment u ekonomikament fattibbli, filwaqt li jindirizzaw ukoll il-kwistjonijiet ta’ kondizzjonijiet klimatiċi ta’ ġewwa tajbin għas-saħħa, is-sikurezza kontra n-nirien u r-riskji relatati ma’ attività sismika, f’konformità mar-regolamenti tas-sikurezza domestiċi.

(20)

Biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-bini, it-trasparenza taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jenħtieġ li tittejjeb billi jiġi żgurat li l-parametri meħtieġa kollha għall-kalkoli, kemm għaċ-ċertifikazzjoni kif ukoll għar-rekwiżiti minimi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija, jiġu stabbiliti u applikati b’mod konsistenti. L-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw miżuri adegwati biex jiżguraw, pereżempju, li r-rendiment ta’ sistemi tekniċi użati fil-bini li ġew installati, mibdula, jew imtejba, bħal għat-tisħin tal-ispazju, l-arja kkondizzjonata jew it-tisħin tal-ilma, jiġi ddokumentat fid-dawl taċ-ċertifikazzjoni tal-bini u l-kontroll tal-konformità.

(21)

L-installazzjoni ta’ apparati awtoregolatorji f’bini eżistenti għar-regolar separat tat-temperatura f’kull kamra jew, fejn ġustifikat, f’żona magħżula tal-unità tal-bini li tkun imsaħħna jenħtieġ li tiġi ikkunsidrata fejn hu ekonomikament fattibbli, pereżempju meta l-ispiża tkun inqas minn 10 % tal-ispejjeż totali tal-ġeneraturi tas-sħana ssostitwiti.

(22)

L-innovazzjoni u t-teknoloġija ġdida wkoll jagħmluha possibbli li l-bini jappoġġa d-dekarbonizzazzjoni ġenerali tal-ekonomija, inkluż is-settur tat-trasport. Pereżempju, il-bini jista’ jiġi sfruttat għall-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa għall-iċċarġjar intelliġenti ta’ vetturi elettriċi u anke jipprovdi bażi għall-Istati Membri, jekk iridu, li jużaw il-batteriji tal-karozzi bħala sors ta’ enerġija.

(23)

Flimkien ma’ sehem akbar tal-produzzjoni rinnovabbli ta’ elettriku, il-vetturi elettriċi jipproduċu inqas emissjonijiet tal-karbonju u dan jirriżulta fi kwalità aħjar tal-arja. Il-vetturi elettriċi jikkostitwixxu komponent importanti tat-transizzjoni lejn enerġija nadifa bbażata fuq miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fjuwils alternattivi, enerġija rinnovabbli u soluzzjonijiet innovattivi għall-ġestjoni tal-flessibbiltà enerġetika. Il-kodiċijiet tal-bini jistgħu jintużaw b’mod effettiv biex jiġu introdotti rekwiżiti mmirati li jappoġġaw l-użu tal-infrastruttura tal-iċċarġjar fil-parkeġġi ta’ bini residenzjali u dak mhux residenzjali. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu għal miżuri għas-simplifikazzjoni tal-installazzjoni ta’ infrastruttura ta’ ċċarġjar bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-ostakli bħal inċentivi maqsuma u kumplikazzjonijiet amministrattivi li jiltaqgħu magħhom sidien individwali meta jkunu qed jippruvaw jinstallaw punt tal-iċċarġjar fl-ispazju tal-parkeġġ tagħhom.

(24)

L-infrastruttura tal-kondjuwits tipprovdi l-kondizzjonijiet ġusti għall-użu rapidu ta’ punti tal-iċċarġjar jekk u fejn ikunu meħtieġa. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-iżvilupp tal-elettromobbiltà b’mod bilanċjat u kosteffettiv. B’mod partikolari, meta ssir rinnovazzjoni maġġuri li hi relatata mal-infrastruttura elettrika, din jenħtieġ li tiġi segwita bl-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-kondjuwits. Fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti għal elettromobbiltà fil-leġislazzjoni nazzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw kif dovut kondizzjonijiet varji potenzjali bħas-sjieda ta’ bini u l-parkeġġ li jmiss magħhom, parkeġġi pubbliċi mħaddma minn entitajiet privati u bini li għandhom funzjoni kemm ta’ bini residenzjali kif ukoll mhux residenzjali.

(25)

Infrastruttura faċilment disponibbli tnaqqas l-ispejjeż tal-installazzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar għal sidien individwali u tiżgura li l-utenti ta’ vetturi elettriċi jkollhom aċċess għal punti tal-iċċarġjar. L-istabbiliment ta’ rekwiżiti għall-elettromobbiltà fil-livell tal-Unjoni dwar it-tagħmir minn qabel tal-ispazji tal-parkeġġ u l-installazzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar huwa mod effettiv biex jiġu promossi l-vetturi elettriċi fil-futur qrib filwaqt li jitħalla lok għal aktar żvilupp bi spejjeż imnaqqsa fuq terminu ta’ żmien medju sa twil.

(26)

Meta l-Istati Membri jistabbilixxu r-rekwiżiti tagħhom għall-installazzjoni ta’ għadd minimu ta’ punti tal-iċċarġjar għal bini mhux residenzjali b’aktar minn 20 spazju tal-parkeġġ, li għandhom japplikaw mill-2025, dawn jenħtieġ li jqisu l-kondizzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti, kif ukoll il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi diversifikati possibbli abbażi taż-żona, it-tipoloġija tal-bini, id-disponibbiltà tat-trasport pubbliku u kriterji rilevanti oħra, sabiex ikun żgurat l-użu proporzjonat u adatt tal-punti tal-iċċarġjar.

(27)

Madankollu, ċerti żoni ġeografiċi b’vulnerabbiltajiet speċifiċi jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet speċifiċi fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti dwar l-elettromobbiltà. Dan jista’ jkun il-każ għar-reġjuni ultraperiferiċi fit-tifsira tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), minħabba l-periferiċità, l-insularità, id-daqs żgħir, it-topografija u l-klima diffiċli tagħhom, kif ukoll sistemi iżolati mikro, li l-grilja tal-elettriku tagħhom tista’ tkun teħtieġ li tevolvi biex tlaħħaq ma’ iktar elettrifikazzjoni tat-trasport lokali. F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew ma japplikawx ir-rekwiżiti ta’ elettromobbiltà. Minkejja dik id-deroga, l-elettrifikazzjoni tat-trasport tista’ tkun għodda b’saħħitha biex ikunu indirizzati problemi relatati mal-kwalità tal-arja jew mas-sigurtà tal-provvista li dawk ir-reġjuni u s-sistemi ta’ spiss jaffaċċjaw.

(28)

Fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-infrastruttura tal-elettromobbiltà previsti fl-emendi għad-Direttiva 2010/31/UE kif stabbilit f’din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw il-ħtieġa għal ippjanar urban olistiku u koerenti kif ukoll il-promozzjoni ta’ modi tat-trasport alternattivi, siguri u sostenibbli u l-infrastruttura ta’ appoġġ għalihom, pereżempju permezz ta’ infrastruttura dedikata għall-parkeġġ ta’ roti elettriċi u għall-vetturi ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

(29)

L-aġendi tas-Suq Uniku Diġitali u tal-Unjoni tal-Enerġija jenħtieġ li jkunu allinjati u jenħtieġ li jservu għanijiet komuni. Id-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija qed tbiddel b’ħeffa x-xenarju tal-enerġija, mill-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli sa grilji intelliġenti u bini b’potenzjal ta’ intelliġenza. Sabiex is-settur tal-bini jkun diġitizzat, il-miri ta’ konnettività tal-Unjoni u l-ambizzjonijiet għall-użu ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni b’kapaċità għolja huma importanti għal djar intelliġenti u komunitajiet konnessi tajjeb. Jenħtieġ li jiġu pprovduti inċentivi mmirati biex ikunu promossi sistemi b’potenzjal ta’ intelliġenza u soluzzjonijiet diġitali fl-ambjent mibni. Dan joffri opportunitajiet ġodda għal iffrankar fl-enerġija, billi l-konsumaturi jingħataw informazzjoni aktar preċiża dwar ix-xejriet tal-konsum tagħhom, u billi l-operatur tas-sistema jkun jista’ jimmaniġġa l-grilja b’mod aktar effettiv.

(30)

L-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza jenħtieġ li jintuża biex titkejjel il-kapaċità tal-bini li juża t-teknoloġiji ta’ informazzjoni u komunikazzjoni u sistemi elettroniċi biex l-operat tal-bini jkun adattat għall-ħtiġijiet tal-okkupanti u l-grilja u biex jittejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tiegħu u r-rendiment ġenerali tal-bini. L-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza jenħtieġ li jqajjem għarfien fost is-sidien u l-okkupanti tal-bini dwar il-valur tal-awtomatizzazzjoni tal-bini u tal-monitoraġġ elettroniku ta’ sistemi tekniċi tal-bini u jenħtieġ li jrawwem fiduċja fl-okkupanti fl-iffrankar reali ta’ dawk il-funzjonalitajiet imtejba ġodda. L-użu tal-iskema għall-valutazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini jenħtieġ li jkun fakultattiv għall-Istati Membri.

(31)

Sabiex id-Direttiva 2010/31/UE tiġi adattata għall-progress tekniku, jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE sabiex tissupplimenta dik id-direttiva billi tistabbilixxi d-definizzjoni tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini u ta’ metodoloġija li biha għandha tiġi kkalkulata. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat- tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (8). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(32)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/31/UE, kif emendata b’din id-Direttiva, is-setgħat ta’ implimentazzjoni rigward il-modalitajiet għall-implimentazzjoni ta’ skema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-valutazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini jenħtieġ li jiġu mogħtija lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(33)

Biex ikun żgurat li l-miżuri finanzjarji relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jkunu applikati bl-aħjar mod fir-rinnovazzjoni tal-bini, dawn jenħtieġ li jkunu marbuta mal-kwalità tax-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni fid-dawl tal-iffrankar fl-enerġija mmirat jew miksub. Dawk il-miżuri jenħtieġ li għalhekk ikunu marbuta mar-rendiment tat-tagħmir jew il-materjal użat għar-rinnovazzjoni, mal-livell ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ kwalifika tal-installatur, ma’ awditjar tal-enerġija, jew mat-titjib miksub bħala riżultat tar-rinnovazzjoni, li jenħtieġ li jkun ivvalutat billi jitqabblu ċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija maħruġa qabel u wara r-rinnovazzjoni, bl-użu ta’ valuri standard jew b’metodu trasparenti u proporzjonat ieħor.

(34)

Is-sistemi ta’ kontroll indipendenti attwali għall-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jistgħu jintużaw għall-kontroll tal-konformità u jenħtieġ li jissaħħu biex ikun żgurat li ċ-ċertifikati jkunu ta’ kwalità tajba. Meta s-sistema ta’ kontroll indipendenti għall-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tkun ikkomplementata minn bażi ta’ data fakultattiva li tmur lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva 2010/31/UE kif emendata b’din id-Direttiva, din tista’ tintuża għall-kontroll tal-konformità u għall-produzzjoni ta’ statistika dwar l-istokkijiet tal-bini reġjonali jew nazzjonali. Data ta’ kwalità għolja dwar l-istokk tal-bini hija meħtieġa u din tista’ tiġi ġġenerata parzjalment mill-bażijiet ta’ data li kważi l-Istati Membri kollha attwalment qed jiżviluppaw u jimmaniġġaw għall-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

(35)

Skont il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet dwar l-ispezzjonijiet ta’ sistemi tat-tisħin u sistemi tal-arja kkondizzjonata rriżultaw li huma ineffiċjenti minħabba li ma jiżgurawx b’mod suffiċjenti r-rendiment inizjali u kontinwu ta’ dawk is-sistemi tekniċi. Anki soluzzjonijiet tekniċi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija irħas, li l-valur tagħhom ikun irkuprat fi żmien qasir, bħall-ibbilanċjar idrawliku tas-sistema tat-tisħin u l-installazzjoni jew is-sostituzzjoni ta’ valvuli ta’ kontroll termostatiċi, mhumiex meqjusa biżżejjed illum il-ġurnata. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-ispezzjonijiet jenħtieġ li jiġu emendati biex jiżguraw riżultat aħjar mill-ispezzjonijiet. Dawk l-emendi jenħtieġ li jpoġġu l-enfasi tal-ispezzjonijiet fuq sistemi tat-tisħin ċentralizzat u tal-arja kkondizzjonata, inkluż fejn dawk is-sistemi jintużaw ma’ sistemi ta’ ventilazzjoni. Dawk l-emendi jenħtieġ li jeskludu s-sistemi tat-tisħin żgħar bħal ħiters tal-elettriku u fuklari mħaddma bl-injam meta dawn ma jilħqux il-limiti massimi għal spezzjoni skont id-Direttiva 2010/31/UE kif emendata minn din id-Direttiva.

(36)

Fit-twettiq tal-ispezzjonijiet u biex jinkiseb fil-prattika t-titjib fir-rendiment fl-użu tal-enerġija ppjanat, l-għan jenħtieġ li jkun li jittejjeb ir-rendiment fl-użu tal-enerġija reali tas-sistemi tat-tisħin, tas-sistemi tal-arja kkondizzjonata u tas-sistemi tal-ventilazzjoni taħt kondizzjonijiet ta’ użu fil-ħajja reali. Ir-rendiment reali ta’ dawn is-sistemi huwa rregolat mill-enerġija użata taħt kondizzjonijiet operattivi tipiċi jew medji li jvarjaw b’mod dinamiku. Fil-biċċa l-kbira tal-ħin dawn il-kondizzjonijiet jirrikjedu biss parti mill-kapaċità ta’ potenza nominali, u għaldaqstant l-ispezzjonijiet tas-sistemi tat-tisħin, tal-arja kkondizzjonata u tal-ventilazzjoni jenħtieġ li jinkludu valutazzjoni tal-kapaċitajiet rilevanti tat-tagħmir biex jittejjeb ir-rendiment tas-sistema taħt kondizzjonijiet li jvarjaw, bħal kondizzjonijiet operattivi b’tagħbija parzjali.

(37)

L-awtomatizzazzjoni tal-bini u l-monitoraġġ elettroniku tas-sistemi tekniċi tal-bini urew li huma sostituzzjoni effettiva għall-ispezzjonijiet, b’mod partikolari għal sistemi kbar, u jippreżentaw potenzjal enormi biex ikun hemm iffrankar kosteffettiv u sinifikanti fl-enerġija kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji. L-installazzjoni ta’ tagħmir bħal dan jenħtieġ li tiġi kkunsidrata bħala l-aktar alternattiva kosteffettiva għall-ispezzjonijiet f’bini kbir mhux residenzjali u f’bini b’ħafna appartamenti ta’ daqs suffiċjenti li jippermetti biex il-valur ta’ dan it-tagħmir jiġi rkuprat f’inqas minn tliet snin peress li jippermetti li tittieħed azzjoni abbażi tal-informazzjoni provduta, b’hekk maż-żmien ikun żgurat l-iffrankar fl-enerġija. Għal installazzjonijiet fuq skala żgħira, id-dokumentazzjoni tar-rendiment tas-sistema mill-installaturi jenħtieġ li tappoġġa l-verifika ta’ konformità mar-rekwiżiti minimi stipulati għas-sistemi tekniċi tal-bini kollha.

(38)

Jenħtieg li l-possibbiltà attwali għall-Istati Membri li jagħżlu miżuri bbażati fuq l-għoti ta’ parir bħala alternattiva għall-ispezzjoni tas-sistemi tat-tisħin, tas-sistemi tal-arja kkondizzjonata, tas-sistemi għat-tisħin u l-ventilazzjoni kkombinati u tas-sistemi għall-arja kkondizzjonata u tal-ventilazzjoni kkombinati tinżamm, dment li l-impatt ġenerali jkun ġie ddokumentat, permezz ta’ rapport ippreżentat lill-Kummissjoni, bħala ekwivalenti għall-effett tal-ispezzjoni qabel l-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri.

(39)

L-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ spezzjonijiet regolari tas-sistemi għat-tisħin u tal-arja kkondizzjonata skont id-Direttiva 2010/31/UE involviet investiment amministrattiv u finanzjarju sinifikattiv mill-Istati Membri u s-settur privat, inkluż għat-taħriġ u l-akkreditazzjoni ta’ esperti, l-assigurazzjoni u l-kontroll tal-kwalità, kif ukoll l-ispejjeż tal-ispezzjonijiet. L-Istati Membri li adottaw il-miżuri meħtieġa għall-istabbiliment ta’ spezzjonijiet regolari, u li implimentaw skemi ta’ spezzjoni effettivi, jistgħu jsibu li jkun xieraq li jkomplu jħaddmu dawk l-iskemi, inkluż għal sistemi iżgħar tat-tisħin u tal-arja kkondizzjonata. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jinnotifikaw dawk ir-rekwiżiti aktar stretti lill-Kummissjoni.

(40)

Mingħajr preġudizzju għall-għażla tal-Istati Membri li japplikaw is-sett ta’ standards relatati mar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, żviluppati taħt il-mandat tal-Kummissjoni M/480 għall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), ir-rikonoxximent u l-promozzjoni ta’ dawk l-istandards fl-Istati Membri kollha jkollhom impatt pożittiv fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/31/UE kif emendata b’din id-Direttiva.

(41)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1318 (10) dwar binjiet b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero ddeskriviet kif l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/31/UE tista’ simultanjament tiżgura t-trasformazzjoni tal-istokk tal-bini u l-moviment lejn provvista ta’ enerġija aktar sostenibbli, li tappoġġa wkoll l-istrateġija tat-tisħin u t-tkessiħ. Biex jiġi żgurat li sseħħ implimentazzjoni xierqa, il-qafas ġenerali għall-kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija jenħtieġ li jiġi aġġornat u jenħtieġ li, bl-appoġġ tal-ħidma elaborata mis-CEN, skont il-mandat tal-Kummissjoni M/480, jiġi mħeġġeġ ir-rendiment imtejjeb tal-involukru tal-bini. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jissupplimentaw dan ulterjorment billi jipprovdu indikaturi numeriċi addizzjonali, pereżempju għall-użu tal-enerġija globali tal-bini fl-intier tiegħu jew għall-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra.

(42)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ma żżommx lura lill-Istati Membri milli jistabbilixxu rekwiżiti aktar ambizzjużi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-bini u għall-elementi tal-bini, dment li t-tali rekwiżiti jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. Huwa konsistenti mal-objettivi tad-Direttivi 2010/31/UE u 2012/27/UE li dawk ir-rekwiżiti jistgħu, f’ċertu ċirkostanzi, jillimitaw l-installazzjoni jew l-użu ta’ prodotti soġġetti għal leġislazzjoni ta’ armonizzazzjoni applikabbli oħra tal-Unjoni, dment li t-tali rekwiżiti ma jikkostitwixxux ostaklu mhux ġustifikat għas-suq.

(43)

Peress li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri t-tnaqqis tal-enerġija meħtieġa biex tkun issodisfata d-domanda għall-enerġija assoċjata mal-użu tipiku tal-bini, ma jistgħax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħa minflok, minħabba l-konsistenza garantita ta’ objettivi, intendiment u rieda politika kondiviżi, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.

(44)

Din id-Direttiva tirrispetta bis-sħiħ l-ispeċifiċitajiet u d-differenzi nazzjonali tal-Istati Membri u l-kompetenzi tagħhom f’konformità mal-Artikolu 194(2) TFUE. Barra minn hekk, lgħan ta’ din id-Direttiva huwa li tippermetti l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki sabiex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni lejn stokk tal-bini effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija fl-Unjoni.

(45)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar dokumenti ta’ spjegazzjoni (11), l-Istati Membri intrabtu li jehmżu, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom ma’ dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ Direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata.

(46)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttivi 2010/31/UE u 2012/27/UE jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2010/31/UE

Id-Direttiva 2010/31/UE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.

‘sistema teknika użata fil-bini’ tfisser tagħmir tekniku għat-tisħin tal-ispazju, għat-tkessiħ tal-ispazju, għall-ventilazzjoni, għall-ilma sħun domestiku, għad-dawl integrat, għall-awtomatizzazzjoni u l-kontroll tal-bini, għall-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq il-post, jew għal taħlita tagħhom, inklużi dawk is-sistemi li jużaw enerġija minn sorsi rinnovabbli, ta’ bini jew ta’ unità ta’ bini;”;

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(3a)

“sistema ta’ awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini” tfisser sistema li tinkludi l-prodotti, is-software u s-servizzi ta’ inġinerija kollha li jistgħu jappoġġaw it-tħaddim effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ekonomiku u mingħajr periklu ta’ sistemi tekniċi tal-bini permezz ta’ kontrolli awtomatiċi u permezz tal-iffaċilitar tal-ġestjoni manwali ta’ dawk is-sistemi tekniċi tal-bini;”;

(c)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“15a.

‘sistema tat-tisħin’ tfisser taħlita tal-komponenti meħtieġa biex tkun ipprovduta forma ta’ trattament tal-arja interna, li permezz tagħha tiżdied it-temperatura;

15b.

‘ġeneratur tas-sħana’ tfisser il-parti ta’ sistema tat-tisħin li tiġġenera sħana utli bl-użu ta’ wieħed jew aktar mill-proċessi li ġejjin:

(a)

il-kombustjoni ta’ fjuwils, pereżempju, f’bojler;

(b)

l-effett Joule, li jseħħ fl-elementi tat-tisħin ta’ sistema tat-tisħin b’reżistenza elettrika;

(c)

il-ġbir ta’ sħana mill-arja ambjentali, mill-arja tal-egżost tal-ventilazzjoni, jew mill-ilma jew minn sors ta’ sħana ta’ taħt l-art bl-użu ta’ pompa tas-sħana;

15c.

‘kuntratt għar-rendiment tal-enerġija’ tfisser kuntratt għar-rendiment tal-enerġija kif definit fil-punt (27) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(*1)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).”;"

(d)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“20.

‘sistema iżolata mikro’ tfisser sistema iżolata mikro kif definit fil-punt 27 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

(*2)  Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).”."

(2)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 2a

Strateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul:

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi strateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul b’appoġġ għar-rinnovazzjoni tal-istokk nazzjonali ta’ bini residenzjali u bini mhux residenzjali, kemm pubbliku kif ukoll privat, fi stokk ta’ bini effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u dekarbonizzat sal-2050, biex hekk tkun iffaċilitata t-trasformazzjoni kosteffettiva tal-bini eżistenti f’bini b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero. Kull strateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul għandha tiġi ppreżentata f’konformità mal-obbligi ta’ ppjanar u rappurtar applikabbli u għandha tinkludi:

(a)

ħarsa ġenerali tal-istokk tal-bini nazzjonali, abbażi, skont il-każ, ta’ teħid ta’ kampjuni statistiċi u s-sehem mistenni ta’ bini rinnovat fl-2020;

(b)

l-identifikazzjoni ta’ approċċi kosteffettivi għar-rinnovazzjonijiet rilevanti għat-tip tal-bini u ż-żona klimatika, b’konsiderazzjoni tal-punti ta’ attivazzjoni rilevanti potenzjali, fejn applikabbli, fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-bini;

(c)

politiki u azzjonijiet biex ikunu stimulati rinnovazzjonijiet profondi kosteffettivi tal-bini, inkluża rinnovazzjoni profonda fi stadji, u biex ikunu appoġġati miżuri u rinnovazzjonijiet immirati kosteffettivi, pereżempju billi tiġi introdotta skema fakultattiva għall-passaporti ta’ rinnovazzjoni tal-bini;

(d)

ħarsa ġenerali tal-politiki u l-azzjonijiet li jimmiraw is-setturi tal-istokk tal-bini nazzjonali bl-agħar rendiment, dilemmi ta’ inċentivi opposti u fallimenti tas-suq, u deskrizzjoni tal-azzjonijiet nazzjonali rilevanti li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar enerġetiku;

(e)

politiki u azzjonijiet li jolqtu l-bini pubbliku kollu;

(f)

ħarsa ġenerali tal-inizjattivi nazzjonali għall-promozzjoni ta’ teknoloġiji intelliġenti u bini u komunitajiet konnessi sew, kif ukoll kompetenzi u edukazzjoni fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; u

(g)

stima bbażata fuq l-evidenza tal-iffrankar tal-enerġija u l-benefiċċji usa’ mistennija, bħal dawk relatati mas-saħħa, is-sikurezza u l-kwalità tal-arja.

2.   Fl-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tiegħu, kul Stat Membru għandu jistabbilixxi pjan direzzjonali b’miżuri u indikaturi tal-progress li jistgħu jitkejlu stabbiliti domestikament, bil-ħsieb tal-għan fit-tul għall-2050 li l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra fl-Unjoni jitnaqqsu bi 80-95 % meta mqabbel mal-1990, sabiex ikun żgurat stokk tal-bini nazzjonali effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u dekarbonizzat u sabiex tkun iffaċilitata t-trasformazzjoni kosteffettiva tal-bini eżistenti f’bini b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero. Il-pjan direzzjonali għandu jinkludi stadji importanti indikattivi għall-2030, l-2040 u l-2050, u jispeċifika kif dawn ser jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-Unjoni f’konformità mad-Direttiva 2012/27/UE.

3.   Biex jappoġġaw il-mobilizzazzjoni ta’ investimenti fir-rinnovazzjoni meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għal mekkaniżmi adatti għal:

(a)

l-aggregazzjoni ta’ proġetti, inkluż permezz ta’ pjattaformi jew gruppi ta’ investiment, u ta’ konsorzji ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, biex l-investituri jkollhom aċċess kif ukoll pakketti ta’ soluzzjonijiet għal klijenti potenzjali;

(b)

it-tnaqqis tar-riskju perċepit ta’ operazzjonijiet ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-investituri u għas-settur privat;

(c)

l-użu ta’ finanzjament pubbliku biex jinkiseb investiment addizzjonali mis-settur privat jew ikunu indirizzati fallimenti speċifiċi tas-suq;

(d)

l-iggwidar tal-investimenti fi stokk tal-bini pubbliku effiċjenti fl-użu tal-enerġija, f’konformità mal-gwida tal-Eurostat; u

(e)

għodod konsultattivi aċċessibbli u trasparenti, bħal punti uniċi ta’ servizz għall-konsumaturi u servizzi konsultattivi dwar l-enerġija, dwar rinnovazzjonijiet fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija rilevanti u strumenti ta’ finanzjament.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiġbor u tqassam, tal-inqas lill-awtoritajiet pubbliċi, l-aħjar prattiki dwar skemi ta’ finanzjament pubbliċi u privati ta’ suċċess għal rinnovazzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija kif ukoll informazzjoni dwar skemi għall-aggregazzjoni ta’ proġetti fuq skala żgħira ta’ rinnovazzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-Kummissjoni għandha tidentifika u xxerred l-aħjar prattiki dwar inċentivi finanzjarji għal rinnovazzjoni mill-perspettiva tal-konsumatur b’kont meħud ta’ differenzi fil-kosteffiċjenza bejn l-Istati Membri.

5.   Biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tiegħu, kull Stat Membru għandu jwettaq konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tiegħu qabel ma jippreżenta l-istrateġija lill-Kummissjoni. Kull Stat Membru għandu jannessa sommarju tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tiegħu għall-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tiegħu.

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-modalitajiet għall-konsultazzjoni b’mod inklużiv tul l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tiegħu.

6.   Kull Stat Membru għandu jannessa d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul l-aktar riċenti tiegħu għall-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tiegħu, inkluż dwar il-politiki u l-azzjonijiet ippjanati.

7.   Kull Stat Membru jista’ juża l-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul tiegħu biex jindirizzaw is-sikurezza kontra n-nirien u r-riskji relatati ma’ attività sismika qawwija li jaffettwaw r-rinnovazzjonijiet fl-effiċjenza tal-enerġija u t-tul tal-ħajja tal-bini.”.

(3)

L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Bini ġdid

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-bini ġdid jissodisfa r-rekwiżiti minimi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija stipulati f’konformità mal-Artikolu 4.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel ma jibda l-bini ta’ bini ġdid, titqies il-fattibbiltà teknika, ambjentali u ekonomika ta’ sistemi alternattivi b’effiċjenza għolja, jekk din tkun disponibbli.”.

(4)

Fl-Artikolu 7, il-ħames paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom iħeġġu, fir-rigward ta’ bini li jkun qed issirlu rinnovazzjoni maġġuri, sistemi alternattivi b’effiċjenza għolja, sa fejn dan ikun teknikament, funzjonalment u ekonomikament fattibbli, u għandhom jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ kondizzjonijiet klimatiċi ta’ ġewwa tajbin għas-saħħa, is-sikurezza kontra n-nirien u riskji relatati ma’ attività sismika qawwija.”.

(5)

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Sistemi tekniċi użati fil-bini, elettromobbiltà u indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza

1.   L-Istati Membri għandhom, bl-għan li jtejbu bl-aħjar mod l-użu tal-enerġija tas-sistemi tekniċi użati fil-bini, jiffissaw rekwiżiti tas-sistema fir-rigward tar-rendiment ġenerali fl-użu tal-enerġija, l-installazzjoni korretta, u d-dimensjonament, l-aġġustament u l-kontroll adattat tas-sistemi tekniċi tal-bini li huma installati fil-bini eżistenti. L-Istati Membri jistgħu ukoll japplikaw dawn ir-rekwiżiti tas-sistema għal bini ġdid.

Ir-rekwiżiti tas-sistema għandhom jiġu ffissati għal sistemi tekniċi użati fil-bini li jsiru mill-ġdid, jiġu sostitwiti u mtejba u għandhom jiġu applikati safejn ikunu teknikament, ekonomikament u funzjonalment vijabbli.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li bini ġdid, fejn teknikament u ekonomikament fattibbli, għandu jkun mgħammar b’apparati awtoregolatorji li jirregolaw separatament it-temperatura f’kull kamra jew, fejn iġġustifikat, f’żona partikolari tal-unità tal-bini li tkun imsaħħna. F’bini eżistenti, l-installazzjoni ta’ tali apparati awtoregolatorji għandha tkun meħtieġa meta jiġu sostitwiti ġeneraturi tas-sħana, fejn dan ikun teknikament u ekonomikament fattibbli.

2.   Fir-rigward ta’ bini mhux residenzjali ġdid u bini mhux residenzjali li tkun qed issirlu rinnovazzjoni estensiva, b’aktar minn għaxar spazji tal-parkeġġ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-installazzjoni ta’ mill-inqas punt tal-iċċarġjar wieħed skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) u infrastruttura ta’ kanali, jiġifieri, kondjuwits għall-kejbils tal-elettriku, għal mill-inqas wieħed minn kull ħames spazji tal-parkeġġ, biex hekk tkun possibbli l-installazzjoni fi stadju aktar tard ta’ punti tal-iċċarġjar għal vetturi elettriċi fejn:

(a)

il-parkeġġ jinsab ġewwa l-bini, u, għal rinnovazzjonijiet maġġuri, il-miżuri ta’ rinnovazzjoni jinkludu l-parkeġġ jew l-infrastruttura elettrika tal-bini; jew

(b)

il-parkeġġ jinsab fiżikament maġenb il-bini, u, għal rinnovazzjonijiet maġġuri, il-miżuri ta’ rinnovazzjoni jinkludu l-parkeġġ jew l-infrastruttura elettrika tal-parkeġġ.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-1 ta’ Jannar 2023 dwar il-kontribut potenzjali ta’ politika tal-Unjoni tal-bini fil-promozzjoni tal-elettromobbiltà u għandha, jekk opportun, tipproponi miżuri f’dak ir-rigward.

3.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-rekwiżiti għall-installazzjoni ta’ għadd minimu ta’ punti tal-iċċarġjar għall-bini mhux residenzjali kollu b’aktar minn għoxrin spazju tal-parkeġġ, sal-1 ta’ Jannar 2025.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistipulawx jew ma japplikawx ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għal bini li jkun proprjetà ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jew okkupat minnhom kif iddefinit fit-Titolu I tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (*4).

5.   Fir-rigward ta’ bini residenzjali ġdid u bini residenzjali li jkun qed issirlu rinnovazzjoni maġġuri, b’aktar minn għaxar spazji tal-parkeġġ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-installazzjoni tal-infrastruttura ta’ kanali, jiġifieri l-kondjuwits għall-kejbils tal-elettriku, għal kull spazju tal-parkeġġ sabiex fi stadju aktar tard tkun tista’ ssir l-installazzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar għal vetturi elettriċi fejn:

(a)

il-parkeġġ jinsab ġewwa l-bini, u, għal rinnovazzjonijiet maġġuri, il-miżuri ta’ rinnovazzjoni jinkludu l-parkeġġ jew l-infrastruttura elettrika tal-bini; jew

(b)

il-parkeġġ jinsab fiżikament maġenb il-bini, u, għal rinnovazzjonijiet maġġuri, il-miżuri ta’ rinnovazzjoni jinkludu l-parkeġġ jew l-infrastruttura elettrika tal-parkeġġ.

6.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafi 2, 3 u 5 għal kategoriji speċifiċi ta’ bini fejn:

(a)

fir-rigward tal-paragrafi 2 u 5, l-applikazzjonijiet għal permessi ta’ bini jew l-applikazzjonijiet ekwivalenti ġew ippreżentati sal-10 ta’ Marzu 2021;

(b)

l-infrastruttura ta’ kanali meħtieġa tkun ser titqabbad ma’ sistemi mikro iżolati jew il-bini jkun jinsab fir-reġjuni ultraperifiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE jekk dan ikun iwassal għal problemi sostanzjali għat-tħaddim tas-sistema tal-enerġija lokali u jkun iqiegħed f’periklu l-istabbiltà tal-grilja lokali;

(c)

l-ispiża tal-iċċarġjar u tal-installazzjonijiet ta’ kanali taqbeż 7 % tal-ispiża totali tar-rinnovazzjoni maġġuri tal-bini;

(d)

bini pubbliku huwa diġà kopert b’rekwiżiti komparabbli f’konformità mat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/94/UE.

7.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu miżuri għas-simplifikazzjoni tal-installazzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar f’bini residenzjali u mhux residenzjali, ġdid jew diġà eżistenti, u jindirizzaw ostakli regolatorji possibbli, inkluż fir-rigward tal-proċeduri tal-għoti ta’ permessi u approvazzjoni, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Istati Membri dwar il-proprjetà u l-kera.

8.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-ħtieġa għal politiki koerenti għall-bini, il-mobbiltà ratba u ekoloġika u l-ippjanar urban.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta tkun installata, sostitwita jew imtejba sistema teknika tal-bini, għandu jkun ivvalutat ir-rendiment fl-użu tal-enerġija ġenerali tal-parti mibdula, u fejn rilevanti, tas-sistema mibdula kollha. Ir-riżultati għandhom jiġu ddokumentati u mgħoddija lis-sid tal-bini, sabiex jibqgħu disponibbli u jkunu jistgħu jintużaw għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti minimi stipulati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-ħruġ ta’ ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk jirrikjedux il-ħruġ ta’ ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija ġdid.

10.   Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2019, tadotta att iddelegat f’konformità mal-Artikolu 23, li jissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi skema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-istat ta’ tħejjija tal-bini għat-teknoloġiji intelliġenti. Il-klassifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ bini jew ta’ unità ta’ bini li jadattaw l-operat tagħhom għall-ħtiġijiet tal-okkupant u tal-grilja u li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-rendiment ġenerali tagħhom.

F’konformità mal-Anness Ia, l-iskema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-istat ta’ tħejjija tal-bini għat-teknoloġiji intelliġenti għandha:

(a)

tistabbilixxi d-definizzjoni tal-indikatur tal-istat ta’ tħejjija tal-bini għat-teknoloġiji intelliġenti; u

(b)

tistabbilixxi metodoloġija li biha għandu jiġi kkalkulat.

11.   Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2019, u wara li tkun ikkonsultat il-partijiet ikkonċernati rilevanti, tadotta att ta’ implimentazzjoni li jagħti fid-dettall il-modalitajiet tekniċi għall-implimentazzjoni effettiva tal-iskema msemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu, inkluża skeda ta’ żmien li ma torbotx għal fażi ta’ ttestjar fil-livell nazzjonali, u li jiċċara r-relazzjoni komplementari tal-iskema maċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija msemmija fl-Artikolu 11.

Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 26(3).

(*3)  Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1)."

(*4)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).”."

(6)

Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   L-Istati Membri għandhom jorbtu l-miżuri finanzjarji tagħhom għal titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fir-rinnovazzjoni ta’ bini mal-iffrankar fl-enerġija mmirat jew miksub, kif determinat bi kriterju wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:

(a)

ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tat-tagħmir jew tal-materjal użat għar-rinnovazzjoni, f’liema każ, it-tagħmir jew il-materjal użat għar-rinnovazzjoni għandu jiġi installat minn installatur bil-livell rilevanti ta’ ċertifikazzjoni jew kwalifika;

(b)

valuri standard għall-kalkolu ta’ ffrankar fl-enerġija fil-bini;

(c)

it-titjib miksub minħabba din ir-rinnovazzjoni billi jqabblu ċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija maħruġa qabel u wara r-rinnovazzjoni;

(d)

ir-riżultati ta’ verifika tal-enerġija;

(e)

ir-riżultati ta’ metodu ieħor rilevanti, trasparenti u proporzjonat li jindika t-titjib fir-rendiment fl-użu tal-enerġija.

6a.   Bażijiet tad-data għall-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom jippermettu l-ġbir ta’ data dwar il-konsum tal-enerġija mkejjel jew ikkalkolat tal-bini kopert, inkluż mill-inqas bini pubbliku li għalih inħareġ ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, kif imsemmi fl-Artikolu 13, skont l-Artikolu 12.

6b.   Tal-inqas data anonimizzata aggregata konformi mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni tad-data tal-Unjoni u dawk nazzjonali għandha tkun disponibbli meta mitluba għal finijiet ta’ statistika u ta’ riċerka u għas-sid tal-bini.”.

(7)

L-Artikoli 14 u 15 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 14

Spezzjoni ta’ sistemi tat-tisħin

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa biex jiġu stabbiliti spezzjonijiet regolari tal-partijiet aċċessibbli tas-sistemi tat-tisħin jew ta’ sistemi tat-tisħin tal-ispazju kkombinat mal-ventilazzjoni, b’output nominali effettiv ta’ aktar minn 70 kW, bħall-ġeneratur tas-sħana, is-sistema ta’ kontroll u l-pompa/i ta’ ċirkolazzjoni użati għat-tisħin tal-bini. L-ispezzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-effiċjenza u tad-dimensjonament tal-ġeneratur tas-sħana meta mqabbel mar-rekwiżiti tat-tisħin tal-bini u, fejn rilevanti, tikkunsidra, l-kapaċitajiet tas-sistema tat-tisħin jew tas-sistema tat-tisħin tal-ispazju u l-ventilazzjoni kkombinati biex ikun ottimizzat ir-rendiment tagħha taħt kondizzjonijiet operattivi tipiċi jew medji.

Fejn ma jkun sar l-ebda tibdil fis-sistema tat-tisħin jew għas-sistema tat-tisħin tal-ispazju u l-ventilazzjoni kkombinati fir-rigward tar-rekwiżiti tat-tisħin tal-bini wara li tkun saret spezzjoni f’konformità ma’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jirrikjedux li l-valutazzjoni tad-dimensjonament tal-ġeneratur tas-sħana tiġi ripetuta.

2.   Is-sistemi tekniċi tal-bini li huma espliċitament koperti minn kriterju miftiehem dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija jew arranġament kuntrattwali li jispeċifika livell miftiehem ta’ titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, bħall-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jew li huma mħaddma minn operatur ta’ utilità jew ta’ netwerk u għalhekk huma soġġetti għal miżuri ta’ monitoraġġ tar-rendiment min-naħa tas-sistema, għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1, dment li l-impatt ġenerali ta’ approċċ tali jkun ekwivalenti għal dak li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

3.   Bħala alternattiva għall-paragrafu 1 u dment li l-impatt ġenerali huwa ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jieħdu miżuri biex jiżguraw l-għoti ta’ pariri lill-utenti dwar is-sostituzzjoni ta’ ġeneraturi tas-sħana, modifiki oħra għas-sistema tat-tisħin jew għas-sistema tat-tisħin tal-ispazju u l-ventilazzjoni kkombinati u soluzzjonijiet alternattivi għall-valutazzjoni tal-effiċjenza u d-daqs adatt ta’ dawk is-sistemi.

Qabel mal-Istati Membri japplikaw il-miżuri alternattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, kull Stat Membru għandu, billi jippreżenta rapport lill-Kummissjoni, jiddokumenta l-ekwivalenza tal-impatt ta’ dawk il-miżuri għall-impatt tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.

Tali rapport għandu jiġi ppreżentat skont l-obbligi ta’ ppjanar u rappurtar applikabbli.

4.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-rekwiżiti biex jiżguraw li, fejn dan ikun teknikament u ekonomikament fattibbli, bini mhux residenzjali b’sistemi tat-tisħin jew b’sistemi tat-tisħin tal-ispazju u l-ventilazzjoni kkombinati, b’output nominali effettiv ta’ aktar minn 290 kW ikun mgħammar b’sistemi ta’ awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini sal-2025.

Is-sistemi ta’ awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini għandhom ikun kapaċi:

(a)

b’mod kontinwu jimmonitorjaw, jirreġistraw, janalizzaw u jħallu lok għal aġġustamenti fl-użu tal-enerġija;

(b)

iqabblu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini, jidentifikaw telf fl-effiċjenza ta’ sistemi tekniċi użati fil-bini, u jinformaw lill-persuna responsabbli mill-faċilitajiet jew mill-ġestjoni teknika tal-bini dwar opportunitajiet għal titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; u

(c)

jippermettu l-komunikazzjoni mas-sistemi tekniċi użati fil-bini u apparati oħra konnessi ġewwa l-bini, u jkunu interoperabbli mas-sistemi tekniċi użati fil-bini bejn tipi differenti ta’ teknoloġiji bi privattiva, apparati u manifatturi.

5.   L-Istati Membri jistgħu jistipulaw rekwiżiti biex jiżguraw li l-bini residenzjali jkun mgħammar:

(a)

bil-funzjonalità ta’ monitoraġġ elettroniku kontinwu li jkejjel l-effiċjenza tas-sistemi u jinforma lis-sidien jew lill-maniġers tal-bini meta din tkun naqset b’mod sinifikattiv u meta jkun meħtieġ servizz ta’ manutenzjoni tas-sistema; u

(b)

b’funzjonalitajiet ta’ kontroll effettivi biex jiżguraw il-ġenerazzjoni, id-distribuzzjoni, il-ħażna u l-użu ottimali tal-enerġija.

6.   Bini li jikkonforma mal-paragrafu 4 jew 5 għandu jiġi eżentat mir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1.

Artikolu 15

Spezzjoni tas-sistemi tal-arja kkondizzjonata

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw il-miżuri meħtieġa għall-istabbiliment ta’ spezzjonijiet regolari tal-partijiet aċċessibbli tas-sistemi tal-arja kkondizzjonata jew ta’ sistemi tal-arja kkondizzjonata u tal-ventilazzjoni kkombinati, b’output nominali effettiv ta’ ’l fuq minn 70 kW. L-ispezzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-effiċjenza u tad-dimensjonament tas-sistema tal-arja kkondizzjonata meta mqabbla mar-rekwiżiti tat-tkessiħ tal-bini u fejn ikun rilevanti, tikkunsidra l-kapaċitajiet tas-sistema tal-arja kkondizzjonata jew tas-sistema ta’ arja kkondizzjonata u tal-ventilazzjoni kkombinati biex ikun ottimizzat ir-rendiment tagħha taħt kondizzjonijiet operattivi tipiċi jew medji.

Fejn ma jkun sar l-ebda tibdil fis-sistema tal-arja kkondizzjonata jew fis-sistema tal-arja kkondizzjonata u tal-ventilazzjoni kkombinati jew fir-rigward tar-rekwiżiti tat-tkessiħ tal-bini wara li tkun saret spezzjoni f’konformità ma’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jirrikjedux li l-valutazzjoni tad-dimensjonament tas-sistema ta’ arja kkondizzjonata tiġi ripetuta.

L-Istati Membri li jżommu rekwiżiti aktar stretti skont l-Artikolu 1(3) għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li jinnotifikawhom lill-Kummissjoni.

2.   Is-sistemi tekniċi tal-bini li huma espliċitament koperti minn kriterju miftiehem dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija jew arranġament kuntrattwali li jispeċifika livell miftiehem ta’ titjib ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, bħall-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, jew li huma mħaddma minn operatur ta’ utilità jew ta’ netwerk u li għalhekk huma soġġetti għal miżuri ta’ monitoraġġ tar-rendiment min-naħa tas-sistema, għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1, dment li l-impatt ġenerali ta’ approċċ tali jkun ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-paragrafu 1.

3.   Bħala alternattiva għall-paragrafu 1 u dment li l-impatt ġenerali huwa ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jieħdu miżuri biex jiżguraw l-għoti ta’ pariri lill-utenti dwar is-sostituzzjoni ta’ sistemi tal-arja kkondizzjonata jew ta’ sistemi tal-arja kkondizzjonata u tal-ventilazzjoni kkombinati, modifiki oħra għas-sistema tal-arja kkondizzjonata jew ta’ sistemi tal-arja kkondizzjonata u tal-ventilazzjoni kkombinati u soluzzjonijiet alternattivi biex jiġu vvalutati l-effiċjenza u d-daqs adatt ta’ dawk is-sistemi.

Qabel ma japplika l-miżuri alternattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, kull Stat Membru għandu, billi jippreżenta rapport lill-Kummissjoni, jiddokumenta l-ekwivalenza tal-impatt ta’ dawk il-miżuri għall-impatt tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.

Tali rapport għandu jiġi ppreżentat skont l-obbligi ta’ ppjanar u rappurtar applikabbli.

4.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw rekwiżiti biex jiżguraw li, fejn dan ikun teknikament u ekonomikament fattibbli, bini mhux residenzjali b’sistemi tal-arja kkondizzjonata jew b’sistemi tal-arja kkondizzjonata u l-ventilazzjoni kkombinati b’output nominali effettiv ta’ aktar minn 290 kW ikun mgħammar b’sistemi ta’ awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini sal-2025.

Is-sistemi ta’ awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini għandhom ikun kapaċi:

(a)

b’mod kontinwu jimmonitorjaw, jirreġistraw, janalizzaw u jħallu lok għal aġġustamenti fl-użu tal-enerġija;

(b)

iqabblu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini, jidentifikaw telf fl-effiċjenza ta’ sistemi tekniċi użati fil-bini, u jinformaw lill-persuna responsabbli mill-faċilitajiet jew mill-ġestjoni teknika tal-bini dwar opportunitajiet għal titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; u

(c)

jippermettu l-komunikazzjoni mas-sistemi tekniċi użati fil-bini u apparati oħra konnessi ġewwa l-bini, u jkunu interoperabbli mas-sistemi tekniċi użati fil-bini bejn tipi differenti ta’ teknoloġiji bi privattiva, apparati u manifatturi.

5.   L-Istati Membri jistgħu jistipulaw rekwiżiti biex jiżguraw li l-bini residenzjali jkun mgħammar:

(a)

bil-funzjonalità ta’ monitoraġġ elettroniku kontinwu li jkejjel l-effiċjenza tas-sistemi u jinforma lis-sidien jew lill-maniġers tal-bini meta din tkun naqset b’mod sinifikattiv u meta jkun meħtieġ servizz ta’ manutenzjoni tas-sistema, u

(b)

b’funzjonalitajiet ta’ kontroll effettivi biex jiżguraw il-ġenerazzjoni, id-distribuzzjoni, il-ħażna u l-użu ottimali tal-enerġija.

6.   Binjiet li jikkonformaw mal-paragrafi 4 jew 5 għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1.”.

(8)

l-Artikolu 19 huwa sostitwit b’dan li ġej:,:

“Artikolu 19

Rieżami

Il-Kummissjoni, assistita mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 26, għandha teżamina din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2026 fid-dawl tal-esperjenza miksuba u l-progress magħmul matul l-applikazzjoni tagħha, u, jekk ikun neċessarju, tagħmel proposti.

Bħala parti minn dak ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha teżamina b’liema mod l-Istati Membri jistgħu japplikaw approċċi integrati ta’ distrettwalità jew ta’ viċinaza fil-politika tal-Unjoni dwar il-bini u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, filwaqt li jiżguraw li kull bini jissodisfa r-rekwiżiti minimi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija, pereżempju permezz ta’ skemi ta’ rinnovazzjoni ġenerali li japplikaw għal numru ta’ bini f’kuntest ta’ żona minflok għal bini uniku.

Il-Kummissjoni, b’mod partikolari, għandha tivvaluta l-ħtieġa għal titjib ulterjuri taċ-ċertifikati ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija skont l-Artikolu 11.”.

(9)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 19a

Studju ta’ fattibbiltà

Il-Kummissjoni, qabel l-2020, għandha tikkonkludi studju ta’ fattibbiltà, li jiċċara l-possibbiltajiet u l-iskeda ta’ żmien biex tkun introdotta l-ispezzjoni ta’ sistemi tal-ventilazzjoni awtonomi u passaport ta’ rinnovazzjoni tal-bini fakultattiv li jkun komplementari għaċ-ċertifikati ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija, sabiex ikun ipprovdut pjan direzzjonali għar-rinnovazzjoni pass pass u fit-tul għal bini speċifiku abbażi ta’ kriterji ta’ kwalità, wara verifika tal-enerġija, u li jiddeskrivi l-miżuri rilevanti u r-rinnovazzjonijiet li jistgħu jtejbu r-rendiment fl-użu tal-enerġija.”.

(10)

Fl-Artikolu 20(2), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jipprovdu lis-sidien jew lill-okkupanti ta’ bini b’informazzjoni dwar iċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, inkluż l-għan u l-objettivi tagħhom, dwar miżuri kosteffettivi u, fejn ikun il-każ, dwar strumenti finanzjarji, biex jittejjeb ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u dwar is-sostituzzjoni ta’ bojlers tal-fjuwils fossili b’alternattivi aktar sostenibbli. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni permezz ta’ għodod konsultattivi aċċessibbli u trasparenti bħal pariri dwar ir-rinnovazzjoni u punti uniċi ta’ servizz”.

(11)

L-Artikolu 23 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 23

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall- kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 5, 8 u 22 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mid-9 ta’ Lulju 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 5, 8 u 22 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5, 8 jew 22 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

(12)

L-Artikoli 24 u 25 jitħassru.

(13)

L-Artikolu 26 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 26

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”.

(14)

L-Annessi huma emendati skont l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2012/27/UE

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/27/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Rinnovazzjoni tal-bini

L-ewwel verżjoni tal-istrateġija fit-tul tal-Istati Membri għall-mobilizzazzjoni tal-investiment fir-rinnovazzjoni tal-istokk nazzjonali ta’ bini residenzjali u kummerċjali, kemm pubbliku kemm privat għandha tiġi ppubblikata sat-30 ta’ April 2014 u aġġornata kull tliet snin wara dik id-data u ppreżentata lill-Kummissjoni bħala parti mill-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija.”.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-10 ta’ Marzu 2020. Dawn għandhom jibagħtu minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Dawn għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni għal dan il-għan li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti li jittrasponu d-Direttiva 2010/31/UE jew id-Direttiva 2012/27/UE għandhom jiġu miftiehma bħala referenzi għal dawk id-Direttivi kif emendati b’din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif tali referenza għandha ssir u kif dik id-dikjarazzjoni għandha tkun ifformulata.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-30 ta’ Mejju 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  ĠU C 246, 28.7.2017, p. 48.

(2)  ĠU C 342, 12.10.2017, p. 119.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2018.

(4)  Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(5)  Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).

(6)  Direttiva 2009/148/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol (ĠU L 330, 16.12.2009, p. 28).

(7)  Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1).

(8)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(9)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(10)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1318 tad-29 ta’ Lulju 2016 dwar il-linji gwida għall-promozzjoni ta’ binjiet b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero u l-aħjar prattiki biex jiġi żgurat li, sal-2020, il-binjiet ġodda kollha jkunu binjiet b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero (ĠU L 208, 2.8.2016, p. 46).

(11)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

L-annessi tad-Direttiva 2010/31/UE huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.

Ir-rendiment ta’ bini fl-użu tal-enerġija għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-użu kkalkulat jew attwali tal-enerġija u jirrifletti l-użu tipiku ta’ enerġija għat-tisħin tal-ispazju, għat-tkessiħ tal-ispazju, għall-ilma sħun domestiku, għall-ventilazzjoni, għad-dawl integrat u għal sistemi tekniċi oħra tal-bini.

Ir-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ bini għandu jkun espress b’indikatur numeriku tal-użu tal-enerġija primarja f’kWh/(m2.y) għall-fini kemm taċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija kif ukoll tal-konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija. Il-metodoloġija applikata għad-determinazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ bini għandha tkun trasparenti u miftuħa għall-innovazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu l-metodoloġija tal-kalkolu nazzjonali tagħhom skont l-annessi nazzjonali tal-istandards ġenerali, jiġifieri ISO 52000-1, 52003-1, 52010-1, 52016-1, u 52018-1 żviluppati taħt il-mandat M/480 mogħti lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN). Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tikkostitwixxi kodifika legali ta’ dawk l-istandards.”;

(b)

il-punt 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.

Il-ħtiġijiet tal-enerġija għat-tisħin tal-ispazju, għat-tkessiħ tal-ispazju, għall-ilma sħun domestiku, għall-ventilazzjoni, għad-dawl integrat u għal sistemi tekniċi oħra tal-bini għandhom jiġu kkalkulati sabiex ikunu ottimizzati l-livelli tas-saħħa, tal-kwalità tal-arja interna u tal-kumdità definiti mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali jew dak reġjonali.

Il-kalkolu tal-enerġija primarja għandu jkun ibbażat fuq fatturi tal-enerġija primarja jew fuq fatturi ta’ ponderazzjoni għal kull portatur tal-enerġija, li jistgħu jkunu bbażati fuq medji ponderati nazzjonali„ reġjonali jew lokali annwali, u possibbilment anki staġonali jew ta’ kull xahar, jew fuq informazzjoni aktar speċifika li titqiegħed għad-dispożizzjoni għal sistema distrettwali individwali.

Il-fatturi tal-enerġija primarja jew il-fatturi ta’ ponderazzjoni għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri. Fl-applikazzjoni ta’ dawk il-fatturi għall-kalkolu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jipprova jintlaħaq ir-rendiment ottimali fl-użu tal-enerġija tal-involukru tal-bini.

Fil-kalkoli tal-fatturi tal-enerġija primarja għall-fini tal-kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, l-Istati Membri jistgħu jqisu sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fornuti permezz tal-portatur tal-enerġija u sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li huma ġġenerati u użati fuq il-post, dment li japplika fuq bażi mhux diskriminatorja.”;

(c)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“2a.

Bil-għan li jiġi espress r-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ bini, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu indikaturi numeriċi addizzjonali tal-użu ta’ enerġija primarja totali, mhux rinnovabbli u rinnovabbli, u emissjoni ta’ gass serra prodotti fi kgCO2eq/(m2.y).”;

(d)

fil-punt 4, il-kliem introduttorju jinbidel b’dan li ġej:

“4.

Għandha titqies l-influwenza pożittiva tal-aspetti li ġejjin:”;

(2)

Jiddaħħal l-Anness li ġej:

“ANNESS IA

QAFAS ĠENERALI KOMUNI GĦALL-VALUTAZZJONI TAL-ISTAT TA’ TĦEJJIJA TAL-BINI GĦAT-TEKNOLOĠIJI INTELLIĠENTI

1.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-definizzjoni tal-indikatur tal-istat ta’ tħejjija tal-bini għat-teknoloġija intelliġenti u tistabbilixxi metodoloġija li biha għandha tiġi kkalkulata, sabiex tivvaluta l-kapaċità ta’ bini jew ta’ unità ta’ bini li tadatta l-operat tagħha għall-ħtiġijiet tal-okkupant u l-grilja u biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-rendiment ġenerali tagħhom.

L-indikatur tal-istat ta’ tħejjija tal-bini għat-teknoloġija intelliġenti għandu jkopri karatteristiċi għal titjib fl-iffrankar, it-tqabbil u l-flessibbiltà fl-enerġija, titjib fil-funzjonalitajiet u l-kapaċitajiet li jirriżultaw minn apparat aktar interkonness u intelliġenti.

Il-metodoloġija għandha tqis karatteristiċi bħal arloġġi intelliġenti, awtomatizzazzjoni tal-bini u sistemi ta’ kontroll, apparat awtoregolatorju għar-regolar tat-temperatura tal-arja ta’ ġewwa, apparati integrati tad-dar, punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi, ħażna ta’ enerġija u funzjonalitajiet dettaljati u l-interoperabbiltà ta’ dawk il-karatteristiċi, kif ukoll il-benefiċċji għall-kundizzjoni klimatika ta’ ġewwa, effiċjenza fl-użu tal-enerġija, livelli ta’ rendiment u possibbiltà ta’ flessibbiltà.

2.

Il-metodoloġija għandha sserraħ fuq tliet funzjonalitajiet prinċipali relatati mal-bini u s-sistemi tekniċi tal-bini tiegħu:

(a)

l-abbiltà li jżomm ir-rendiment fl-użu tal-enerġija u l-operat tal-bini permezz tal-adattament tal-konsum tal-enerġija pereżempju permezz tal-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli;

(b)

l-abbiltà li jadatta l-mod tal-operat tiegħu bi tweġiba għall-ħtiġijiet tal-okkupant filwaqt li tingħata attenzjoni dovuta għad-disponibbiltà tal-faċilità tal-użu mill-utent, iż-żamma ta’ kondizzjonijiet klimatiċi ta’ ġewwa tajbin għas-saħħa u l-abbiltà ta’ rappurtar dwar l-użu tal-enerġija; u

(c)

il-flessibbiltà tad-domanda għall-elettriku ġenerali tal-bini, inkluża l-abbiltà tiegħu li jippermetti l-parteċipazzjoni b’mod ta’ domanda-risposta attiva u passiva kif ukoll impliċita u espliċita, fir-rigward tal-grilja, pereżempju permezz ta’ kapaċitajiet ta’ flessibbiltà u ta’ trasferiment tat-tagħbija.

3.

Il-metodoloġija tista’ tqis ukoll:

(a)

l-interoperabbiltà bejn is-sistemi (arloġġi intelliġenti, sistemi ta’ awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini, apparati integrati tad-dar, apparat awtoregolatorju għar-regolar tat-temperatura tal-arja ta’ ġewwa fil-bini u sensuri tal-kwalità tal-arja ta’ ġewwa u ventilazzjonijiet); u

(b)

l-influwenza pożittiva ta’ netwerks eżistenti tal-komunikazzjoni, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ infrastruttura fiżika ta’ veloċità għolja fil-bini, bħat-tikketta volontarja “broadband ready”, u l-eżistenza ta’ punt ta’ aċċess għal bini b’ħafna abitazzjonijiet, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

4.

Il-metodoloġija ma għandhiex taffettwa b’mod negattiv skemi ta’ ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija nazzjonali eżistenti u għandha tibni fuq inizjattivi relatati fil-livell nazzjonali, filwaqt li tqis il-prinċipju tal-pussess mill-okkupant, il-protezzjoni tad-data, il-privatezza u s-sigurtà, f’konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza kif ukoll l-aqwa tekniki disponibbli għas-sigurtà ċibernatika.

5.

Il-metodoloġija għandha tistabbilixxi l-aktar format adatt tal-parametru indikatur tal-istat ta’ tħejjija għat-teknoloġija intelliġenti u għandha tkun sempliċi, trasparenti u li tinftiehem faċilment għall-konsumaturi, is-sidien, l-investituri, u l-parteċipanti tas-suq tar-rispons għad-domanda.

(3)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt 1, l-ewwel paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“L-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddelegawlhom ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll indipendenti għandhom jagħmlu għażla aleatorja taċ-ċertifikati kollha tar-rendiment fl-użu tal-enerġija maħruġin kull sena u jissoġġettawhom għal verifika. Il-kampjun għandu jkun ta’ daqs suffiċjenti biex jiżgura riżultati ta’ konformità statistikament sinifikanti.”;

(b)

jiżdied il-punt li ġej:

“3.

Fejn l-informazzjoni tiżdied f’bażi ta’ data, l-awtoritajiet nazzjonali għandu jkollhom il-possibbiltà jidentifikaw l-oriġinatur ta’ din iż-żieda, għall-finijiet ta’ monitoraġġ u ta’ verifika.”.


(*1)  Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja (ĠU L 155, 23.5.2014, p. 1).”;


Top