Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0789

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/789 tat-18 ta' Mejju 2015 fir-rigward ta' miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa (Wells et al) (notifikata bid-dokument C(2015) 3415)

ĠU L 125, 21.5.2015, p. 36–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/08/2020; Imħassar b' 32020R1201

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/789/oj

21.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/36


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/789

tat-18 ta' Mejju 2015

fir-rigward ta' miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa (Wells et al)

(notifikata bid-dokument C(2015) 3415)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari r-raba' sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Fid-dawl tal-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni u n-notifiki ta' tifqigħat ġodda mill-awtoritajiet Taljani, il-miżuri previsti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/87/UE (2) għandhom jiġu msaħħa.

(2)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn' il quddiem “l-Awtorità”), fis-6 ta' Jannar 2015 ippubblikat opinjoni xjentifika dwar ir-riskju għas-saħħa tal-pjanti maħluqa minn Xylella fastidiosa (Wells et al.) (minn hawn' il quddiem “l-organiżmu speċifikat”) fit-territorju tal-UE, bl-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni ta' għażliet ta' tnaqqis tar-riskju (3). Dik l-Opinjoni identifikat lista ta' speċijiet ta' pjanti suxxettibbli għal iżolati Ewropej u mhux Ewropej tal-organiżmu speċifikat. Barra minn hekk, fl-20 ta' Marzu 2015, l-Awtorità ppubblikat rapport xjentifiku dwar il-kategorizzazzjoni ta' dawn il-pjanti għat-tħawwil, ħlief iż-żrieragħ, skont ir-riskju ta' introduzzjoni tal-organiżmu speċifikat. Ir-rapport jikkategorizza speċijiet ta' pjanti li s'issa kienu kkonfermati li huma suxxettibbli għall-iżolati Ewropej u mhux Ewropej tal-organiżmu speċifikat minn infezzjoni naturali, infezzjoni sperimentali permezz ta' trażmissjoni minn vettur, jew tip mhux magħruf ta' infezzjoni (minn hawn' il quddiem “pjanti speċifikati”). Dik il-lista hija itwal mil-lista fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/497/UE (4). Għalhekk, huwa xieraq li din id-Deċiżjoni tapplika għal lista itwal ta' speċijiet milli d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/497/UE. Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità, xi miżuri għandhom japplikaw biss għal speċijiet ta' pjanti suxxettibbli għal iżolati Ewropej tal-organiżmu speċifikat (minn hawn' il quddiem “pjanti ospitanti”). F'dan ir-rigward, filwaqt li l-opinjoni tal-EFSA tas-6 ta' Jannar 2015 turi inċertezza rigward il-firxa ta' speċijiet ta' pjanti peress li r-riċerka għadha għaddejja, ir-riżultati tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet Taljani kkonfermaw il-kapaċità ta' ċerti pjanti speċifikati li jkunu “pjanti ospitanti”.

(3)

L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġiet annwali għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat fit-territorji tagħhom u għandhom jiżguraw li l-operaturi professjonisti jkunu infurmati dwar il-preżenza potenzjali tiegħu u l-miżuri li għandhom jittieħdu.

(4)

Sabiex jeqirdu l-organiżmu speċifikat u jipprevjenu t-tixrid ulterjuri tiegħu fil-bqija tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu żoni demarkati li jikkonsistu minn żona infestata u żona ta' lqugħ, u japplikaw il-miżuri ta' qerda. Fid-dawl tal-qagħda attwali fin-Nofsinhar tal-Italja, iż-żona infestata taż-żona demarkata stabbilita mill-awtoritajiet Taljani għandha, mill-inqas, tkopri l-provinċja kollha ta' Lecce. Sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju li l-organiżmu speċifikat jinxtered minn barra ż-żona demarkata [żona infettata], iż-żona ta' lqugħ għandha tkun wiesgħa 10 km.

(5)

F'każijiet ta' okkorrenzi iżolati tal-organiżmu speċifikat, m'għandux ikun meħtieġ l-istabbiliment ta' żona demarkata jekk l-organiżmu speċifikat ikun jista' jiġi eliminat mill-pjanti fejn instab li huwa preżenti. F'każijiet bħal dawn, għandha tittieħed azzjoni immedjata biex ikun aċċertat jekk pjanti oħra ġewx infettati.

(6)

Filwaqt li titqies l-epidemjoloġija tal-organiżmu speċifikat, u r-riskju ta' aktar tixrid fil-bqija tal-Unjoni, għandu jkun ipprojbit it-tħawwil f'żona infettata ta' pjanti ospitanti, ħlief f'siti li huma fiżikament protetti kontra l-introduzzjoni tal-organiżmu speċifikat mill-vetturi tiegħu. Dan huwa importanti wkoll għall-prevenzjoni tal-infezzjoni ta' pjanti ospitanti mill-organiżmu speċifikat fi ħdan iż-żona demarkata.

(7)

Fil-provinċja ta' Lecce, l-organiżmu speċifikat hu diġà stabbiliti b'mod estensiv. Fejn l-evidenza turi li f'ċerti partijiet ta' dik iż-żona l-organiżmu speċifikat kien preżenti għal aktar minn sentejn u m'għadux possibbli li jinqered, il-korp uffiċjali responsabbli għandu jkollu l-possibilità li japplika miżuri ta' trażżin flok miżuri ta' qerda, biex mill-inqas jipproteġi siti ta' produzzjoni, pjanti b'valur kulturali, soċjali u xjentifiku partikolari, kif ukoll il-fruntiera mal-bqija tat-territorju tal-Unjoni. Il-miżuri ta' trażżin għandhom jimmiraw li jimminimizzaw l-ammont ta' inokolu batteriku f'dik iż-żona u jżommu l-popolazzjoni tal-vettur fl-iktar livell baxx possibbli.

(8)

Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-bqija tat-territorju tal-Unjoni mill-organiżmu speċifikat, filwaqt li titqies il-firxa possibbli tal-organiżmu speċifikat permezz ta' mezzi fiżiċi u assistiti mill-bniedem għajr il-moviment ta' pjanti speċifikati għat-tħawwil, huwa xieraq li tiġi stabbilita żona ta' sorveljanza immedjatament barra ż-żona ta' lqugħ madwar iż-żona infettata tal-provinċja ta' Lecce.

(9)

Pjanti magħrufa li huma suxxettibli għall-organiżmu speċifikat li jkunu tkabbru għal mill-inqas parti minn ħajjithom f'żona demarkata, jew li ġew trasportati minn din iż-żona, għandhom probabbiltà akbar minn pjanti oħra li jkunu ġew infettati mill-organiżmu speċifikat. Il-moviment ta' dawn il-pjanti għandu jkun għalhekk soġġett għal rekwiżiti speċifiċi mmirati biex jiġi evitat tixrid akbar ta' dan l-organiżmu speċifikat. Sabiex ikun faċilitat is-sejbien bikri tal-preżenza potenzjali tal-organiżmu speċifikat 'il barra miż-żona demarkata, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' traċċabbiltà għaċ-ċaqliq ta' pjanti magħrufa li huma suxxettibbli għall-organiżmu speċifikat barra miż-żoni demarkati.

(10)

Sabiex jippermettu spezzjoni ta' segwitu fid-destinazzjoni ta' pjanti għat-tħawwil maħruġa 'l barra miż-żoni demarkati, il-korp uffiċjali responsabbli tal-post tal-oriġini u l-korp uffiċjali responsabbli tal-post ta' destinazzjoni għandhom jiġu infurmati minnufih mill-operaturi professjonisti tal-moviment ta' kull lott ta' pjanti speċifikati li mill-inqas tkabbru għal parti minn ħajjithom f'żona demarkata.

(11)

Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ mill-qrib tal-moviment ta' pjanti għat-tħawwil li joriġinaw f'żoni demarkati u sabiex ikun hemm għarfien effettiv tas-siti fejn ir-riskju fitosanitarju minħabba l-organiżmu speċifikat hu għoli, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikollhom aċċess għal informazzjoni dwar siti ta' produzzjoni li jinsabu fiż-żoni demarkati. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jaġġornaw lista tas-siti kollha li jinsabu fiż-żoni demarkati fit-territorju tagħhom fejn ikunu tkabbru l-pjanti speċifikati tkabbru u jikkomunikaw dik il-lista lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli ġabra ta' dawk il-listi lill-Istati Membri.

(12)

Għandhom jitwettqu verifiki uffiċjali sabiex jiġi żgurat li pjanti speċifikati huma biss trasferiti 'l barra miż-żoni demarkati f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

(13)

Meqjusa n-natura tal-organiżmu speċifikat, pjanti speċifikati li joriġinaw f'pajjiż terz fejn l-organiżmu speċifikat mhuwiex preżenti għandhom, meta jiġu introdotti fl-Unjoni, jiġu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju inkluż dikjarazzjoni addizzjonali li tiddikjara li dak il-pajjiż ħieles mill-organiżmu speċifikat.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li pjanti speċifikati introdotti fl-Unjoni minn pajjiżi terzi fejn l-organiżmu speċifikat hu magħruf li huwa preżenti, ikunu ħielsa mill-organiżmu speċifikat, ir-rekwiżiti għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, għandhom ikunu simili għal dawk stabbiliti għal moviment ta' pjanti speċifikati li joriġinaw f'żoni demarkati.

(15)

Minn Ottubru 2014 'l hawn, għadd kbir ta' pjanti għat-tħawwil, għajr żrieragħ, tal-Coffea, li joriġinaw fil-Costa Rica jew fil-Honduras, ġew interċettati fl-Unjoni bil-preżenza tal-organiżmu speċifikat. Huwa għalhekk konkluż li l-proċeduri ta' ċertifikazzjoni fitosanitarja tal-Costa Rica jew il-Honduras huma insuffiċjenti biex jiżguraw li l-konsenji ta' pjanti tal-Coffea huma ħielsa mill-organiżmu speċifikat. Konsegwentement, minħabba l-probabbiltà għolja tal-istabbiliment tal-organiżmu speċifikat fl-Unjoni, in-nuqqas ta' kwalunkwe trattament effettiv ladarba l-pjanti speċifikati huma infettati, kif ukoll il-konsegwenzi ekonomiċi kbar għall-Unjoni, l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' pjanti għat-tħawwil tal-Coffea, apparti minn żrieragħ, li joriġinaw fil-Costa Rica jew il-Honduras għandha tkun ipprojbita.

(16)

Id-Deċiżjoni 2014/497/UE għandha titħassar.

(17)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“organiżmu speċifikat” tfisser iżolati Ewropej u mhux Ewropej ta' Xylella fastidiosa (Wells et al.);

(b)

“pjanti speċifikati” tfisser il-pjanti kollha għat-tħawwil, għajr żrieragħ, li jappartjenu għal ġeneri jew speċijiet elenkati fl-Anness I;

(c)

“pjanti ospitanti” tfisser il-pjanti speċifikati kollha li jappartjenu għall-ġeneri jew l-ispeċijiet elenkati fl-Anness II;

(d)

“operatur professjonist” tfisser kwalunkwe persuna involuta professjonalment f'waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin dwar il-pjanti:

(i)

it-tħawwil;

(ii)

it-tnissil;

(iii)

il-produzzjoni, inklużi t-tkabbir, il-moltiplikazzjoni u l-manutenzjoni;

(iv)

l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni, u l-moviment fih u lil hinn minnu;

(v)

ħidma għad-disponibblità fis-suq.

Artikolu 2

Sejbien jew preżenza suspettata tal-organiżmu speċifikat

1.   Kull persuna li tissuspetta jew issir taf bil-preżenza tal-organiżmu speċifikat għandha tinforma lill-korp uffiċjali responsabbli minnufih u tipprovdih bl-informazzjoni relevanti kollha li tikkonċerna l-preżenza, jew preżenza suspettata, tal-organiżmu speċifikat.

2.   Il-korp uffiċjali responsabbli għandu jirreġistra din l-informazzjoni minnufih.

3.   Meta l-korp uffiċjali responsabbli jkun ġie infurmat bil-preżenza, jew preżenza suspettata, tal-organiżmu speċifikat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jikkonferma dik il-preżenza, jew preżenza suspettata.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna li jkollha taħt il-kontroll tagħha pjanti li għandhom mnejn ikunu nfettati bl-organiżmu speċifikat tiġi infurmata minnufih bil-preżenza jew il-preżenza suspettata tal-organiżmu speċifikat, bil-konsegwenzi possibbli u r-riskji u tal-miżuri li għandhom jittieħdu.

Artikolu 3

Stħarriġ dwar l-organiżmu speċifikat fit-territorji tal-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġiet annwali kull sena għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat fit-territorju tagħhom fuq il-pjanti speċifikati.

Dawn l-istħarriġiet għandhom jitwettqu mill-korp uffiċjali responsabbli, jew taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-korp uffiċjali responsabbli. Għandhom jikkonsisti minn eżamijiet viżivi u, fil-każ ta' xi suspett ta' infezzjoni mill-organiżmu speċifikat, ġbir ta' kampjuni u ttestjar. L-istħarriġiet għandhom jissejsu fuq prinċipji xjentifiċi u tekniċi tajba, u għandhom jitwettqu fi żminijiet xierqa tas-sena fir-rigward tal-possibbiltà li jinstab l-organiżmu speċifikat. L-istħarriġiet għandhom iqisu l-evidenza xjentifika u teknika disponibbli, il-bijoloġija tal-organiżmu speċifikat u tal-vetturi, il-preżenza u l-bijoloġija ta' pjanti speċifikati, u kwalunkwe tagħrif ieħor xieraq, dwar il-preżenza tal-organiżmu speċifikat.

Artikolu 4

L-istabbiliment ta' żoni demarkati

1.   Fejn il-preżenza tal-organiżmu speċifikat tkun ġiet ikkonfermata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddemarka żona mingħajr dewmien konformi mal-paragrafu 2, minn hawn 'il quddiem “żona demarkata”.

2.   Iż-żoni demarkata għandha tikkonsisti minn żona infettata u żona ta' lqugħ.

Iż-żona infettata għandha tinkludi l-pjanti kollha magħrufin li huma infettati bl-organiżmu speċifikat, il-pjanti kollha li juru sintomi li jindikaw il-possibbiltà ta' infezzjoni minn dak l-organiżmu, u l-pjanti l-oħra kollha li jistgħu jiġu infettati minn dak l-organiżmu minħabba l-qrubija tagħhom mal-pjanti infettati, jew is-sors komuni ta' produzzjoni, jekk magħruf, bi pjanti infettati, jew il-pjanti mkabbra minnhom.

F'dak li jirrigwarda l-preżenza ta' organiżmu speċifikat fil-provinċja ta' Lecce, iż-żona infettata għandha mill-inqas tinkludi dik il-provinċja kollha.

Iż-żona ta' lqugħ għandha tkun wiesgħa tal-inqas 10 km, madwar iż-żona infettata.

Id-delimitazzjoni eżatta taż-żoni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji xjentifiċi solidi, il-bijoloġija tal-organiżmu speċifikat u l-vetturi tiegħu, il-livell ta' infezzjoni, il-preżenza tal-vetturi, u d-distribuzzjoni ta' pjanti speċifikati fiż-żona kkonċernata.

3.   Jekk tiġi kkonfermata l-preżenza tal-organiżmu speċifikat 'il barra miż-żona infettata, id-delimitazzjoni taż-żona infettata u taż-żona ta' lqugħ għandha tiġi rriveduta minnufih u mibdula kif xieraq.

4.   Fuq il-bażi tan-notifiki mill-Istati Membri skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/917/UE (5), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u taġġorna lista ta' żoni demarkati u tikkomunika dik il-lista lill-Istati Membri.

5.   Meta abbażi tal-istħarriġ imsemmi fl-Artikolu 3 u tal-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 7 tal-Artikolu 6, ma jinstabx l-organiżmu speċifikat f'żona demarkata għal perjodu ta' ħames snin, din id-demarkazzjoni tkun tista' titneħħa. F'każijiet bħal dawn, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

6.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li ma jistabbilixxix żona demarkata minnufih meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikun hemm evidenza li l-organiżmu speċifikat ġie introdott fiż-żona reċentement mal-pjanti li nstab fuqhom;

(b)

ikun hemm indikazzjoni li dawk il-pjanti kienu diġà infettati qabel l-introduzzjoni tagħhom fiż-żona kkonċernata;

(c)

ma jkunux instabu vetturi li jġorru l-organiżmu speċifikat, fuq il-bażi tat-testijiet imwettqa f'konformità ma' metodi ta' ttestjar validati internazzjonalment, fil-qrubija ta' dawn il-pjanti.

7.   Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 6, l-Istat Membru għandu:

(a)

jwettaq stħarriġ għal mill-inqas sentejn biex jiddetermina ġewx infettati xi pjanti oħra apparti dawk li fuqhom l-organiżmu speċifikat kien instab oriġinarjament;

(b)

abbażi ta' dan l-istħarriġ, jiddetermina hemmx ħtieġa li tiġi stabbilita żona demarkata;

(c)

jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-ġustifikazzjoni għaliex mhux qed jistabbilixxi żona demarkata, u r-riżultat tal-istħarriġ imsemmi fil-punt (a) hekk kif isir disponibbli.

Artikolu 5

Il-projbizzjoni tat-tħawwil ta' pjanti ospitanti f'żoni infettati

It-tħawwil ta' pjanti ospitanti f'żoni infettati għandu jkun ipprojbit, ħlief f'siti li huma fiżikament protetti kontra l-introduzzjoni tal-organiżmu speċifikat mill-vetturi tiegħu.

Artikolu 6

Miżuri ta' qerda

1.   L-Istat Membru li jkun stabbilixxa ż-żoni demarkata msemmija fl- Artikolu 4 għandu, f'din iż-żona, jieħu l-miżuri kif stipulat fil-paragrafi 2 sa 11.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, fi ħdan raġġ ta' 100 m madwar il-pjanti li ġew ittestjati u nstab li huma infettati mill-organiżmu speċifikat, ineħħi minnufih:

(a)

pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istatus tas-saħħa tagħhom;

(b)

pjanti magħrufin li huma infettati mill-organiżmu speċifikat;

(c)

pjanti li juru sintomi li jindikaw infezzjoni possibbli minn dak l-organiżmu jew suspettati li huma infettati minn dak l-organiżmu.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu kampjun u jittestja l-pjanti speċifikati f'raġġ ta' 100 m madwar kull waħda mill-pjanti infettati, f'konformità mal-International Standard for Phytosanitary Measures ISPM No. 31 (6).

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jwettaq trattamenti fitosanitarji xierqa qabel it-tneħħija tal-pjanti msemmija fil-paragrafu 2 kontra vetturi tal-organiżmu speċifikat u pjanti li għandhom mnejn jospitaw dawk il-vetturi. Dawk it-trattamenti jistgħu jinkludu, kif xieraq, it-tneħħija tal-pjanti.

5.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, in situ jew f'post fil-qrib apposta għal dan l-għan fi ħdan iż-żona infettata, jeqred pjanti u partijiet ta' pjanti msemmija fil-paragrafu 2, b'tali mod li jkun żgurat li l-organiżmu speċifikat ma jinxteridx.

6.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jwettaq l-investigazzjonijiet xierqa biex jidentifika l-oriġini tal-infezzjoni. Għandu jitraċċa l-pjanti speċifikati assoċjati mal-każ tal-infezzjoni kkonċernat, inkluż dawk li ġew imċaqalqa qabel ma ġiet stabbilita żona demarkata. Ir-riżultati ta' dawn l-investigazzjonijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-Istati Membri li fihom joriġinaw dawk il-pjanti kkonċernati, lill-Istati Membri li għaddew minnhom dawk il-pjanti u lill-Istati Membri lejn fejn iċċaqalqu dawn il-pjanti.

7.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jissorvelja l-preżenza tal-organiżmu speċifikat permezz ta' stħarriġiet annwali fi żminijiet xierqa. Għandu jwettaq spezzjonijiet viżivi tal-pjanti speċifikati u jieħu kampjuni mill-pjanti sintomatiċi u jittestjahom, kif ukoll pjanti asintomatiċi fil-qrubija ta' dawk sintomatiċi.

F'żoni ta' lqugħ, żona mistħarrġa għandha tkun ibbażata fuq grilja maqsuma fi kwadri ta' 100 m × 100 m. L-ispezzjonijiet viżivi għandhom jitwettqu f'kull wieħed minn dawk il-kwadri.

8.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jqajjem kuxjenza pubblika dwar it-theddid li jġib miegħu l-organiżmu speċifikat u dwar il-miżuri adottati biex dan ma jiddaħħalx u ma jinxteridx fl-Unjoni. B'mod partikolari, għandu jtella' sinjali tat-toroq li jindikaw id-delimitazzjoni taż-żona demarkata rispettiva.

9.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, fejn meħtieġ, jieħu miżuri li jindirizzaw kull sitwazzjoni partikolari jew kumplikazzjoni li x'aktarx tista' tipprevjeni, tfixkel jew iddewwem il-qerda, partikolarment dawk relatati mal-aċċessibbiltà u l-qerda xierqa tal-pjanti kollha li jkunu infettati jew li jkun hemm suspett li huma infettati, ikunu fejn ikunu, humiex pubbliċi jew privati, jew hi min hi l-persuna jew l-entità li hi responsabbli għalihom.

10.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu kull miżura oħra li tista' tikkontribwixxi għall-qerda tal-organiżmu speċifikat, b'kunsiderazzjoni tal-ISPM No. 9 (7) u bl-applikazzjoni ta' approċċ integrat skont il-prinċipji stipulati fl-ISPM No 14 (8).

11.   L-Istat Membru kkonċernat għandu japplika prattiki agrikoli xierqa għall-ġestjoni tal-organiżmu speċifikat u l-vetturi tiegħu.

Artikolu 7

Miżuri ta' trażżin

1.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 6, biss fil-provinċja ta' Lecce, il-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru kkonċernat jista' jiddeċiedi li japplika miżuri ta' trażżin, kif stabbilit fil-paragrafi 2 sa 6, (minn hawn' il quddiem: “żona tat-trażżin”).

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu immedjatament ineħħi mill-inqas il-pjanti kollha li nstabu li huma infettati mill-organiżmu speċifikat jekk dawn ikunu jinsabu fi kwalunkwe minn dawn il-postijiet:

(a)

qrib is-siti msemmija fl-Artikolu 9(2);

(b)

qrib is-siti ta' pjanti b'valur kulturali, soċjali jew xjentifiku partikolari;

(c)

f'distanza ta' 20 km mill-fruntiera taż-żona tat-trażżin mal-bqija tat-territorju tal-Unjoni.

Għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi evitat it-tixrid tal-organiżmu speċifikat matul u wara t-tneħħija.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, fi ħdan raġġ ta' 100 m madwar il-pjanti msemmija fil-paragrafu 2 u li nstab li huma infettati mill-organiżmu speċifikat, jieħu kampjun tal-pjanti ospitanti u jittestjah, f'konformità mal-International Standard for Phytosanitary Measures ISPM No. 31. Dan l-ittestjar għandu jitwettaq f'intervalli regolari u, tal-inqas, darbtejn fis-sena.

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu japplika trattamenti fitosanitarji xierqa qabel it-tneħħija tal-pjanti msemmija fil-paragrafu 2 kontra vetturi tal-organiżmu speċifikat u pjanti li għandhom mnejn jospitaw dawk il-vetturi. Dawk it-trattamenti jistgħu jinkludu, kif xieraq, it-tneħħija tal-pjanti.

5.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, in situ jew f'post fil-qrib apposta għal dan il-għan fi ħdan iż-żona tat-trażżin, jeqred pjanti u partijiet ta' pjanti msemmija fil-paragrafu 2, b'tali mod li jkun żgurat li l-organiżmu speċifikat ma jinxteridx.

6.   L-Istat Membru kkonċernat għandu japplika prattiki agrikoli xierqa għall-ġestjoni tal-organiżmu speċifikat u l-vetturi tiegħu.

Artikolu 8

Stabbiliment ta' żona ta' sorveljanza fl-Italja

1.   Għandha tiġi stabbilita żona ta' sorveljanza b'raġġ ta' mill-inqas 30 km biswit iż-żona demarkata li tkopri ż-żona infettata tal-provinċja ta' Lecce.

2.   Fiż-żona ta' sorveljanza msemmija fil-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jissorvelja l-preżenza tal-organiżmu speċifikat permezz ta' stħarriġiet annwali fi żminijiet xierqa tas-sena. Huwa għandu jwettaq spezzjonijiet viżivi tal-pjanti speċifikati u jieħu kampjun tal-pjanti sintomatiċi u jittestjahom.

Iż-żona mistħarrġa għandha tkun ibbażata fuq grilja maqsuma fi kwadri ta' 100 m × 100 m. L-ispezzjonijiet viżivi għandhom jitwettqu f'kull wieħed minn dawk il-kwadri.

L-għadd ta' kampjuni, il-metodoloġija u r-riżultati għandhom jiġu indikati fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 14.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu japplika prattiki agrikoli xierqa għall-ġestjoni tal-organiżmu speċifikat u l-vetturi tiegħu.

Artikolu 9

Il-moviment ta' pjanti speċifikati fl-Unjoni

1.   Għandu jiġi pprojbit il-moviment fi ħdan l-Unjoni, fi ħdan jew barra miż-żoni demarkati, ta' pjanti speċifikati li jkunu tkabbru għal mill-inqas parti minn ħajjithom f'żona demarkata stabbilita skont l-Artikolu 4,

2.   B'deroga tal-paragrafu 1, tali moviment jista' jseħħ jekk il-pjanti speċifikati jkunu tkabbru f'sit fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikun irreġistrat skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/90/KEE (9);

(b)

ikun awtorizzat mill-korp uffiċjali responsabbli bħala żona ħielsa mill-organiżmu speċifikat u l-vetturi tiegħu, filwaqt li jitqiesu l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti;

(c)

ikun protett fiżikament kontra l-introduzzjoni tal-organiżmu speċifikat mill-vetturi tiegħu;

(d)

ikun imdawwar minn żona b'wisa' ta' 200 metru li tkun instabet permezz ta' spezzjoni viżiva uffiċjali u, fil-każ ta' suspett ta' preżenza tal-organiżmu speċifikat, permezz tat-teħid ta' kampjuni u tal-ittestjar, li huma ħielsa mill-organiżmu speċifikat, u jkun suġġett għal trattamenti fitosanitarji xierqa kontra organiżmi li jġorru l-mikrobu tal-organiżmu speċifikat; dawk it-trattamenti jistgħu jinkludu, kif xieraq, it-tneħħija tal-pjanti;

(e)

ikun suġġett għal trattamenti fitosanitarji xierqa biex jinżamm ħieles mill-vetturi tal-organiżmu speċifikat; dawk it-trattamenti jistgħu jinkludu, kif xieraq, it-tneħħija tal-pjanti;

(f)

ikun suġġett, kull sena, flimkien maż-żona msemmija fil-punt (d), għal mill-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali mwettqa fi żmienijiet xierqa;

(g)

matul iż-żmien kollu tat-tkabbir tal-pjanti speċifikati, ma jkunu nstabu fis-sit la sintomi tal-organiżmu speċifikat u lanqas tal-vetturi tiegħu jew, jekk ikunu ġew osservati sintomi suspetti, it-testijiet imwettqa jikkonfermaw in-nuqqas tal-organiżmu speċifikat;

(h)

matul iż-żmien tat-tkabbir tal-pjanti speċifikati, ma jkunux instabu fiż żona msemmija fil-punt (d) sintomi tal-organiżmu speċifikat jew, jekk ikunu ġew osservati sintomi suspetti, it-testijiet ikunu saru u jkun ġie kkonfermat in-nuqqas tal-organiżmu speċifikat.

3.   Kampjuni rappreżentattivi ta' kull speċi ta' pjanti speċifikati minn kull sit ikunu ġew soġġetti għal ittestjar annwali, fl-aktar żmien xieraq, u n-nuqqas ta' organiżmu speċifikat ġie kkonfermat abbażi ta' testijiet imwettqa skont il-metodi ta' ttestjar validati internazzjonalment.

4.   Kemm prattikament jista' jkun qrib iż-żmien taċ-ċaqliq, il-lottijiet tal-pjanti speċifikati jkunu ġew soġġetti għal spezzjoni viżiva uffiċjali, teħid ta' kampjuni u ttestjar molekulari mwettaq skont metodi ta' ttestjar validati internazzjonalment, bl-użu ta' skema ta' teħid ta' kampjuni li tista' tidentifika b'affidabbiltà ta' 99 % livell ta' preżenza ta' pjanti infettati ta' 1 % jew ogħla u mmirata b'mod speċifiku fuq pjanti li juru sintomi tal-organiżmu speċifikat, skont l-ISPM No. 31.

5.   Qabel iċ-ċaqliq, il-lottijiet ta' pjanti speċifikati ikunu ġew suġġetti għal trattamenti fitosanitarji kontra kwalunkwe vettur tal-organiżmu speċifikat.

6.   Il-pjanti speċifikati għaddejjin minn żoni demarkati jew fihom għandhom jiġu trasportati f'kontenituri magħluqa, biex jiġi żgurat li ma sseħħ ebda infezzjoni mal-organiżmu speċifikat jew minn kwalunkwe mill-vetturi tiegħu.

7.   Il-pjanti kollha msemmija fil-paragrafu 1, għandhom ikunu mċaqlaqa biss lejn u fit-territorju tal-Unjoni, jekk ikunu akkumpanjati minn passaport tal-pjanti mħejji u maħruġ skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE (10).

Artikolu 10

Traċċabbiltà

1.   L-operaturi professjonisti li jfornu pjanti speċifikati li jkunu tkabbru għal mill-inqas parti minn ħajjithom f'żona demarkata, jew li ġew trasferiti minn tali żona, għandhom iżommu rekord ta' kull lott fornut u tal-operatur professjonist li rċevih.

2.   L-operaturi professjonisti li jiġu fornuti bi pjanti speċifikati li jkunu tkabbru għal mill-inqas parti minn ħajjithom f'żona demarkata, jew li ġew trasferiti minn tali żona, għandhom iżommu rekord ta' kull lott fornut u tal-fornitur.

3.   L-operaturi professjonisti għandhom iżommu r-rekords imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għal tliet snin mid-data li fiha l-lott rispettiv ikun ġie fornit lilhom jew mingħandhom.

4.   L-operaturi professjonisti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jinfurmaw minnufih lill-korpi uffiċjali responsabbli rispettivi tagħhom dwar kull lott fornut jew irċevut minnhom. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi l-oriġini, il-konsenjatur, id-destinatarju, il-post tad-destinazzjoni, in-numru individwali tas-serje, tal-ġimgħa jew tal-lott tal-passaport tal-pjanti u l-identità u l-kwantità tal-lott ikkonċernat.

5.   Korp uffiċjali responsabbli li jirċievi informazzjoni skont il-paragrafu 4 għandu jinforma lill-korp uffiċjali responsabbli minnufih tal-post ta' destinazzjoni tal-lott ikkonċernat.

6.   L-Istati Membri għandhom, fuq talba, jagħmlu disponibbli l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 lill-Kummissjoni.

Artikolu 11

Kontrolli uffiċjali fuq il-movimenti ta' pjanti speċifikati

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali regolari fuq pjanti speċifikati li jkunu qed jiċċaqalqu 'l barra minn żona demarkata, jew minn żona infettata lejn żona ta' lqugħ.

Dawn il-kontrolli għandhom jitwettqu mill-inqas fi:

(a)

il-punti fejn il-pjanti speċifikati jiġu mċaqalqa minn żoni infettati għal żoni ta' lqugħ;

(b)

il-punti fejn il-pjanti speċifikati jiġu mċaqalqa minn żoni ta' lqugħ għal żoni mhux demarkati;

(c)

il-post tad-destinazzjoni tal-pjanti speċifikati fiż-żona ta' lqugħ;

(d)

il-post tad-destinazzjoni fiż-żoni mhux demarkati.

2.   Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu kontroll dokumentarju u kontroll ta' identità tal-pjanti speċifikati.

Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu irrispettivament mill-post fejn qegħdin il-pjanti speċifikati, is-sjieda jew il-persuna jew l-entità responsabbli għalihom.

3.   L-intensità tal-kontrolli msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jissejsu fuq ir-riskju li l-pjanti jġorru l-organiżmu speċifikat jew il-vetturi magħrufa jew potenzjali, filwaqt li jiqtiesu l-provenjenza tal-lottijiet, il-grad ta' suxxettibbiltà tal-pjanti, u l-konformità minn operatur professjonist responsabbli għall-moviment b'din id-Deċiżjoni u ma' kull miżura oħra meħuda biex jiġi kkontrollat jew jinqered l-organiżmu speċifikat.

Artikolu 12

Lista ta' siti awtorizzati

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jaġġornaw lista tas-siti kollha awtorizzati skont l-Artikolu 9(2).

L-Istati Membri għandhom jissottomettu dik il-lista lill-Kummissjoni.

Fuq il-bażi tal-informazzjoni li waslet mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u taġġorna lista tas-siti kollha awtorizzati fl-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-lista lil kwalunkwe Stat Membru.

Artikolu 13

Miżuri fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-Artikolu 9

Fejn il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 11(2) juru li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl- Artikolu 9 ma jkunux issodisfati, l-Istat Membru li jkun wettaq dawk il-kontrolli għandu minnufih jeqred il-pjanta mhux konformi in situ jew f'post fil-qrib. Dik l-azzjoni għandha titwettaq bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi evitat it-tixrid tal-organiżmu speċifikat, u kwalunkwe vettur li ġġorr dik il-pjanta, matul u wara t-tneħħija.

Artikolu 14

Rappurtar dwar il-miżuri

L-Istati Membri għandhom sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra:

(a)

rapport dwar il-miżuri meħuda skont l-Artikoli 3, 4, 6, 7, 8 u 11 u dwar ir-riżultati ta' dawk il-miżuri;

(b)

pjan dwar il-miżuri, inkluż iż-żmien skedat ta' kull miżura, li għandhom jittieħdu skont l-Artikoli 3, 4, 6, 7, 8 u 11 matul is-sena ta' wara.

F'każ li l-Istat Membru kkonċernat jiddeċiedi li japplika miżuri ta' trażżin skont l-Artikolu 7, dan għandu minnufih jikkomunika lill-Kummissjoni r-raġunijiet li japplikaw miżuri ta' trażżin, u l-miżuri meħuda jew maħsuba li jittieħdu.

Fejn ikun ġustifikat mill-iżvilupp tar-riskju fitosanitarju rispettiv, l-Istati Membri għandhom jadattaw il-miżuri rispettivi u għaldaqstant jiġi aġġornat il-pjan imsemmi fil-punt (b). Għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar l-aġġornament tal-pjan.

Artikolu 15

Projbizzjoni tal-introduzzjoni ta' pjanti għat-tħawwil, għajr żrieragħ, ta' Coffea li joriġinaw fil-Costa Rica jew il-Honduras

Għandha tkun ipprojbita l-introduzzjoni ta' pjanti għat-tħawwil, għajr żrieragħ, ta' Coffea li joriġinaw fil-Costa Rica jew il-Honduras

Pjanti għat-tħawwil, għajr żrieragħ, ta' Coffea li joriġinaw fil-Costa Rica jew il-Honduras li ġew introdotti fl-Unjoni qabel l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, għandhom biss jiġu ttrasportati fl-Unjoni minn operaturi professjonisti wara li jkunu infurmaw lill-korp uffiċjali responsabbli.

Artikolu 16

Introduzzjoni fl-Unjoni ta' pjanti speċifikati li joriġinaw minn pajjiżi terzi fejn ikun magħruf li l-organiżmu speċifikat huwa preżenti

Pjanti speċifikati li joriġinaw minn pajjiż terz fejn ikun magħruf li l-organiżmu speċifikat mhuwiex preżenti jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-pajjiż terz ikkonċernat tkun għarrfet bil-miktub lill-Kummissjoni li l-organiżmu speċifikat mhuwiex preżenti fil-pajjiż;

(b)

il-pjanti speċifikati jkunu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE, li jiddikjara taħt ir-rubrika “Dikjarazzjoni Addizzjonali” li l-organiżmu speċifikat ma jkunx preżenti fil-pajjiż;

(c)

malli jidħlu fl-Unjoni, il-pjanti speċifikati għandhom jiġu spezzjonati mill-korp uffiċjali responsabbli skont l-Artikolu 18(2) u ma jkunu nstabu la l-preżenza u lanqas sintomi tal-organiżmu speċifikat.

Artikolu 17

Introduzzjoni fl-Unjoni ta' pjanti speċifikati li joriġinaw minn pajjiżi terzi fejn ikun magħruf li l-organiżmu speċifikat huwa preżenti

1.   Pjanti speċifikati li joriġinaw minn pajjiż terz fejn ikun magħruf li l-organiżmu speċifikat mhuwiex preżenti jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju, kif imsemmi fl-Artikolu (13)(1)(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE;

(b)

ikunu konformi mal-paragrafu 2 jew mal-paragrafi 3 u 4;

(c)

malli jidħlu fl-Unjoni, ikunu ġew spezzjonati mill-korp uffiċjali responsabbli skont l-Artikolu 18 u ma jkunu nstabu la l-preżenza u lanqas sintomi tal-organiżmu speċifikat.

2.   Meta pjanti speċifikati joriġinaw minn żona ħielsa mill-organiżmu speċifikat, kif stabbilit mill-organizzazzjoni nazzjonali kkonċernata għall-protezzjoni tal-pjanti skont l-Istandards Internazzjonali għal Miżuri Fitosanitarji rilevanti, għandhom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-pajjiż terz ikkonċernat tkun għarrfet bil-miktub lill-Kummissjoni l-isem ta' dik iż-żona.

(b)

l-isem ta' dik iż-żona jkun iddikjarat fiċ-ċertifikat fitosanitarju taħt ir-rubrika “post tal-oriġini”.

3.   Fejn pjanti speċifikati li joriġinaw f'żona fejn l-organiżmu speċifikat hu magħruf li huwa preżenti, iċ-ċertifikat fitosanitarju għandu jiddikjara taħt ir-rubrika “Dikjarazzjoni Addizzjonali” li:

(a)

il-pjanti speċifikati jkunu ġew prodotti f'sit wieħed jew aktar li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4;

(b)

l-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-pajjiż terz ikkonċernat tkun għarrfet bil-miktub il-lista ta' dawk is-siti, inkluż fejn jinsabu fil-pajjiż;

(c)

jiġu applikati fis-sit u ż-żona tagħha trattamenti fitosanitarji kontra l-vetturi tal-organiżmu speċifikat imsemmi fil-paragrafu 4(c);

(d)

kampjuni rappreżentattivi ta' kull speċi ta' pjanti speċifikati minn kull sit ikunu ġew soġġetti għal ittestjar annwali, fl-aktar żmien xieraq, u n-nuqqas tal-organiżmu speċifikat ikun ġie kkonfermat abbażi ta' testijiet imwettqa skont il-metodi ta' ttestjar validati internazzjonalment;

(e)

il-pjanti speċifikati jkunu ġew trasportati f'kontenituri jew pakketti magħluqa, biex jiġi żgurat li ma sseħħ ebda infezzjoni mal-organiżmu speċifikat jew minn kwalunkwe mill-vetturi magħrufa tiegħu;

(f)

kemm prattikament jista' jkun qrib iż-żmien tal-esportazzjoni, il-lottijiet tal-pjanti speċifikati jkunu ġew soġġetti għal spezzjoni viżiva uffiċjali, teħid ta' kampjuni u ttestjar molekulari mwettaq skont metodi ta' ttestjar validati internazzjonalment, li jikkonfermaw in-nuqqas tal-organiżmu speċifikat, bl-użu ta' skema ta' teħid ta' kampjuni li tista' tidentifika b'affidabbiltà ta' 99 % livell ta' preżenza ta' pjanti infettati ta' 1 % jew ogħla u mmirata b'mod speċifiku fuq pjanti li juru sintomi tal-organiżmu speċifikat;

(g)

minnufih qabel l-esportazzjoni, il-lottijiet ta' pjanti speċifikati jkunu ġew suġġetti għal trattamenti fitosanitarji kontra kwalunkwe vettur tal-organiżmu speċifikat.

Barra minn hekk, iċ-ċertifikat fitosanitarju msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jindika taħt ir-rubrika “Post tal-oriġini” l-identifikazzjoni tas-sit imsemmi fil-punt (a).

4.   Is-sit imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 3 għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikun stabbilit mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti bħala ħieles mill-organiżmu speċifikat u l-vetturi tiegħu, skont l-Istandards Internazzjonali rilevanti għall-Miżuri Fitosanitarji;

(b)

ikun protett fiżikament kontra l-introduzzjoni tal-organiżmu speċifikat mill-vetturi tiegħu;

(c)

ikun imdawwar minn żona b'wisa' ta' 200 metru li tkun instabet permezz ta' spezzjoni viżiva uffiċjali u, fil-każ ta' suspett tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat, permezz tat-teħid ta' kampjuni u tal-ittestjar, li huma ħielsa mill-organiżmu speċifikat, u jkun suġġett għal trattamenti fitosanitarji xierqa kontra l-vetturi tal-organiżmu speċifikat; dawk it-trattamenti jistgħu jinkludu, kif xieraq, it-tneħħija tal-pjanti;

(d)

ikun suġġett għal trattamenti fitosanitarji xierqa biex jinżamm ħieles mill-vetturi tal-organiżmu speċifikat; dawk it-trattamenti jistgħu jinkludu, kif xieraq, it-tneħħija tal-pjanti;

(e)

ikun suġġett, kull sena, flimkien maż-żona msemmija fil-punt (c), għal mill-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali mwettqa fi żmienijiet xierqa;

(f)

matul iż-żmien kollu tal-produzzjoni tal-pjanti speċifikati, ma jkunu nstabu fis-sit la sintomi tal-organiżmu speċifikat u lanqas tal-vetturi tiegħu jew, jekk ikunu ġew osservati sintomi suspetti, l-ittestjar ikun twettaq u jkun ġie kkonfermat in-nuqqas tal-organiżmu speċifikat;

(g)

matul iż-żmien tal-produzzjoni tal-pjanti speċifikati, ma jkunux instabu fiż-żona msemmija fil-punt (c) sintomi tal-organiżmu speċifikat jew, jekk ikunu ġew osservati sintomi suspetti, l-ittestjar ikun twettaq u jkun ġie kkonfermat in-nuqqas tal-organiżmu speċifikat;

Artikolu 18

Kontrolli uffiċjali waqt l-introduzzjoni fl-Unjoni

1.   Il-kunsinni kollha ta' pjanti speċifikati introdotti fl-Unjoni minn pajjiż terz għandhom jiġu ċċekkjati uffiċjalment fil-punt tad-dħul fl-Unjoni jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 1 tad- Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE (11), u, kif applikabbli, skont il-paragrafi 2 jew 3, u l-paragrafu 4.

2.   Fil-każ ta' pjanti speċifikati li joriġinaw f'pajjiż terz fejn l-organiżmu speċifikat ma jkunx preżenti, il-korp uffiċjali responsabbli għandu jwettaq il-kontrolli li ġejjin:

(a)

spezzjoni viżiva, u

(b)

fil-każ ta' suspett ta' preżenza tal-organiżmu speċifikat, it-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar tal-lott ta' pjanti speċifikati sabiex jiġi kkonfermat in-nuqqas tal-organiżmu speċifikat jew is-sintomi tiegħu.

3.   Fil-każ ta' pjanti speċifikati li joriġinaw f'pajjiż terz fejn l-organiżmu speċifikat ma jkunx preżenti, il-korp uffiċjali responsabbli għandu jwettaq il-kontrolli li ġejjin:

(a)

spezzjoni viżiva, u

(b)

it-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar tal-lott ta' pjanti speċifikati sabiex jiġi kkonfermat in-nuqqas tal-organiżmu speċifikat jew is-sintomi tiegħu.

4.   Il-kampjuni msemmija fil-paragrafi 2(b) u 3(b) għandhom ikunu ta' daqs li jippermetti li jiġi identifikat b'affidabbiltà ta' 99 % livell ta' pjanti infettati ta' 1 % jew ogħla, b'kunsiderazzjoni tal-ISPM No. 31.

Artikolu 19

Konformità

L-Istati Membri għandhom jirrevokaw jew jemendaw il-miżuri li jkunu adottaw sabiex jipproteġu lilhom infushom kontra l-introduzzjoni u t-tixrid tal-organiżmu speċifikat sabiex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni. Huma jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dawk il-miżuri minnufih.

Artikolu 20

Tħassir

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/497/UE titħassar.

Artikolu 21

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/87/UE tat-13 ta' Frar 2014 fir-rigward ta' miżuri għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-Xylella fastidiosa (Well u Raju) fl-Unjoni (ĠU L 45, 15.2.2014, p. 29).

(3)  EFSA PLH Panel (EFSA Panel on Plant Health), 2015. Scientific Opinion on the risks to plant health posed by Xylella fastidiosa in the EU territory, with the identification and evaluation of risk reduction options. EFSA Journal 2015;13(1):3989, 262 pp..

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/497/UE tat- 23 ta' Lulju 2014 fir-rigward ta' miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Xylella fastidiosa (Well u Raju) fl-Unjoni (ĠU L 219, 25.7.2014, p. 56).

(5)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/917/UE tal-15 ta' Diċembru 2014 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward tan-notifika tal-preżenza ta' organiżmi ta' ħsara u ta' miżuri li ttieħdu jew huma maħsuba li jittieħdu mill-Istati Membri (ĠU L 360, 17.12.2014, p. 59).

(6)  Methodologies for sampling of consignments — Reference Standard ISPM No 31 by the Secretariat of the International Plant Protection Convention, Rome. Ippubblikat fl-2008.

(7)  Guidelines for pest eradication programmes — Reference Standard ISPM No 9 by the Secretariat of the International Plant Protection Convention, Rome. Ippubblikat fil-15 ta' Diċembru 2011.

(8)  The use of integrated measures in a systems approach for pest risk management — Reference Standard ISPM No 14 by the Secretariat of the International Plant Protection Convention, Rome. Ippubblikat fit-8 ta' Jannar 2014.

(9)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/90/KEE tat-3 ta' Novembru 1992 li twaqqaf l-obbligi li għalihom produtturi u importaturi ta' pjanti, prodotti ta' pjanti u oġġetti oħra huma soġġetti u li twaqqaf dettalji għar-reġistrazzjoni tagħhom (ĠU L 344, 26.11.1992, p. 38).

(10)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE tat-3 ta' Diċembru 1992 li tistabbilixxi grad ta' standardizzazzjoni għal passaporti ta' pjanti biex jintużaw għaċ-ċaqliq ta' ċerti pjanti, prodotti ta' pjanti jew oġġetti oħra ġewwa l-Komunità, u li tistabbilixxi l-proċeduri dettaljati dwar il-ħruġ ta' passaporti simili u l-kundizzjonijiet u l-proċeduri dettaljati għall-bdil tagħhom (ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22).

(11)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE tas-7 ta' Ottubru 2004 dwar il-kontrolli tal-identità u s-saħħa tal-pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra, elenkati f'Parti B tal-Anness V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE, li jistgħu jiġu esegwiti f'post ieħor li mhuwiex il-punt tad-dħul fil-Komunità jew f'post ieħor fil-qrib u tispeċifika l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw dawn il-kontrolli (ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16).


ANNESS I

Lista ta' pjanti magħrufa li huma suxxettibbli għall-iżolati Ewropej u mhux Ewropej tal-orġaniżmu speċifikat (“pjanti speċifikati”)

 

Acacia longifolia (Andrews) Willd.

 

Acacia saligna (Labill.) H. L. Wendl.

 

Acer

 

Aesculus

 

Agrostis gigantea Roth

 

Albizia julibrissin Durazz.

 

Alnus rhombifolia Nutt.

 

Alternanthera tenella Colla

 

Amaranthus blitoides S. Watson

 

Ambrosia acanthicarpa Hook.

 

Ambrosia artemisiifolia L.

 

Ambrosia trifida L.

 

Ampelopsis arborea (L.) Koehne

 

Ampelopsis cordata Michx.

 

Artemisia douglasiana Hook.

 

Artemisia vulgaris var. heterophylla (H.M. Hall & Clements) Jepson

 

Avena fatua L.

 

Baccharis halimifolia L.

 

Baccharis pilularis DC.

 

Baccharis salicifolia (Ruiz & Pav.)

 

Bidens pilosa L.

 

Brachiaria decumbens (Stapf)

 

Brachiaria plantaginea (Link) Hitchc.

 

Brassica

 

Bromus diandrus Roth

 

Callicarpa americana L.

 

Capsella bursa-pastoris (L.) Medik.

 

Carex

 

Carya illinoinensis (Wangenh.) K. Koch

 

Cassia tora (L.) Roxb.

 

Catharanthus

 

Celastrus orbiculata Thunb.

 

Celtis occidentalis L.

 

Cenchrus echinatus L.

 

Cercis canadensis L.

 

Cercis occidentalis Torr.

 

Chamaecrista fasciculata (Michx.) Greene

 

Chenopodium quinoa Willd.

 

Chionanthus

 

Chitalpa tashkinensis T. S. Elias & Wisura

 

Citrus

 

Coelorachis cylindrica (Michx.) Nash

 

Coffea

 

Commelina benghalensis L.

 

Conium maculatum L.

 

Convolvulus arvensis L.

 

Conyza canadensis (L.) Cronquist

 

Cornus florida L.

 

Coronopus didymus (L.) Sm.

 

Cynodon dactylon (L.) Pers.

 

Cyperus eragrostis Lam.

 

Cyperus esculentus L.

 

Cytisus scoparius (L.) Link

 

Datura wrightii Regel

 

Digitaria horizontalis Willd.

 

Digitaria insularis (L.) Ekman

 

Digitaria sanguinalis (L.) Scop.

 

Disphania ambrosioides (L.) Mosyakin & Clemants

 

Duranta erecta L.

 

Echinochloa crus-galli (L.) P. Beauv.

 

Encelia farinosa A. Gray ex Torr.

 

Eriochloa contracta Hitchc.

 

Erodium

 

Escallonia montevidensis Link & Otto

 

Eucalyptus camaldulensis Dehnh.

 

Eucalyptus globulus Labill.

 

Eugenia myrtifolia Sims

 

Euphorbia hirta L.

 

Fagus crenata Blume

 

Ficus carica L.

 

Fragaria vesca L.

 

Fraxinus americana L.

 

Fraxinus dipetala Hook. & Arn.

 

Fraxinus latifolia Benth.

 

Fraxinus pennsylvanica Marshall

 

Fuchsia magellanica Lam.

 

Genista monspessulana (L.) L. A. S. Johnson

 

Geranium dissectum L.

 

Ginkgo biloba L.

 

Gleditsia triacanthos L.

 

Hedera helix L.

 

Helianthus annuus L.

 

Hemerocallis

 

Heteromeles arbutifolia (Lindl.) M. Roem.

 

Hibiscus schizopetalus (Masters) J.D. Hooker

 

Hibiscus syriacus L.

 

Hordeum murinum L.

 

Hydrangea paniculata Siebold

 

Ilex vomitoria Sol. ex Aiton

 

Ipomoea purpurea (L.) Roth

 

Iva annua L.

 

Jacaranda mimosifolia D. Don

 

Juglans

 

Juniperus ashei J. Buchholz

 

Koelreuteria bipinnata Franch.

 

Lactuca serriola L.

 

Lagerstroemia indica L.

 

Lavandula dentata L.

 

Ligustrum lucidum L.

 

Lippia nodiflora (L.) Greene

 

Liquidambar styraciflua L.

 

Liriodendron tulipifera L.

 

Lolium perenne L.

 

Lonicera japonica (L.) Thunb.

 

Ludwigia grandiflora (Michx.) Greuter & Burdet

 

Lupinus aridorum McFarlin ex Beckner

 

Lupinus villosus Willd.

 

Magnolia grandiflora L.

 

Malva

 

Marrubium vulgare L.

 

Medicago polymorpha L.

 

Medicago sativa L.

 

Melilotus

 

Melissa officinalis L.

 

Metrosideros

 

Modiola caroliniana (L.) G. Don

 

Montia linearis (Hook.) Greene

 

Morus

 

Myrtus communis L.

 

Nandina domestica Murray

 

Neptunia lutea (Leavenw.) Benth.

 

Nerium oleander L.

 

Nicotiana glauca Graham

 

Olea europaea L.

 

Origanum majorana L.

 

Paspalum dilatatum Poir.

 

Persea americana Mill.

 

Phoenix reclinata Jacq.

 

Phoenix roebelenii O'Brien

 

Pinus taeda L.

 

Pistacia vera L.

 

Plantago lanceolata L.

 

Platanus

 

Pluchea odorata (L.) Cass.

 

Poa annua L.

 

Polygala myrtifolia L.

 

Polygonum arenastrum Boreau

 

Polygonum lapathifolium (L.) Delarbre

 

Polygonum persicaria Gray

 

Populus fremontii S. Watson

 

Portulaca

 

Prunus

 

Pyrus pyrifolia (Burm. f.) Nakai

 

Quercus

 

Ranunculus repens L.

 

Ratibida columnifera (Nutt.) Wooton & Standl.

 

Rhamnus alaternus L.

 

Rhus diversiloba Torr. & A. Gray

 

Rosa californica Cham. & Schldl.

 

Rosmarinus officinalis L.

 

Rubus

 

Rumex crispus L.

 

Salix

 

Salsola tragus L.

 

Salvia mellifera Greene

 

Sambucus

 

Sapindus saponaria L.

 

Schinus molle L.

 

Senecio vulgaris L.

 

Setaria magna Griseb.

 

Silybum marianum (L.) Gaertn.

 

Simmondsia chinensis (Link) C. K. Schneid.

 

Sisymbrium irio L.

 

Solanum americanum Mill.

 

Solanum elaeagnifolium Cav.

 

Solidago virgaurea L.

 

Sonchus

 

Sorghum

 

Spartium junceum L.

 

Spermacoce latifolia Aubl.

 

Stellaria media (L.) Vill.

 

Tillandsia usneoides (L.) L.

 

Toxicodendron diversilobum (Torr. & A. Gray) Greene

 

Trifolium repens L.

 

Ulmus americana L.

 

Ulmus crassifolia Nutt.

 

Umbellularia californica (Hook. & Arn.) Nutt.

 

Urtica dioica L.

 

Urtica urens L.

 

Vaccinium

 

Verbena litoralis Kunth

 

Veronica

 

Vicia faba L.

 

Vinca

 

Vitis

 

Westringia fruticosa (Willd.) Druce

 

Xanthium spinosum L.

 

Xanthium strumarium L.


ANNESS II

Lista ta' pjanti magħrufa li huma suxxettibbli għall-iżolati Ewropej tal-orġaniżmu speċifikat (“pjanti ospitanti”)

 

Acacia saligna (Labill.) Wendl.

 

Catharanthus

 

Myrtus communis L.

 

Nerium oleander L.

 

Olea europaea L.

 

Polygala myrtifolia L.

 

Prunus avium (L.) L.

 

Prunus dulcis (Mill.) D.A. Webb

 

Rhamnus alaternus L.

 

Rosmarinus officinalis L.

 

Spartium junceum L.

 

Vinca

 

Westringia fruticosa (Willd.) Druce


Top