EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0740

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/740 tas-7 ta' Mejju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/449/PESK

ĠU L 117, 8.5.2015, p. 52–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 19/06/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/740/oj

8.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 117/52


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/740

tas-7 ta' Mejju 2015

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/449/PESK

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-10 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/449/PESK (1) fid-dawl tat-tħassib serju li għad għandu dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel.

(2)

Fit-3 ta' Marzu 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni (UNSCR) 2206 (2015), fid-dawl tal-fatt li hu allarmat u mħasseb serjament dwar il-konflitt bejn il-Gvern tar-Repubblika tas-Sudan t'Isfel u l-forzi tal-oppożizzjoni sa minn Diċembru 2013, it-tħassib tiegħu dwar it-tbatija umana kbira li tirriżulta u l-kundanna qawwija tiegħu tal-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem tal-passat u dawk li għaddejjin u l-ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali, kif ukoll dwar l-ispostament fuq skala kbira ta' persuni u l-kriżi umanitarja dejjem tiżdied. Il-Kunsill tas-Sigurtà enfasizza r-responsabbiltà tal-partijiet kollha fil-konflitt għat-tbatija tal-poplu tas-Sudan t'Isfel. Huwa stabbilixxa wkoll li s-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel tirrapreżenta theddida għall-paċi internazzjonali u għas-sigurtà fir-reġjun.

(3)

Il-paragrafi 9 u 12 tal-UNSCR 2206 (2015) jipprevedu miżuri restrittivi fil-forma ta' restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi li jistgħu jiġu applikati fir-rigward ta' persuni u entitajiet indikati mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbiliti skont il-paragrafu 16 tal-UNSCR 2206 (2015) (“il-Kumitat”). Il-paragrafi 6, 7 u 8 tal-UNSCR 2206 (2015) jipprevedu wkoll kriterji biex persuni u entitajiet jiġu indikati li huma soġġetti għall-miżuri restrittivi stipulati fil-paragrafi 9 u 12 ta' dik ir-Riżoluzzjoni.

(4)

Għal raġunijiet ta' ċarezza, il-miżuri restrittivi imposti bid-Deċiżjoni 2014/449/PESK u l-miżuri restrittivi previsti fil-UNSCR 2206 (2015) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom ikunu integrati fi strument legali uniku.

(5)

Id-Deċiżjoni 2014/449/PESK għandha għalhekk titħassar skont dan.

(6)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni biex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-bejgħ, il-fornitura, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armamenti u materjal relatat ta' kull tip, inkluż l-armi u l-munizzjon, il-vetturi u t-tagħmir militari, it-tagħmir paramilitari u l-partijiet ta' rikambju għal dawk imsemmija qabel, lis-Sudan t'Isfel minn ċittadini ta' Stati Membri jew li ġejjin minn territorji ta' Stati Membri, jew l-użu ta' bastimenti jew ajruplani tal-bandiera tagħhom huma pprojbiti kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom jew le.

2.   Huma wkoll ipprojbiti:

(a)

l-għoti, direttament jew indirettament, ta' għajnuna teknika, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra relatati mal-oġġetti msemmijin fil-paragrafu 1 jew relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' tali oġġetti, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi jew għall-użu fis-Sudan t'Isfel;

(b)

l-għoti, direttament jew indirettament, ta' finanzi jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti msemmijin fil-paragrafu 1, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu fuq l-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni jew riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' tali oġġetti, jew għall-għoti ta' għajnuna teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi jew għall-użu fis-Sudan t'Isfel;

(c)

il-parteċipazzjoni, xjentement u intenzjonalment, f'attivitajiet li l-oġġett jew l-effett tagħhom huwa li jiġu evitati l-miżuri msemmijin fil-punt (a) jew (b).

Artikolu 2

1.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika għal:

(a)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir militari mhux letali maħsub unikament għal użu umanitarju, ta' monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem jew għal użu protettiv, jew għal programmi ta' bini ta' istituzzjonijiet imwettqa min-NU, l-Unjoni Afrikana (UA), l-UE jew l-Awtorità Intergovernattiva tal-Iżvilupp (IGAD), jew ta' materjal maħsub għal operazzjonijiet tan-NU, tal-UA u tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet;

(b)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' vetturi mhux tal-kumbattiment li ġew manifatturati jew mgħammra b'materjali li jipprovdu protezzjoni ballistika, maħsuba unikament għal użu protettiv, fis-Sudan t'Isfel, minn persunal tal-EU jew tal-Istati Membri tagħha fis-Sudan t'Isfel jew minn persunal tan-NU, l-UA jew l-IGAD;

(c)

l-għoti ta' għajnuna teknika, servizzi ta' senserija u servizzi oħra relatati mat-tagħmir jew il-programmi u operazzjonijiet imsemmijin fil-punt (a);

(d)

l-għoti ta' finanzi u għajnuna finanzjarja relatati mat-tagħmir jew il-programmi u operazzjonijiet imsemmijin fil-punt (a);

(e)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir għat-tneħħija tal-mini u materjal użat f'operazzjonijiet tat-tneħħija tal-mini;

(f)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir militari mhux letali maħsub unikament għall-appoġġ tal-proċess ta' Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fis-Sudan t'Isfel kif ukoll l-għoti ta' finanzi, għajnuna finanzjarja jew għajnuna teknika relatati ma' tali tagħmir,

bil-kondizzjoni li tali kunsinni jkunu ġew approvati minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru inkwistjoni.

2.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika għall-ilbies protettiv, inklużi ġkieket għall-flak u elmi militari, esportati temporanjament lejn is-Sudan t'Isfel mill-persunal tal-UE jew l-Istati Membri tagħha, mill-persunal tan-NU jew tal-IGAD, minn rappreżentanti tal-mezzi tax-xandir, ħaddiema umanitarji u ħaddiema mpjegati fl-iżvilupp u l-persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kunsinni taħt dan l-Artikolu fuq bażi ta' każijiet individwali, filwaqt li jqisu b'mod sħiħ il-kriterji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2). L-Istati Membri għandhom jeħtieġu salvagwardji xierqa kontra l-użu ħażin tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt dan l-Artikolu u, fejn xieraq, jagħmlu dispożizzjonijiet għal ripatrijazzjoni tat-tagħmir.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, tal-persuni:

(a)

indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat f'konformità mal-paragrafi 6, 7, 8 u 9 tal-UNSCR 2206 (2015), kif elenkati fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni;

(b)

mhux koperti mill-punt (a), li qed ixekklu l-proċess politiku fis-Sudan t'Isfel, inkluż b'atti ta' vjolenza jew ksur ta' ftehimiet ta' waqfien mill-ġlied, kif ukoll persuni responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan t'Isfel, u persuni assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness II.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.

Artikolu 4

1.   Dan l-Artikolu japplika għall-persuni elenkati fl-Anness I.

2.   L-Artikolu 3(1) ma għandux japplika fejn:

(a)

l-ivvjaġġar huwa ġustifikat għal raġunijiet ta' ħtieġa umanitarja, inkluż l-obbligu reliġjuż, kif determinat mill-Kumitat skont il-każ;

(b)

id-dħul jew it-tranżitu huwa meħtieġ biex isir proċess ġudizzjarju;

(c)

l-ivvjaġġar ikompli jiffaċilita l-objettivi ta' paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali fis-Sudan t'Isfel u l-istabbiltà fir-reġjun, kif determinat mill-Kumitat skont il-każ.

Artikolu 5

1.   Dan l-Artikolu japplika għall-persuni elenkati fl-Anness II.

2.   L-Artikolu 3(1) għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut minn obbligu skont id-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a)

bħala pajjiż li jospita organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b)

bħala pajjiż li jospita konferenza internazzjonali msejħa minn, jew taħt il-patroċinju ta', in-NU;

(c)

skont ftehim multilaterali li jagħti privileġġi u immunitajiet; jew

(d)

skont it-Trattat ta' Konċiljazzjoni (il-Patt Lateran) tal-1929 konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

3.   Il-paragrafu 2 għandu jiġi kkunsidrat li japplika wkoll f'każijiet fejn Stat Membru jkun il-pajjiż li jospita l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

4.   Il-Kunsill għandu jiġi infurmat kif meħtieġ fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafu 2 jew 3.

5.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt l-Artikolu 3(1) meta l-ivvjaġġar ikun ġustifikat għal raġunijiet bżonn umanitarju urġenti, jew għal raġunijiet ta' attendenza għal laqgħat intergovernattivi u laqgħat promossi jew ospitati mill-UE jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza attwali tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi b'mod dirett l-objettivi ta' politika tal-miżuri restrittivi, inklużi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fis-Sudan t'Isfel.

6.   Stat Membru li jixtieq jagħti eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies li ngħatat ħlief jekk membru wieħed jew aktar tal-Kunsill joġġezzjonaw bil-miktub fi żmien jumejn ta' xogħol minn meta tasal in-notifika dwar l-eżenzjoni proposta. Fil-każ li membru wieħed jew aktar tal-Kunsill joġġezzjonaw, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

7.   Fil-każijiet fejn, skont il-paragrafi 2, 3, 5 u 6, Stat Membru jawtorizza d-dħul fi, jew it-tranżitu minn, it-territorju tiegħu tal-persuni elenkati fl-Anness II, l-awtorizzazzjoni għandha tkun strettament limitata għall-iskop li għalih ingħatat u għall-persuni direttament ikkonċernati minn dan.

Artikolu 6

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li direttament jew indirettament jappartjenu lil, huma proprjetà ta', miżmumin jew ikkontrollati minn, direttament jew indirettament,:

(a)

il-persuni jew entitajiet indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat f'konformità mal-paragrafi 6, 7, 8 u 12 tal-UNSCR 2206 (2015), kif elenkati fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni;

(b)

persuni li qed ixekklu l-proċess politiku fis-Sudan t'Isfel, inkluż b'atti ta' vjolenza jew ksur ta' ftehimiet ta' waqfien mill-ġlied, kif ukoll persuni responsabbli għal ksur serju ta' drittijiet tal-bniedem fis-Sudan t'Isfel, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness II,

għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew II.

Artikolu 7

1.   Dan l-Artikolu japplika għall-persuni u entitajiet elenkati fl-Anness I.

2.   L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tawtorizza r-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, taħt il-kondizzjonijiet li hi tqis xierqa, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:

(a)

neċessarji għall-ispejjeż bażiċi, inkluż ħlas għal prodotti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, primjums ta' assigurazzjoni u ħlasijiet tal-użu ta' servizzi pubbliċi;

(b)

esklużivament għall-ħlas ta' tariffi professjonali raġonevoli u r-rimborż tal-ispejjeż sostnuti għall-prestazzjoni ta' servizzi legali;

(c)

tariffi jew imposti ta' servizzi ta' kustodja jew ta' ġestjoni normali ta' fondi ffriżati u riżorsi ekonomiċi.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kumitat bil-quddiem bl-intenzjoni li jawtorizza, fejn adatt, ir-rilaxx ta' ċerti fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi. Jistgħu jingħataw awtorizzazzjonijiet fl-assenza ta' deċiżjoni negattiva mill-Kumitat fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn tali notifika.

3.   L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tawtorizza r-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, taħt il-kondizzjonijiet li hi tqis xierqa, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma meħtieġa għal spejjeż straordinarji, sakemm tali determinazzjoni tkun ġiet notifikata mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat u tkun ġiet approvata mill-Kumitat.

4.   B'deroga mill-Artikolu 6(1), l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu wkoll jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi, dment li l-Istat Membru kkonċernat ikun iddeterminat li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi huma soġġetti ta' privileġġ jew sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali u li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jiġi ssodisfat dak il-privileġġ jew dik is-sentenza, sakemm il-privileġġ ikun ġie konkluż jew sentenza tkun ingħatat qabel id-data tal-adozzjoni UNSCR 2206 (2015), jiġifieri t-3 ta' Marzu 2015, ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I jew II, u tkun ġiet innotifikata mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat.

5.   L-Artikolu 6(1) ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fl-Artikolu 6,

dment li kwalunkwe tali imgħax, qligħ u pagamenti oħrajn jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fl-Artikolu 6(1).

6.   L-Artikolu 6 m'għandux jipprevjeni lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp milli tagħmel pagament dovut taħt kuntratt li daħal fis-seħħ qabel id-data li fiha tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ġie elenkat fl-Anness I, dment li l-Istat Membru konċernat jkun iddetermina li l-pagament ma jiġix riċevut, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I jew II u wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat dwar l-intenzjoni li jagħmel jew jirċievi tali ħlasijiet jew biex jawtorizza, fejn xieraq, ir-rilaxx tal-fondi, assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi għal dan il-fini, għaxart ijiem ta' xogħol qabel tali awtorizzazzjoni.

Artikolu 8

1.   Dan l-Artikolu japplika għall-persuni u entitajiet elenkati fl-Anness II.

2.   L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tawtorizza r-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, taħt il-kondizzjonijiet li hi tqis xierqa, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:

(a)

meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness II u l-membri tal-familja dipendenti minnhom, inklużi pagamenti għal ikel, kera jew garanziji ipotekarji, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta' servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi professjonali raġonevoli u għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali;

(c)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti ta' servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

(d)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, għall-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.

3.   B'deroga mill-Artikolu 6(1), l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, bil-kondizzjoni li jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta' sentenza arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 6(1) ikunu ġew elenkati fl-Anness II, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja li tkun eżegwibbli fl-Istat Membru konċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklużivament biex jiġu sodisfatti pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I jew II; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.

4.   L-Artikolu 6(1) ma għandux iżomm lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat milli jagħmel pagament dovut taħt kuntratt li daħal għalih qabel id-data li fiha din il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikun ġie elenkat fl-Anness II, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina li l-pagament ma jiġix riċevut, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I jew II.

5.   L-Artikolu 6(2) ma għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-Artikolu 6; jew

(c)

pagamenti dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat,

dment li kwalunkwe tali imgħax, qligħ u pagamenti oħrajn jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fl-Artikolu 6(1).

Artikolu 9

1.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat jelenka persuna jew entità, il-Kunsill għandu jinkludi tali persuna jew entità fl-Anness I.

2.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jiddeċiedi li jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness II.

3.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjonijiet tiegħu msemmijin fil-paragrafi 1 u 2, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, li tipprovdi lil tali persuna, entità jew korp b'opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

4.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjonijiet tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernati kif meħtieġ.

Artikolu 10

1.   L-Annessi I u II għandhom jinkludu r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista tal-persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikoli 3(1) u 6(1), kif previst mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat fir-rigward tal-Anness I, u l-Kunsill fir-rigward tal-Anness II.

2.   L-Annessi I u II għandhom jinkludu wkoll, fejn disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni u entitajiet ikkonċernati, kif previst mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat fir-rigward tal-Anness I, u l-Kunsill fir-rigward tal-Anness II. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post ta' twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju. L-Annessi I u II għandhom jinkludu wkoll id-data tal-inklużjoni fil-lista.

Artikolu 11

Sabiex l-impatt tal-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni jkun kemm jista' jkun qawwi, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 12

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kontinwa. Hija għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-għanijiet tagħha ma ntlaħqux u fid-dawl tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà.

2.   Il-miżuri msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1) u l-punt (b) tal-Artikolu 6(1) għandhom jiġu riveduti f'intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar. Huma ma għandhomx ikomplu japplikaw fir-rigward tal-persuni u l-entitajiet konċernati jekk il-Kunsill jiddetermina, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 9, li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom m'għadhomx jintlaħqu aktar.

Artikolu 13

Id-Deċiżjoni 2014/449/PESK qiegħda b'dan titħassar.

Artikolu 14

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ f-data wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Mejju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

E. RINKĒVIČS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/449/PESK tal-10 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel (ĠU L 203, 11.7.2014, p. 100).

(2)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).


ANNESS I

Lista tal-persuni u entitajiet imsemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 6(1)

 


ANNESS II

Lista tal-persuni u entitajiet imsemmijin fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1) u l-punt (b) tal-Artikolu 6(1)

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

1.

Santino DENG

(magħruf ukoll bħala: Santino Deng Wol)

Kmandant tat-tielet Diviżjoni tal-Fanterija tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLA)

Santino Deng huwa kmandant tat-tielet Diviżjoni tal-Fanterija tal-SPLA li ħa sehem fl-akkwist mill-ġdid ta' Bentiu f'Mejju 2014. Santino Deng huwa għalhekk responsabbli għal ksur tal-Ftehim ta' Waqfien mill-Ġlied tat-23 ta' Jannar.

11.7.2014

2.

Peter GADET

(magħruf ukoll bħala: Peter Gatdet Yaka; Peter Cadet; Peter Gadet Yak; Peter Gadet Yaak: Peter Gatdet Yaak; Peter Gatdet; Peter Gatdeet Yaka)

Mexxej tal-milizzja Nuer, li hija kontra l-gvern. Post tat-twelid: Mayom County Unity State

Peter Gadet huwa l-mexxej tal-milizzja Nuer kontra l-gvern li wettqet attakk fuq Bentiu fil-15 - 17 ta' April 2014, bi ksur tal-Ftehim ta' Waqfien mill-Ġlied tat-23 ta' Jannar. L-attakk wassal għall-qtil ta' aktar minn 200 membru tal-popolazzjoni ċivili. Peter Gadet hu għalhekk responsabbli għall-instigar ta' ċiklu ta' vjolenza, b'hekk ostakola l-proċess politiku fis-Sudan t'Isfel, u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

11.7.2014


Top