Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0703

    2013/703/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

    ĠU L 322, 3.12.2013, p. 31–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/703/oj

    3.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 322/31


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tad-19 ta’ Novembru 2013

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

    (2013/703/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lill-Portugall, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, fis-17 ta’ Mejju 2011, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE (2). bħala appoġġ għal programm ekonomiku u finanzjarju b’saħħtu (“il-Programm”) li għandu l-għan li jirrestawra l-kunfidenza, jippermetti li l-ekonomija terġa’ tibda tikber b’mod sostenibbli, u jħares l-istabbiltà finanzjarja fil-Portugall, fiż-żona tal-euro u fl-UE.

    (2)

    F’konformità mal-Artikolu 3(10) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u f’kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), bejn is-16 ta’ Settembru u t-3 ta’ Ottubru 2013, wettqet it-tmien u d-disa’ analiżijiet kombinati tal-progress tal-awtoritajiet Portugiżi fl-implimentazzjoni tal-miżuri mifthiema taħt il-Programm.

    (3)

    It-tkabbir reali tal-prodott domestiku gross (PDG) kull trimestru reġa’ kien qed juri valuri pożittivi fit-tieni kwart ta’ din is-sena u indikaturi ta’ terminu qasir juru wkoll tnaqqis b’mod progressiv tar-reċessjoni. Il-PGD reali huwa mistenni li jonqos bi 1,8 % din is-sena u li jikber bi 0,8 % u 1,5 % fl-2014 u fl-2015 rispettivament. It-tensjonijiet fis-suq tax-xogħol huma mistennija li jonqsu xi ftit. Madankollu, ir-rata tal-qgħad hija mistennija li tilħaq il-quċċata ta’ 17,7 % is-sena d-dieħla qabel tibda tonqos progressivament. L-inċertezzi fir-rigward tal-perspettiva makroekonomika huma għoljin minħabba li s-sostenibbiltà tal-irkupru projettat fl-2014 u l-2015 hija kontinġenti fuq l-iżviluppi pożittivi tal-kummerċ u s-suq finanzjarju, li għadhom fraġli.

    (4)

    Sa Awwissu 2013 id-defiċit fi flus tal-Gvern irreġistra żieda ta’ 0,6 punti perċentwali tal-PDG (nett ta’ fatturi straordinarji) meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena preċedenti. Il-prestazzjoni tad-dħul mit-taxxa solida u l-eżekuzzjoni stretta tal-maġġoranza tal-punti tan-nefqa qed jappoġġaw l-eżekuzzjoni baġitarja. Madankollu, ġew identifikati xi devjazzjonijiet fir-rigward tal-prospetti fiskali tas-seba’ analiżi tal-prograss tal-awtoritajiet Portugiżi fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma taħt il-Programm (“is-seba” reviżjoni). Dawn id-devjazzjonijiet jinkludu nuqqasijiet relatati mal-ipprogrammar mill-ġdid tal-fondi tal-UE u l-posponiment tal-bejgħ ta’ konċessjoni portwarja (ta’ darba) u fatturi oħra bħalma huma l-kontribuzzjoni ogħla milli mistennija għall-baġit tal-Unjoni, il-prestazzjoni baxxa ta’ xi dħul mhux mit-taxxi, it-trasferiment lill-Greċja ta’ dividendi mill-bonds Griegi fil-portafoll ta’ investiment tal-Banco de Portugal, il-kontribuzzjonijiet soċjali aktar baxxi milli previsti lill-iskema tal-pensjoni tal-impjegati pubbliċi u nfiq żejjed fl-ispiża tal-pagi u l-konsum intermedju. Wara l-użu tal-allokazzjonijiet baġitarji proviżorji (0,3 % tal-PDG), l-effett nett tad-devjazzjonijiet hu stmat li jżid id-defiċit tal-2013 bi 0,5 % tal-PDG. Barra minn hekk, injezzjoni ta’ kapital fil-BANIF - Banco Internacional do Funchal, SA li tammonta għal 0,4 % tal-PDG żdied ukoll id-diskrepanza fil-baġit għalkemm din l-operazzjoni m’għandiex titqies għall-iskopijiet tal-Programm.

    (5)

    Il-Gvern qed jieħu miżuri korrettivi sabiex jiġi żgurat li tintlaħaq l-mira tad-defiċit tal-programm ta’ 5,5 % tal-PDG, partikolarment permezz tat-tnaqqis tal-fondi disponibbli għall-investiment u kontroll aktar strett fuq il-konsum intermedju tal-ministeri kompetenti (0,1 % tal-PGD). Barra minn hekk, il-Gvern ħabbar skema ta’ darba għall-irkupru tad-dejn mill-kontribuzzjonijiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, li hija mistennija li tirkupra d-dħul ta’ madwar 0,4 % tal-PDG u hija akkumpanjata minn aktar sanzjonijiet għar-reati kriminali tat-taxxa.

    (6)

    Il-projezzjonijiet fiskali aġġornati juru li l-isforz fiskali għall-2013, ikkalkulat permezz tat-titjib fil-bilanċ strutturali, se jkun ta’ 0,5 % tal-PDG, kemxejn taħt iż-0,6 % tal-PDG previst fis-seba’ Analiżi. Il-prestazzjoni baxxa projettata hija prinċipalment spjegata mid-dewmien fl-implimentazzjoni tal-pakkett ta’ konsolidazzjoni ppjanata fil-bidu u s-sostituzzjoni parzjali tiegħu b’miżuri ta’ darba biss filwaqt li pressjoni mhux mistennija kienet ta’ piż fuq ir-riżervi tal-baġit. Id-dewmien fl-implimentazzjoni seħħ minħabba diversi limitazzjonijiet, inkluża l-kriżi politika f’Lulju u l-bidla sussegwenti fil-Gvern; l-isfida li ġġib magħha r-reazzjoni għas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tad-29 ta’ Awwissu li tqies li xi dispożizzjonijiet tal-abbozz tal-liġi għal sistema ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid mhumiex kostituzzjonali u d-diffikultajiet tekniċi fl-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri, partikolarment il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mfassla mill-ġdid mill-benefiċċji tal-qgħad u tal-mard ‘il fuq minn livell minimu, wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-5 ta’ April.

    (7)

    Il-Gvern afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jilħaq il-mira ta’ defiċit ta’ 4 % tal-PDG fl-2014. F’dan ir-rigward, il-Gvern adotta miżuri ta’ konsolidazzjoni li jammontaw għal madwar 2,3 % tal-PDG li jkopru wkoll parti mill-infiq żejjed fl-2013 li se jiġi trasferit fl-2014. Il-miżuri ta’ konsolidazzjoni huma fil-parti l-kbira inklużi fl-abbozz tal-Liġi Baġitarja, filwaqt li xi miżuri huma implimentati permezz ta’ leġiżlazzjoni speċifika. Il-miżuri huma primarjament ta’ natura permanenti u jistrieħu fil-biċċa l-kbira fuq l-iffrankar fl-infiq. B’mod ġenerali, il-valur kumulattiv tal-pakkett ta’ konsolidazzjoni meħtieġ biex jintlaħaq l-aġġustament fiskali mbassar ma nbidilx fir-rigward tas-seba’ analiżi – għal madwar EUR 4,7 biljun ta’ miżuri għall-iffrankar permanenti matul l-2013-2014, jew 2,8 % tal-PDG. Madankollu, parti tal-isforz għall-konsolidazzjoni issa huwa pospost għall-2014 minħabba l-imsemmi dewmien fl-implimentazzjoni fl-2013.

    (8)

    Il-biċċa l-kbira tal-konsolidazzjoni fl-2014, madwar 1,8 % tal-PDG għandu jittieħed mill-analiżi tal-infiq pubbliku, li twettqet matul is-sena li għaddiet bl-għan li jiżdiedu l-ekwità u l-effiċjenza fil-provvista ta’ trasferimenti soċjali u servizzi pubbliċi. Il-miżuri tal-analiżi tal-infiq pubbliku prinċipali se jkunu fuq tliet assi prinċipali: (1) limitazzjoni tan-nefqa minħabba l-ispejjeż tal-pagi tas-settur pubbliku, billi titnaqqas il-forza tax-xogħol tas-settur pubbliku filwaqt li l-kompożizzjoni tagħha ixxaqleb lejn impjegati b’ħiliet ogħla, l-allinjament tar-regoli dwar ix-xogħol tas-settur pubbliku ma’ dawk tas-settur privat u billi l-politika ta’ rimunerazzjoni ssir aktar trasparenti u msejsa fuq il-mertu; (2) riforma tal-pensjoni u (3) tnaqqis fin-nefqa settorjali fil-Ministeri kompetenti u l-programmi

    (9)

    Biex jiġi kkumpensat it-trasferiment negattiv mill-eżekuzzjoni baġitarja tal-2013 u jinkisbu l-4 % tal-mira tad-defiċit tal-PDG, il-pakkett tal-analiżi tal-infiq pubbliku għandu jkun komplementat minn miżuri permanenti oħra li għandhom l-għan li jkomplu t-titjib tal-effiċjenza u l-ekwità tal-istruttura attwali tat-taxxa u l-benefiċċji (b’valur ta’ 0,4 % tal-PDG). Barra minn hekk, għadd ta’ miżuri ta’ darba ta’ valur ta’ 0,2 % tal-PDG se jiġu implimentati, aktar milli jiġu bbilanċjati l-ispejjeż li jirriżultaw mill-pagamenti bil-quddiem ta’ darba marbuti mal-introduzzjoni ta’ skema ta’ sensji bi ftehim reċiproku fis-settur pubbliku.

    (10)

    Il-proporzjon bejn id-dejn u l-PDG huwa mistenni li jilħaq quċċata ta’ 127,8 % fl-2013 u minn hemm ‘il quddiem jonqos. Ir-reviżjoni ‘l fuq fir-rigward tas-seba’analiżi hija spjegata permezz tal-korrezzjoni tad-dejta dwar id-dejn tal-2012, li issa hija kemxejn ogħla, u n-nuqqas tat-twettiq ta’ xi operazzjonijiet li jnaqqsu d-dejn fuq perjodu ta’ żmien qasir. B’mod partikolari, il-Fond ta’ Stabbilizzazzjoni tas-Sigurtà Soċjali issa huwa mistenni li jżid il-pussessi tiegħu ta’ bonds tal-Gvern Portugiż b’mod aktar gradwali u l-pagamenti tal-Gvern Ġenerali lil Parpublica ser ikunu ogħla milli previst preċedentment sakemm tidħol fis-seħħ l-ESA 2010 il-ġdida u jiġi definit l-istatus tal-kumpanija. Barra minn hekk, il-bilanċ tal-flus tat-Teżor fl-aħħar tas-sena huwa stmat li jkun ogħla milli kien mistenni qabel (b’madwar EUR 4 biljuni).

    (11)

    Il-proċess ta’ aġġustament baġitarju huwa appoġġjat minn sensiela ta’ miżuri strutturali fiskali biex jitjieb il-kontroll fuq in-nefqa tal-Gvern u jitjieb il-ġbir tad-dħul. B’mod partikolari, riforma komprensiva qed iġġib il-qafas baġitarju, inkluż fil-livell tal-gvern ċentrali, reġjonali u lokali, konformi mal-aqwa prattiki fil-ġestjoni finanzjarja pubblika. Is-sistema ġdida ta’ kontroll tal-impenji qed turi riżultati iżda l-implimentazzjoni trid tiġi mmonitorjata mill-qrib biex jiġi żgurat li l-impenji huma koperti minn finanzjament disponibbli. Ir-riformi fl-amministrazzjoni pubblika jkomplu bl-għan li jimmodernizzaw u jirrazzjonalizzaw l-impjieg u l-entitajiet fis-settur pubbliku. Il-progress fl-aġenda tar-riforma tal-amministrazzjoni tad-dħul qed itejjeb il-monitoraġġ u t-tisħiħ tal-konformità tad-dħul. In-negozjar mill-ġdid ta’ sħubiji pubbliċi-privati (PPPs) avvanza mhux ħażin u huwa mbassar iffrankar sinifikanti għall-2013 u wara. L-impriżi tal-Istat (SOEs) laħqu bilanċ operazzjonali fuq medja sa tmiem l-2012 u huma previsti riformi addizzjonali biex jiġi evitat deterjorament mill-ġdid tar-riżultati tagħhom. Ir-riformi fis-settur tal-kura tas-saħħa qed jipproduċu ffrankar sinifikanti u l-implimentazzjoni qed tkompli tkun b’mod ġenerali konformi mal-miri.

    (12)

    Il-proporzjonijiet tal-kapital tal-banek żdiedu sostanzjalment matul is-sena li għaddiet u dan ippermettilhom li jilħqu l-bafers kapitali regolatorji tal-Awtorità Bankarja Ewropea kif ukoll il-mira tal-programm ta’ 10 % tal-kapital ewlieni tal-grad 1. Dan il-bafer tal-kapital jibqa’ xieraq fil-bord meta jintużaw ir-regoli l-ġodda tad-Direttiva dwar ir-Rekwiziti ta’ Kapital IV (Capital Requirements Directive - CRD) għall-evalwazzjoni tal-fondi proprji tal-banek. Dawn ir-regoli ġodda tal-kapital se japplikaw minn Jannar 2014 ‘il quddiem. Il-Banco de Portugal bħalissa qed jiżviluppa approċċ ta’ tranżizzjoni biex jintroduċi s-CRD IV. Il-mira indikattiva ta’ self għal depożitu ta’ 120 % sal-2014 x’aktarx se tintlaħaq u xi banek diġà qiegħdin taħt dan il-limitu. L-isforzi biex jiġu ddiversifikati s-sorsi ta’ finanzjament għas-settur korporattiv qegħdin jissaħħu. Filwaqt li jibnu fuq l-awditu estern riċenti tal-linji ta’ kreditu eżistenti sponsorjati mill-Gvern u fuq sett ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika, l-awtoritajiet ippreżentaw pjan b’miżuri mmirati lejn it-titjib fil-prestazzjoni u l-governanza ta’ dawk l-istrumenti. Is-sett ta’ għodod għall-ġestjoni tal-kriżi qed jiġi ffinalizzat. Il-fond ta’ riżoluzzjoni bankarja qed jaħdem, setgħat ta’ intervent bikrija ġew introdotti u l-liġi dwar ir-rikapitalizzazzjoni qed tiġi emendata sabiex tirrifletti l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (3).

    (13)

    Sar aktar progress fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali għat-tisħiħ tat-tkabbir u l-kompetittività. Tnaqqis ġdid tal-ħlasijiet għat-tmiem tal-impjieg daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru u 2013 ġew stabbiliti żewġ fondi ta’ kumpens bl-iskop ta’ finanzjament parzjali tal-ħlasijiet għat-tmiem tal-impjieg. Ittieħdu passi addizzjonali biex jissaħħu l-politiki attivi fis-suq tax-xogħol. Ġew adottati miżuri addizzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni, fejn il-progress huwa sodisfaċenti b’mod ġenerali.

    (14)

    L-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li timmira biex tnaqqas l-ostakli għad-dħul u tagħti spinta lill-kompetizzjoni u l-attività ekonomika billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għal parteċipanti ġodda fis-suq fir-reġimi ekonomiċi differenti, għaddejja b’ritmu tajjeb u t-traspożizzjoni tagħha daqt titlesta. Il-liġi qafas għat-titjib tal-funzjonament tal-professjonijiet regolati li jinvolvu korp professjonali ġiet adottata u r-reviżjoni tal-istatuti tat-tmintax-il professjoni kkonċernati hija l-pass li jmiss biex titlesta din ir-riforma. Il-liġi qafas sabiex jiġu stabbiliti l-prinċipji ewlenin tal-funzjonament tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali l-aktar importanti, inklużi billi jingħataw indipendenza u awtonomija b’saħħithom diġà daħħlet fis-seħħ u l-liġijiet amministrattivi tar-regolaturi settorjali varji għandhom jiġu adottati dalwaqt. L-implimentazzjoni tal-miżuri għat-tnaqqis tad-dejn tariffarju tal-elettriku ġiet ittardjata, għalkemm il-Gvern dan l-aħħar ippreżenta dazju ġdid li parzjalment tittratta din il-kwistjoni. Xi dispożizzjonijiet legali li għandhom il-mira li jissimplifikaw il-proċeduri għall-liċenzji u piżijiet amministrattivi oħra ġew adottati bħal pereżempju l-proposta tal-liġi bażi l-ġdida tal-ħamrija, l-ippjanar tal-ispazju u l-urbaniżmu.

    (15)

    Aktar progress għadu meħtieġ biex is-settur tat-trasport isir aktar sostenibbli u miftuħ għall-kompetizzjoni. Kien hemm xi titjib fil-pożizzjoni finanzjarja tal-maniġer tal-infrastruttura tal-ferrovija, iżda jeħtieġ sforz sinifikanti addizzjonali biex tilħaq bilanċ operazzjonali sal-2015. Ir-riformi fil-portijiet jeħtieġ li jkunu intensifikati.

    (16)

    Ġew adottati xi miżuri addizzjonali biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-likwidità tas-settur tan-negozju, partikolarment l-Impriżi Żgħar u ta’ daqs Medju (SMEs).

    (17)

    Ir-riformi tas-sistema ġudizzjarja huma qrib it-tlestija tagħhom. Sar aktar progress fit-tnaqqis ta’ kawżi pendenti u riformi importanti bħar-riorganizzazzjoni ġeografika tad-distretti tal-qrati u r-riforma tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tlestew jew se jitlestew fil-futur qrib. Titjib kontinwu tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja, li hija essenzjali għat-tħaddim xieraq u ġust tal-ekonomija, permezz ta’: (i) l-iżgurar tal-infurzar effettiv u fil-ħin tal-kuntratti u tar-regoli tal-kompetizzjoni; (ii) iż-żieda tal-effiċjenza permezz tar-ristrutturar tas-sistemi tal-qrati, u l-adozzjoni ta’ mudelli ta’ ġestjoni ġodda tal-qrati; (iii) it-tnaqqis ulterjuri tad-dewmien tas-sistema tal-kawżi fil-qrati (inklużi l-kawżi tal-qrati tat-taxxa) huwa madankollu meħtieġ,

    (18)

    Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE għandha tiġi emendata,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE, il-paragrafi 7 sa 9 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “7.   Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2013, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

    (a)

    Id-defiċit ġenerali tal-Gvern ma għandux jaqbeż il-5,5 % tal-PDG fl-2013. Għall-kalkolu ta’ dan id-defiċit, ma għandhomx jiġu kkunsidrati l-ispejjeż baġitarji possibbli tal-miżuri ta’ appoġġ tal-banek fil-kuntest tal-istrateġija tas-settur finanzjarju tal-Gvern. Il-miżuri ta’ konsolidazzjoni inklużi fil-baġit tal-2013 u l-baġit supplimentari għandhom jiġu implimentati bir-reqqa matul il-bqija tas-sena. Barra minn hekk, jekk jinqala’ aktar telf fl-eżekuzzjoni baġitarja, il-Gvern għandu jimplimenta miżuri korrettivi addizzjonali;

    (b)

    Il-Portugall għandu jkompli jimplimenta l-programm ta’ privatizzazzjoni tiegħu;

    (c)

    Il-Portugall għandu jlesti l-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-servizzi kondiviżi fl-amministrazzjoni pubblika;

    (d)

    Il-Portugall għandu jkompli r-riorganizzazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tan-netwerk tal-isptarijiet permezz tal-ispeċjalizzazzjoni, il-konċentrazzjoni u t-tnaqqis ta’ servizzi tal-isptar, il-ġestjoni konġunta u t-tħaddim konġunt tal-isptarijiet. Il-Portugall għandu jiżgura l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni fuq għadd ta’ snin għar-riorganizzazzjoni tal-isptarijiet;

    (e)

    Wara l-adozzjoni tal-emendi għal-Liġi Nru 6/2006 dwar kirjiet urbani ġodda u d-digriet leġiżlattiv li jissimplifika l-proċedura amministrattiva għar-rinnovazzjoni, il-Portugall għandu jwettaq analiżi komprensiva tal-funzjonament tas-suq tad-djar;

    (f)

    Il-Portugall għandu jiżviluppa sistema mifruxa mal-pajjiż kollu ta’ reġistrazzjoni tal-artijiet li tippermetti distribuzzjoni aktar ekwa tal-benefiċċji u l-ispejjeż fl-eżekuzzjoni tal-ippjanar urban;

    (g)

    Filwaqt li jirrispetta s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tas-26 ta’ Settembru 2013, il-Portugall għandu joħloq u jimplimenta għażliet alternattivi ta’ riforma tas-suq tax-xogħol b’effetti simili għal dawk li kienu ddikjarati mhux kostituzzjonali f’dik is-sentenza;

    (h)

    Il-Portugall għandu jippromwovi żviluppi fil-pagi li jkunu konsistenti mal-għanijiet ta’ trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi u titjib fil-kompetittività tal-kumpaniji bil-għan li jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi. Matul il-perjodu tal-Programm, kwalunkwe żieda fil-pagi minimi għandha ssir biss jekk din tkun ġustifikata mill-iżviluppi ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol;

    (i)

    Il-Portugall għandu jkompli jtejjeb l-effettività tal-politiki attivi tiegħu għas-suq tax-xogħol f’konformità mar-riżultati tar-rapport ta’ valutazzjoni u tal-pjan ta’ azzjoni biex jittejjeb il-funzjonament tas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi;

    (j)

    Il-Portugall għandu jkompli jimplimenta l-miżuri stabbiliti fil-pjanijiet ta’ azzjoni tiegħu biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni sekondarja u vokazzjonali u t-taħriġ, b’mod partikolari l-Gvern għandu jippreżenta pjanijiet biex il-qafas ta’ finanzjament tal-iskejjel ikun aktar effettiv u l-iskejjel professjonali ta’ referenza għandhom ikunu stabbiliti;

    (k)

    Il-Portugall għandu jlesti l-adozzjoni tal-emendi settorjali pendenti meħtieġa sabiex jimplimenta bis-sħiħ id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*);

    (l)

    Il-Gvern għandu jissottometti lill-Parlament Portugiż l-istatuti emendati tal-korpi professjonali;

    (m)

    Il-Portugall għandu japprova l-emendi korrispondenti għal-liġijiet amministrattivi tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali;

    (n)

    Il-Portugall għandu jippubblika rapporti kull tliet xhur dwar ir-rati ta’ rkupru; it-tul ta’ żmien u l-ispejjeż għall-kawżi korporattivi ta’ insolvenza; it-tul ta’ żmien u l-ispejjeż għall-kawżi dwar it-taxxa u dwar ir-rata tal-ikklirjar tal-kawżi tal-qorti tal-infurzar;

    (o)

    Il-Portugall għandu jtejjeb l-ambjent kummerċjali billi jlesti r-riformi pendenti dwar it-tnaqqis tal-piż amministrattiv il-proġetti ta’ Punt ta’ Kuntatt Uniku previsti fid-Direttiva 2006/123/KE u ta’ ‘Bla Ħtieġa ta’ Awtorizzazzjoni’ operazzjonali b’mod sħiħ u billi jwettaq simplifikazzjoni ulterjuri ta’ proċeduri, regolamenti u piżijiet ammnistrattivi oħra eżistenti ta’ ħruġ ta’ liċenzji fl-ekonomija li huma ostaklu kbir għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi;

    (p)

    Il-Portugall għandu jlesti r-riforma tas-sistema ta’ governanza tal-portijiet, inkluża r-reviżjoni totali tal-konċessjonijiet tal-operat portwali;

    (q)

    Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri li jtejbu l-funzjonament tas-setturi tal-posta u tat-telekomunikazzjoni;

    (r)

    Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri li jtejbu l-funzjonament tas-sistema tat-trasport;

    (s)

    Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri li jeliminaw id-dejn tariffarju tal-enerġija;

    (t)

    Il-Portugall għandu jiżgura li l-qafas PPP legali u istituzzjonali l-ġdid huwa applikat u li l-kuntratti PPP tat-toroq ikomplu jiġu negozjati mill-ġdid bi qbil mal-pjan strateġiku ippreżentat mill-Gvern u mar-reviżjoni tal-qafas regolatorju, sabiex jinkisbu gwadanji fiskali sostanzjali, partikolarment fl-2013;

    (u)

    Il-Portugall għandu jkompli jiffoka fuq miżuri biex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u biex tissaħħaħ il-konformità tal-kontribwenti.

    8.   Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2014, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

    (a)

    Id-defiċit ġenerali tal-Gvern ma għandux jaqbeż l-4 % tal-PDG fl-2014. Għall-kalkolu ta’ dan id-defiċit, ma għandhomx jiġu kkunsidrati l-ispejjeż baġitarji possibbli tal-miżuri ta’ appoġġ tal-banek fil-kuntest tal-istrateġija tas-settur finanzjarju tal-Gvern. Biex jintlaħaq dan l-objettiv il-Portugall għandu jwettaq miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-valur ta’ 2,3 % tal-PDG, primarjament permezz tal-Liġi Baġitarja tal-2014. Il-miżuri għandhom ikunu prinċipalment ta’ natura permanenti u jxaqilbu lejn l-iffrankar mill-infiq;

    (b)

    Il-pakkett ta’ konsolidazzjoni għandu jibni fuq il-miżuri li jnaqqsu l-infiq li kienu tħejjew fil-qafas tal-analiżi tal-infiq pubbliku (PER). B’mod globali, l-ammont ta’ dawn il-miżuri għandu jammonta għal 1,8 % tal-PDG fl-2014 u għandu jinkludi:

    (i)

    limitazzjoni tan-nefqa minħabba l-ispejjeż tal-pagi tas-settur pubbliku, billi titnaqqas il-forza tax-xogħol tas-settur pubbliku filwaqt li l-kompożizzjoni tagħha tinbidel għal waħda b’impjegati b’ħiliet ogħla, notevolment permezz ta’ programm ta’ rikwalifikazzjoni u skema ta’ sensji volontarji; konverġenza ulterjuri tar-regoli tax-xogħol tas-settur pubbliku u dak privat (inkluża ż-żieda fis-sigħat tax-xogħol u t-tnaqqis tal-vaganzi) u l-introduzzjoni ta’ skala unika tal-pagi kif ukoll is-semplifikazzjoni tas-supplimenti tal-paga. Il-kontribuzzjonijiet tal-benefiċjarji għall-iskemi speċjali tal-assigurazzjoni tal-ħajja għandhom jiżdiedu u għalhekk jikkontribwixxu għat-titjib tal-ekwità u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku;

    (ii)

    riformi tas-sistema tal-pensjoni b’żieda fl-età statutorja tal-irtirar permezz ta’ tibdil fil-fattur tas-sostenibbiltà; allinjament tar-regoli għall-kalkoli tal-benefiċċji tal-pensjoni bejn ir-reġim tal-pensjoni taċ-ċivil (CGA) u s-sistema ġenerali tal-pensjoni, filwaqt li jiġu mħarsal-benefiċċji taħt il-livelli minimi; u s-semplifikazzjoni tal-pensjonijiet tas-superstiti kemm tas-CGA kif ukoll tar-reġim ġenerali tal-pensjoni, f’każijiet fejn dawn jakkumulaw ma’ pensjonijiet oħra;

    (iii)

    tfaddil fil-konsum intermedju u fil-programmi ta’ infiq fil-Ministeri kompetenti kollha. Minħabba r-riskji politiċi u legali, uħud mill-miżuri jistgħu jkunu parzjalment jew totalment sostitwiti minn oħrajn ta’ daqs u kwalità ekwivalenti.

    (c)

    Ir-reviżjoni tan-nefqa pubblika għandha tiġi kkumplimentata minn miżuri permanenti oħra dwar id-dħul bil-għan li jkomplu t-titjib tal-effiċjenza u l-ekwità tal-istruttura attwali tat-taxxa u l-benefiċċji (b’valur ta’ 0,4 % tal-PDG). B’mod partikolari, t-tassazzjoni fuq spejjeż relatati mal-karozzi tal-kumpanija għandha tiżdied u t-tassazzjoni ambjentali u dik relatata mas-saħħa għandha tiġi mtejba billi tinbidel it-tassazzjoni tal-karozzi diżil tal-passiġġieri u billi tiżdied is-sisa fuq it-tabakk u fuq ix-xorb alkoħoliku. L-eżenzjonijiet tat-taxxa fit-tassazzjoni tal-proprjetà għall-fondi tal-pensjoni u l-fondi tal-proprjetà immobbli għandhom jitnaqqsu. Il-limiti massimi għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-membri ta’ korpi statutorji għandhom jitneħħew. Għandha tintalab imposta speċjali fis-settur tal-enerġija u b’hekk jitrażżnu l-kirjiet eċċessivi mis-settur tal-enerġija. Parti mill-introjtu ġġenerat minn din l-imposta għandha tintuża biex jitnaqqas id-dejn tariffarju. Il-liċenzji tal-logħob tal-azzard onlajn għandhom jinbigħu bil-ħsieb li dan is-suq jiġi regolarizzat u din l-attività għandha tkun intaxxata wkoll. Miżata speċjali fuq l-ispettru tal-midja għandha tiġi introdotta u l-imposta fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji għandha tiżdied. Barra minn hekk, għadd ta’ miżuri ta’ darba għandhom jiġu implimentati, aktar milli jiġu bbilanċjati l-ispejjeż li jirriżultaw mill-pagamenti bil-quddiem ta’ darba marbuti mal-introduzzjoni tal-iskema ta’ sensji bi ftehim reċiproku fis-settur pubbliku. Dawn jinkludu t-trasferiment tal-fond tas-saħħa CTT fis-settur pubbliku, il-bejgħ ta’ konċessjoni ta’ port u sajlos kif ukoll dividendi speċjali mill-bejgħ ta’ riservi taż-żejt eċċessiv minn kumpanija pubblika;

    (d)

    Il-Portugall għandu jippreżenta rapport bl-għanijiet li ġejjin:

    (i)

    li jidentifika rduppjar tas-servizzi u l-ġurisdizzjonijiet u sorsi oħra ta’ ineffiċjenzi bejn il-livelli ċentrali u dawk lokali tal-Gvern; u

    (ii)

    biex jorganizza mill-ġdid in-netwerk ta’ servizzi deċentralizzati tal-Ministeri prinċipalment permezz tan-netwerk ‘Lojas do Cidadão’ (punti singoli ta’ kuntatt tal-amministrazzjoni u l-utilitajiet) u approċċi oħra, filwaqt li jinkludi żoni ġeografiċi aktar effiċjenti u jintensifika l-użu tas-serivizzi kondiviżi u l-gvern diġitali;

    (e)

    Il-Portugall għandu jkompli r-riorganizzazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tan-netwerk tal-isptarijiet permezz tal-ispeċjalizzazzjoni, il-konċentrazzjoni u t-tnaqqis ta’ servizzi tal-isptar, il-ġestjoni konġunta u t-tħaddim konġunt tal-isptarijiet u għandu jiżgura l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni fuq għadd ta’ snin għar-riorganizzazzjoni tal-isptarijiet;

    (f)

    Il-Portugall għandu jimplimenta l-pjan biex jinħoloq kumpanija operatriċi indipendenti tal-loġistika tal-gass u tal-elettriku;

    (g)

    Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri li jtejbu l-funzjonament tas-sistema tat-trasport;

    (h)

    Il-Portugall għandu jivvaluta l-impatt tar-reġim fakultattiv tal-kontabbiltà bbażata fuq il-ħlasijiet tal-VAT.

    (i)

    Il-Portugall għandu jwettaq inventarju u analiżi tal-ispejjeż tar-regolamenti li x’aktarx ikollhom impatt ogħla fuq l-attività ekonomika.

    9.   Bl-għan li tiġi restawrata l-fiduċja fis-settur finanzjarju, il-Portugall għandu jimmira biex iżomm livell adegwat ta’ kapital fis-settur bankarju tiegħu u jiżgura proċess ta’ diżingranaġġ b’mod ordinat f’konformità mal-iskadenzi stabbiliti fil-Memorandum ta’ Qbil. F’dak ir-rigward, il-Portugall għandu jimplimenta l-istrateġija għas-settur bankarju Portugiż kif miftiehem mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI biex tiġi mħarsal-istabbiltà finanzjarja. B’mod partikolari, il-Portugall għandu:

    (a)

    jimmonitorja t-tranżizzjoni tal-banek għar-regoli ġodda dwar il-kapital kif stabbiliti fil-pakkett tad-Direttiva dwar ir-Rekwiziti ta’ Kapital IV (CRD IV) u jiżgura li l-bafers kapitali jibqgħu proporzjonali mal-ambjent operazzjonali diffiċli;

    (b)

    jagħti pariri lill-banek biex jissaħħu l-bafers kollaterali tagħhom fuq bażi sostenibbli;

    (c)

    jiżgura diżingranaġġ ibbilanċjat u ordnat tas-settur bankarju, li jibqa’ importanti fl-eliminazzjoni b’mod permanenti tal-iżbilanċi ta’ finanzjament, u li jnaqqas id-dipendenza fuq il-finanzjament mill-Eurosistema fuq terminu medju. Il-pjanijiet tal-banek għall-finanzjament u l-kapital għandhom jiġu riveduti kull tliet xhur;

    (d)

    jinkoraġġixxi d-diversifikazzjoni ta’ alternattivi ta’ finanzjament għas-settur korporattiv u b’mod partikolari l-SMEs permezz ta’ sensiela ta’ miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess tagħhom għas-swieq kapitali;

    (e)

    ikompli jissemplifika l-grupp CGD tal-Istat;

    (f)

    jesternalizza l-ġestjoni tal-krediti tal-BPN attwalment miżmuma minn Parvalorem lid-ditti magħżula permezz tal-proċess tal-offerti b’mandat biex gradwalment jirkupra l-assi; u jiżgura d-disponiment f’waqtu tas-sussidjarji ta’, u l-assi fi, iż-żewġ vetturi l-oħra bi skop speċjali tal-Istat;

    (g)

    fuq il-bażi tal-proposti għat-tħeġġiġ tad-diversifikazzjoni tal-alternattivi ta’ finanzjament ippreżentati lis-settur korporattiv, jiżviluppa u jimplimenta soluzzjonijiet li jipprovdu alternattivi ta’ finanzjament għal kreditu bankarju tradizzjonali għas-settur korporattiv; u jevalwa l-lok għat-titjib tal-prestazzjoni u l-governanza tal-linji ta’ kreditu eżistenti sponsorjati mill-Gvern filwaqt li jkompli jibni fuq ir-riżultati tal-awditu estern riċenti u l-pjan direzzjonali ppreżentat;

    (h)

    janalizza l-pjanijiet ta’ rkupru tal-banek u joħroġ linji gwida dwar is-sistema tal-pjanijiet ta’ rkupru u jipprepara pjanijiet ta’ riżoluzzjoni fuq il-bażi tar-rapporti ppreżentati mill-banek. Il-Gvern għandu jippreżenta lill-Parlament Portugiż l-emendi meħtieġa għal-liġi dwar ir-rikapitalizzazzjoni li jirriflettu l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja;

    (i)

    jimplimenta l-qafas għall-istituzzjonijiet finanzjarji biex jibdew ristrutturar tad-dejn barra l-qorti għall-unitajiet domestiċi, jiffaċilta l-applikazzjoni għar-ristrutturar tad-dejn korporattiv u jimplimenta pjan ta’ azzjoni għas-sensibilizzazzjoni dwar l-għodod tar-ristrutturar;

    (j)

    jipprepara rapporti kull tliet xhur dwar l-implimentazzjoni tal-għodod ġodda tar-ristrutturar; fuq il-bażi tal-istħarriġ imwettaq riċentement, jesplora alternattivi biex iżid l-irkupru b’suċċess tal-kumpaniji li jkunu aderenti mal-PER (il-Proċedura Speċjali ta’ Rivitalizzazzjoni għall-kumpaniji f’taqlib finanzjarju serju) u SIREVE (is-Sistema ta’ Rkupru tal-Kumpaniji permezz ta’ Ftehimiet Extraġudizzjarji għall-kumpaniji f’qagħda ekonomika diffiċli jew insolvenza imminenti jew attwali).

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tan-notifika tagħha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. LINKEVIČIUS


    (1)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

    (2)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE tas-17 ta’ Mejju 2011 dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88).

    (3)  ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1.

    (4)  Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).


    Top