Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0078

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008 tal- 21 ta’ Jannar 2008 dwar il-miżuri li l-Kummissjoni għandha twettaq għall-perjodu 2008-2013 bl-użu ta' l-applikazzjonijiet ta' telerilevament implimentati fil-qafas tal-politika agrikola komuni

ĠU L 25, 30.1.2008, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/78/oj

30.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 25/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 78/2008

tal-21 ta’ Jannar 2008

dwar il-miżuri li l-Kummissjoni għandha twettaq għall-perjodu 2008-2013 bl-użu ta' l-applikazzjonijiet ta' telerilevament implimentati fil-qafas tal-politika agrikola komuni

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 37(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 33(2)(a) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-politika agrikola komuni (PAK) għandha tqis il-karattru partikolari ta' l-attività agrikola, li titnissel mill-istruttura soċjali ta' l-agrikoltura u mid-disparità strutturali u naturali ta' bejn id-diversi reġjuni agrikoli. F'dan ir-rigward, hemm il-ħtieġa ta' informazzjoni dwar il-kundizzjoni ta' l-artijiet u ta' l-uċuħ tar-raba', partikolarment għat-tmexxija ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq. L-applikazzjonijiet ta' telerilevament jistgħu jipprovdu parti mill-informazzjoni meħtieġa għal dan il-għan, dejjem jekk jistgħu jkopru ż-żoni kollha ta' interess għat-tmexxija tas-swieq agrikoli.

(2)

Permezz ta' l-esperjenza miksuba matul il-perjodu 2004-2007 fil-qafas tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1445/2000/KE tat-22 ta’ Mejju 2000 dwar l-applikazzjoni ta' stħarriġ mill-ajru u metodi ta' teknika ta' remote sensing għall-istatistiċi agrikoli għal 1999 sa 2003 (2) kif emendata, kif ukoll tad-Deċiżjonijiet li ġew qabilha, bħal, b'mod partikolari, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/503/KEE tas-26 ta’ Settembru 1988 li tistabbilixxi proġett esperimentali ta' telerilevament applikat għall-finijiet ta' statistika agrikola (3), is-sistema agrometeoroloġika għat-tbassir tal-ħsad u għall-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta' l-artijiet u ta' l-uċuħ tar-raba' saret operazzjonali, laħqet livell avvanzat ta' żvilupp u wriet l-effiċjenza tagħha.

(3)

Barra minn hekk, it-telerilevament wera li joffri risposta adattata għall-ħtiġijiet tat-tmexxija tal-PAK, kif ukoll li l-ħtiġijiet identifikati ma setgħux jintlaħqu permezz tas-sistemi tradizzjonali ta' l-istatistika u t-tbassir agrikoli. It-telerilevament wassal ukoll għal aktar preċiżjoni, oġġettività, veloċità u frekwenza fl-osservazzjonijiet li jsiru, filwaqt li kompla jorqom il-mudelli tat-tbassir agrikolu, b'mod partikulari billi daħħal mudelli msejsa fuq ir-reġjuni. Fl-aħħar nett, it-telerilevament ikkontribwixxa għall-iżvilupp ta' applikazzjonijiet speċifiċi jew komplementari għall-istabbilment u għall-ġbir ta' statistiċi agrikoli, u ġab miegħu tnaqqis fl-ispejjeż marbutin mal-monitoraġġ u mal-kontroll tan-nefqa agrikola. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jeħtieġ li jsir provvediment għat-tkomplija ta' dawn l-applikazzjonijiet ta' telerilevament b'finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) għall-perjodu 2008-2013, skond l-Artikolu 3(2)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (4).

(4)

B'danakollu, jeħtieġ li jkunu addattati u organizzati mill-ġdid ir-regoli ddettaljati ta' implimentazzjoni għall-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni fil-qafas tal-politika agrikola komuni, bl-użu tat-telerilevament li jkunu separati il-miżuri operazzjonali li jsiru fil-kuntest ta' din is-sistema minn dawk li jeħtieġu aktar riċerka u żvilupp. Għaldaqstant, għandu jsir provvediment separat għal dawn il-miżuri fil-programm qafas ta' riċerka u żvilupp.

(5)

Għandu jkun provdut ukoll li l-informazzjoni u l-istimi li joħorġu minn dawn il-miżuri, miżmuma mill-Kummissjoni, ikunu disponibbli għall-Istat Membri, kif ukoll li jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport proviżjonali u rapport finali dwar il-kundizzjonijiet ta' l-implimentazzoni tal-miżuri ta' telerilevament li jkunu saru, u dwar l-użu tar-riżorsi finanzjarji li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2013, il-miżuri li twettaq il-Kummissjoni bl-użu ta' applikazzjonijiet ta' telerilevament fil-qafas tal-politika agrikoli komuni (PAK) jistgħu jiġu ffinanzjati mill-FAEG, skond l-Artikolu 3(2)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, fejn ikollhom l-għan li jipprovdu lill-Kummissjoni bil-mezzi:

(a)

sabiex tmexxi s-swieq agrikoli;

(b)

sabiex tiżgura l-monitoraġġ agroekonomiku ta' l-artijiet agrikoli u tal-kundizzjoni ta' l-uċuħ tar-raba', b'mod li jistgħu jsiru stimi, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħsad u mal-produzzjoni agrikola;

(ċ)

sabiex tħeġġeġ l-aċċess għall-istimi msemmija fil-punt b);

(d)

sabiex tiżgura s-segwitu teknoloġiku tas-sistema agrometeoroloġika.

2.   B'mod partikolari, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 huma dawn li ġejjin:

(a)

il-ġbir jew ix-xiri ta' l-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni u għall-monitoraġġ tal-PAK, partikolarment id-data miksuba permezz tas-satellita u d-data meteoroloġika;

(b)

il-ħolqien ta' infrastruttura ta' data spazjali u websajt;

(ċ)

studji speċifiċi fuq il-kundizzjonijiet tal-klima;

(d)

l-aġġornament tal-mudelli agrometeoroloġiċi u ekonometriċi.

Fejn meħtieġ, dawn il-miżuri għandhom isiru f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-laboratorji u l-korpi nazzjonali.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni u l-istimi li jirriżultaw mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1) elettronikament disponibbli għall-Istati Membri.

Artikolu 3

Għandhom jiġu adottati regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 41(3) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, partikolarment f'dak li jirrigwarda t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' l-informazzjoni u l-istimi msemmija fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Sa mhux aktar tard rispettivament mill-31 ta’ Lulju 2010 u mill-31 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport intermedju u rapport finali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' telerilevament u dwar l-użu tar-riżorsi finanzjarji li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni skond dan ir-Regolament.

Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport finali għandu jkun akkumpanjat minn proposta biex jitkomplew dawn il-miżuri fil-qafas tal-PAK.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 21 ta’ Jannar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

I. JARC


(1)  Opinjoni mogħtija fis-16 ta' Jannar 2008 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 163, 4.7.2000, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 786/2004/KE (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 7).

(3)  ĠU L 273, 5.10.1988, p. 12.

(4)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1437/2007 (ĠU L 322, 7.12.2007, p. 1).


Top