EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief fl-UE

It-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief fl-UE

Il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni Ewropea dwar l-iskart mill-imballaġġ ma fihiex miżuri speċifiċi għall-basktijiet tal-plastik ħfief. Dawn jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-ambjent u jeħtieġ li l-konsum tagħhom jitnaqqas.

ATT

Id-Direttiva (UE) 2015/720 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 li temenda d-Direttiva 94/62/KE rigward it-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief

SOMMARJU

Il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni Ewropea dwar l-iskart mill-imballaġġ ma fihiex miżuri speċifiċi għall-basktijiet tal-plastik ħfief. Dawn jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-ambjent u jeħtieġ li l-konsum tagħhom jitnaqqas.

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Hija temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ. Hija tistabbilixxi modi u miri sabiex jitnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief, inkluż billi jiġi impost ħlas għalihom jew jiġu ffissati miri ta’ konsum massimu nazzjonali.

PUNTI EWLENIN

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu miżuri biex inaqqsu l-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief*. Dawn jistgħu jinkludu miri ta’ tnaqqis nazzjonali, restrizzjonijiet fuq l-użu tagħhom jew miżuri finanzjarji, pereżempju jintalab ħlas għalihom.

Il-miżuri għandhom jinkludu waħda minn dawn li ġejjin, jew it-tnejn li huma:

  • 1.
    id-definizzjoni ta’ livell ta’ konsum annwali massimu ta’:
    • 90 basket tal-plastik ħfief għal kull persuna sal-aħħar tal-2019 (tnaqqis ta’ 50 % imqabbel mal-2010) u
    • 40 basket tal-plastik ħfief għal kull persuna sal-aħħar tal-2025 (tnaqqis ta’ 80 % imqabbel mal-2010);
  • 2.

    jiġi żgurat li, sal-aħħar tal-2018, il-basktijiet tal-plastik ħfief ma jibqgħux jiġu pprovduti b’xejn mal-bejgħ ta’ oġġetti jew prodotti.

Il-basktijiet tal-plastik ħfief ħafna* jistgħu jiġu esklużi miż-żewġ miżuri msemmija fuq.

Mis-27 ta’ Mejju 2018, il-pajjiżi tal-UE għandhom jirrapportaw il-konsum annwali tal-basktijiet tal-plastik ħfief lill-Kummissjoni Ewropea.

Sa Mejju 2017, il-Kummissjoni mistennija tikkonkludi d-dettalji tat-tikketti jew tal-marki ta’ identifikazzjoni għall-basktijiet tal-plastik bijodegradabbli u kompostabbli. Dawn għandhom jibdew jintużaw mhux aktar tard minn 18-il xahar wara l-adozzjoni tagħhom.

Il-gvernijiet tal-UE u l-Kummissjoni ser jinkoraġġixxu l-kampanji pubbliċi ta’ għarfien u informazzjoni, b’mod partikolari fit-12-il xahar wara s-27 ta’ Novembru 2016.

TERMINI EWLENIN

* Basket tal-plastik ħafif: bi ħxuna ta’ inqas minn 50 mikroni.

* Basket tal-plastik ħafif ħafna: bi ħxuna ta’ inqas minn 15-il mikronu, li jintuża għall-finijiet ta’ iġjene jew bħala imballaġġ primarju għal ikel sfuż meta dan jgħin fil-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel.

SFOND

Il-basktijiet tal-plastik ħfief huma sors ewlieni ta’ skart, ħsara lill-ambjent u użu ineffikaċi tar-riżorsi. Xi pajjiżi tal-UE rnexxielhom inaqqsu l-konsum tagħhom b’mod sinjifikanti: fl-aktar 7 pajjiżi bi prestazzjoni tajba, il-livelli tal-konsum huma wieħed minn kull ħamsa tal-medja tal-UE.

Għal aktar tagħrif, ara L-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva (UE) 2015/720

26.5.2015

27.11.2016

ĠU L 115, 6.5.2015, p. 11-15

ATTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10-23). Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 24.09.2015

Top