Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2022-02263-AC

Opinjoni - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Investiment b’perspettiva tal-ġeneru bħala mod kif intejbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni Ewropea

EESC-2022-02263-AC

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Investiment b’perspettiva tal-ġeneru bħala mod kif intejbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni Ewropea

_____________

Investiment b’perspettiva tal-ġeneru bħala mod kif intejbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni Ewropea

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

SOC/723

Relatur: Ody NEISINGH

Korelatur: Maria NIKOLOPOULOU

MT

Konsultazzjoni

20/01/2022

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

23/11/2022

Adozzjoni fil-plenarja

14/12/2022

Sessjoni plenarja Nru

574

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

172/6/7

1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jemmen bis-sħiħ li bil-kollaborazzjoni tal-irġiel u n-nisa, u bil-ħolqien ta’ art fertili għall-intraprenditorija tan-nisa u l-istrumenti finanzjarji u leġiżlattivi adegwati, bħall-ibbaġitjar skont il-ġeneru, nistgħu noħolqu ekosistema finanzjarja inklużiva fl-UE u fl-Istati Membri u nimxu ’l quddiem aktar malajr lejn l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri.

1.2Id-data, il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-indikaturi komuni huma essenzjali għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Id-data u l-indikaturi mill-Istati Membri u fost l-istituzzjonijiet fil-livell tal-UE jeħtieġu l-armonizzazzjoni sabiex ikunu strumentali fl-indirizzar tad-distakk bejn il-ġeneri. Il-KESE jisħaq li l-UE għandha tiġbor data diżaggregata skont il-ġeneru fil-kuntest Ewropew tal-investimenti u tintegraha fl-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri annwali.

1.3Sabiex jitħaffef it-tkabbir futur tal-intraprenditorija tan-nisa, ta’ min jinvestiga r-rwol tal-investituri informali, l-investimenti tal-bidu u ċ-ċirku tar-retroċessjoni (circle of giving back).

1.4Il-KESE jemmen bis-sħiħ li permezz tat-titjib tal-pożizzjoni tan-nisa biex jirċievu l-fondi, se jkun hemm effett minn fuq għal isfel (trickledown effect) pożittiv li jwassal għal riżultati finanzjarji u soċjali aħjar.

1.5Sabiex tinħoloq art fertili għall-intraprenditorija tan-nisa, il-KESE jqis li huwa importanti li n-nisa jiġu pprovduti b’aktar opportunitajiet ta’ networking u taħriġ u programmi ta’ mentoraġġ. Barra minn hekk, il-KESE jisħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni biex jiġu kkontestati l-isterjotipi tal-ġeneru, inklużi l-ideat sterjotipiċi tal-intraprendituri bħala rġiel u fil-bini ta’ kultura intraprenditorjali li tipprepara lin-nisa biex jaħsbu f’termini ta’ skali akbar.

1.6Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu aċċess għall-benefiċċji tal-maternità u għażliet tal-liv tal-ġenituri għall-intraprendituri nisa b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

1.7Il-KESE jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jibdew iħajru lill-bniet jinteressaw ruħhom fl-oqsma STEM minn età bikrija, jappoġġjaw lill-intraprendituri nisa u l-mudelli eżemplari nisa f’dawn is-setturi u jinvestu fi programmi biex il-bniet fl-iskejjel sekondarji jiġu mħajra jinteressaw ruħhom fis-STEM.

1.8Il-KESE jirrakkomanda l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Soċjali billi jiġu pprovduti azzjonijiet immirati għan-nisa u tinżamm perspettiva tal-ġeneru bħala kriterju fir-rigward tal-allokazzjoni tal-fondi tal-UE u dawk nazzjonali u fl-akkwist pubbliku sabiex jiġi promoss u jinżamm it-talent tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

1.9Il-KESE jissuġġerixxi li d-diversità tat-timijiet b’enfasi speċifika fuq in-nisa għandha tkun kriterju biex jingħata finanzjament pubbliku. Huwa importanti li jiġu stabbiliti standards speċifiċi sabiex jiġi evitat li l-affarijiet jinbidlu biss b’mod li jiffavorixxi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri meta dan ikun konvenjenti għal skopijiet ulterjuri (pinkwashing) 1 .

1.10Il-KESE jirrakkomanda li fuq terminu medju l-awtoritajiet Ewropej u l-Istati Membri kollha għandhom jużaw l-għodod tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru fil-livelli kollha tal-proċess baġitarju. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u d-djalogu soċjali huma kruċjali wkoll sabiex jiġu identifikati l-oqsma li jeħtieġ li jiġu indirizzati permezz tal-baġit.

1.11Il-preġudizzji inkonsapevoli fis-settur finanzjarju jippersistu, għalhekk il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u t-taħriġ dwar il-preġudizzju inkonsapevoli għall-investituri u l-ġuriji huma importanti. Barra minn hekk, il-KESE jqis li l-ġuriji kollha tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej għandhom jilħqu bilanċ bejn il-ġeneri mill-aktar fis possibbli biex jiġi evitat preġudizzju favur min hu simili jew preġudizzju bbażat fuq “ħwejjeġ simili li jattiraw lil xulxin”, u għandhom ukoll jirċievu taħriġ dwar il-preġudizzju inkonsapevoli.

1.12Il-KESE jissuġġerixxi li l-KE tippubblika valutazzjoni tal-impatt fuq il-ġeneri tal-baġit annwali tal-UE u tippreżentaha bħala dokument anness, u toħloq task force biex tipparteċipa fin-negozjati u tallinja u tinkludi l-objettivi tal-UE għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-QFP (2028-2034) u fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP attwali (2021- 2027) 2 .

1.13Il-KESE jitlob li l-fondi tal-UE jsiru aktar aċċessibbli għall-organizzazzjonijiet tan-nisa billi jiġu ssemplifikati l-proċeduri u jiġu pprovduti għotjiet għall-attività ewlenija tagħhom.

1.14Fl-aħħar nett, il-KESE jappella għal viżjoni ambizzjuża mill-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet Ewropej dwar l-ibbaġitjar skont il-ġeneru u l-investiment b’perspettiva tal-ġeneru, inklużi miri konkreti dwar in-nisa li jirċievu fondi, indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni konkreti, leġiżlazzjoni, kriterji aġġornati u programmi (intensifikati) dwar it-titjib tal-intraprenditorija tan-nisa u l-aċċess għall-finanzi (eż. għotjiet iddedikati għan-nisa, finanzjament limitat iddedikat għall-imsieħba għal fondi li jappartjenu għan-nisa u bi sjieda konġunta, garanziji ta’ self jew mikrofinanzjament, pjattaformi ta’ koinvestiment, bonds tal-ġeneru jew mikrokrediti).

2.Kummenti ġenerali

2.1L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri hija objettiv ewlieni tal-Unjoni Ewropea (UE), b’konformità kemm mal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Minkejja dawn l-obbligi legali biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, il-progress fl-integrazzjoni effettiva tal-perspettiva tal-ġeneri, b’mod partikolari fir-rigward tal-finanzi u l-baġits, miexi b’ritmu bil-mod.

2.2Din l-Opinjoni trid tenfasizza l-isfidi u l-opportunitajiet tal-intraprenditorija, l-investimenti pubbliċi u privati u l-ibbaġitjar fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tappella għal viżjoni ambizzjuża mill-Istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri dwar l-investiment b’perspettiva tal-ġeneru u l-ibbaġitjar skont il-ġeneru. Din l-enfasi se jkollha impatt pożittiv fuq il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli dwar il-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri (SDG5) u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi (SDG10). Huwa importanti wkoll li jiġi rikonoxxut li sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri neħtieġu l-kollaborazzjoni kemm min-nisa kif ukoll mill-irġiel fil-promozzjoni tal-ugwaljanza.

2.3Skont il-Kummissjoni Ewropea, in-nisa jirrappreżentaw madwar 52 % tal-popolazzjoni globali fl-Ewropa, iżda jikkostitwixxu 34,4 % ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u 30 % tal-intraprendituri li għadhom jibdew 3 .

2.4It-timijiet imwaqqfa mill-irġiel biss jirċievu kważi 92 % tal-kapital ta’ riskju kollu investit fl-Ewropa. Fir-rigward tal-finanzjament, fi stadji bikrija 1 % biss tal-finanzjament imur għal kumpaniji mmexxija min-nisa, u qatt ma jiżdied għal aktar minn 30 % fi stadji aktar tard, minkejja li t-timijiet b’fundaturi nisa u t-timijiet b’taħlita ta’ ġeneri nstabu li jaqbżu l-kontropartijiet maskili tagħhom f’termini ta’ prestazzjoni 4 5 6 7 .

2.5F’Marzu 2017, l-OECD irrappurtat li n-nisa huma inqas probabbli mill-irġiel li jirrapportaw li jistgħu jaċċessaw il-finanzjament meħtieġ biex jibdew negozju fil-pajjiżi kollha ħlief għall-Istati Uniti, il-Messiku, il-Greċja u l-Indoneżja. Dan id-distakk bejn il-ġeneri jista’ jiġi assoċjat ma’ nisa li għandhom livelli aktar baxxi ta’ esperjenza, li joperaw f’setturi kompetittivi ħafna u bi tkabbir baxx, kif ukoll l-għoti ta’ punteġġ tal-kreditu preġudikat skont il-ġeneru u l-isterjotipizzazzjoni tal-ġeneru fl-evalwazzjonijiet tal-investimenti. In-nisa huma wkoll ta’ spiss imxekkla minn inqas aċċess għal servizzi finanzjarji bażiċi (eż., kontijiet kurrenti u tat-tfaddil) 8 . Barra minn hekk, in-nisa li jaħdmu għal rashom huma aktar probabbli li jiġu skoraġġuti milli jissellfu meta mqabbla mal-irġiel li jaħdmu għal rashom.

2.6Skont l-Istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, waħda biss minn kull għaxar persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet f’kumpaniji tal-kapital ta’ riskju u tal-ekwità privata hija mara, minkejja li xi fondi privati identifikati bħala li joperaw b’enfasi fuq il-ġeneru għandhom 72 % tal-imsieħba tagħhom nisa. Is-sejbiet indikaw li, bħala medja, 85 % tal-imsieħba ġenerali tal-kumpaniji tal-kapital ta’ riskju huma rġiel u 15 % biss huma nisa. Fil-każi fejn in-nisa jkunu msieħba, dawn għandhom it-tendenza li jkunu msieħba ta’ fondi iżgħar.

2.7Il-pandemija tal-COVID-19 kabbret l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u dawk ekonomiċi. Fl-aspetti soċjali u ekonomiċi, hemm distinzjoni ċara fir-rigward ta’ kif il-coronavirus kellu impatt fuq il-ġeneri differenti. Il-pandemija tal-COVID-19 kellha wkoll impatt fuq l-aċċess tan-nisa għall-finanzjament. Filwaqt li ċ-ċifri Ewropej ma humiex disponibbli, fl-Istati Uniti saħansitra kien hemm tkabbir fid-distakk bejn il-ġeneri li diġà kienet teżisti fil-finanzjament tal-kapital ta’ riskju għal negozji ġodda mmexxija min-nisa 9 .

2.8Globalment, is-sensibilizzazzjoni dwar l-investiment b’perspettiva tal-ġeneru qed tkompli żżid fir-ritmu. Madankollu, l-ekosistema Ewropea tal-investiment għall-intraprendituri u l-fundaturi nisa għadha frammentata u m'għandhiex fokus sistemiku u strateġiku fuq il-ġeneru 10 . Il-fondi speċifiċi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri huma skarsi, u dawn l-inizjattivi ma jattirawx aktar intraprendituri nisa. Madwar 50 % tal-finanzjament fl-Unjoni Ewropea jikkonsisti fi flus il-kontribwenti. Sforz kollettiv fil-livell tal-UE li joħloq ekosistema ta’ finanzjament ibbażata aktar fuq il-ġeneru u ugwali, flimkien ma’ akkumpanjament matul il-proċess kollu tal-ħolqien ta’ negozju, jistgħu jwasslu għal kunsens u jgħinu biex jingħelbu l-ostakli għall-bidla.

2.9Meta nitkellmu dwar l-investiment b’perspettiva tal-ġeneru, jeħtieġ li nkunu konxji tal-intersezzjonijiet kollha ma’ inugwaljanzi oħra li jinfluwenzaw saħansitra aktar l-aċċess għall-finanzi, bħan-nisa b’diżabilità, in-nisa bi status soċjoekonomiku baxx, in-nisa żgħażagħ, in-nisa bi sfond ta’ migrazzjoni, jew l-intersezzjoni mal-orjentazzjoni sesswali, ir-razza, eċċ.

3.Kummenti speċifiċi

3.1Il-KESE jemmen bis-sħiħ li permezz tat-titjib tal-pożizzjoni tan-nisa biex jirċievu l-fondi, se jkun hemm effett minn fuq għal isfel (trickledown effect) pożittiv li jwassal għal riżultati finanzjarji u soċjali aħjar. Meta n-nisa investituri ta’ kapital ta’ riskju jieħdu d-deċiżjonijiet, huma għandhom probabbiltà doppja li jinvestu f’timijiet imwaqqfa min-nisa, u b’hekk iżidu l-impjieg tan-nisa. In-negozji ġodda b’fundatriċi mara jimlew il-persunal tagħhom bi 2,5 darbiet aktar nisa. Il-kumpaniji b’fundatriċi mara u b’eżekuttiv femminili jimpjegaw sitt darbiet aktar nisa 11 .

3.2Il-ġbir tad-data huwa ta’ importanza kbira sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni attwali u jitfasslu strateġiji għall-futur. Minkejja l-isforzi f’dan ir-rigward, il-KE, il-Kunsill, l-OECD, il-EuroStat u l-EIGE jiġbru data dwar diversi aspetti tal-ġeneri, iżda din tirrikjedi armonizzazzjoni sabiex tkun strumentali fl-indirizzar tad-distakk bejn il-ġeneri. Jeħtieġ li l-ġbir ta’ data rilevanti jkun obbligatorju għall-Istati Membri. Il-metodoloġiji u l-metrika użati għandhom jitlaqqgħu flimkien biex tinħoloq perspettiva olistika u biex tkun tista’ tintuża data addizzjonali (il-preġudizzju soċjali, il-preġudizzju tal-etniċità, il-preġudizzju fl-intersezzjonalità, eċċ.) biex ikunu jistgħu jsiru l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-progress u tal-politiki. Barra minn hekk, jeħtieġ li jsiru studji analitiċi aktar regolari u mtejba. Il-KESE jisħaq li l-UE għandha tiġbor data diżaggregata skont il-ġeneru fil-kuntest Ewropew tal-investimenti u tintegraha fl-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri annwali.

3.3Huwa daqstant importanti li tingħata ħarsa lejn id-daqs tat-tranżazzjonijiet (l-ammont ta’ flus investiti), u r-rwol tal-investituri informali u l-investimenti tal-bidu. Ta’ min issir riċerka wkoll dwar iċ-ċirku tar-retroċessjoni: in-nisa li jirċievu investiment, ikabbru u jibdew ikabbru l-kapital ta’ investiment tagħhom stess u jsiru investituri informali huma stess. Dan jista’ jkun aċċeleratur pożittiv għat-tkabbir futur tal-intraprenditorija tan-nisa u jista’ jiżdied permezz ta’ kampanji ta’ promozzjoni mmirati, li għandhom l-għan li jżidu l-fehim ġenerali tal-opportunitajiet u l-kontribuzzjonijiet li jistgħu jagħmlu l-investituri informali, flimkien ma’ informazzjoni dwar kif jibdew. L-Istati Membri jistgħu wkoll jinvestigaw il-ħelsien mit-taxxa biex jappoġġjaw dan.

3.4Il-KESE jqis li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-UE se tinkiseb billi tiġi promossa b’mod attiv l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċessi kollha tat-tfassil tal-politika u tat-teħid ta’deċiżjonijiet, inklużi l-politiki soċjali u ta’ koeżjoni u l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE - u fl-infiq tal-baġit tal-UE. Il-prerekwiżiti meħtieġa u l-monitoraġġ effettiv matul l-implimentazzjoni, sabiex jiġu kkoreġuti l-azzjonijiet ta’ politika jekk ikun meħtieġ, għadhom neqsin. Peress li nafu li l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 mhumiex newtrali għall-ġeneru, il-KESE jtenni l-appell tiegħu lil dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha biex isegwu l-prinċipju tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u jinkludu l-aspett tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-deċiżjonijiet kollha, inklużi dawk dwar l-ibbaġitjar, l-investiment u l-finanzjament u l-akkwist pubbliku. Dan jinkludi wkoll iċ-ċiklu baġitarju tal-QFP 2021-27 u l-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u għandu jinkludi valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-ġeneri, indikaturi vinkolanti xierqa, kif ukoll sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni 12 .

3.5Rapport reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri jiddikjara li l-Kummissjoni ftit li xejn tat attenzjoni lill-analiżi tal-ġeneru tal-politiki u l-programmi li eżaminat. Hija għamlet użu limitat minn data u indikaturi diżaggregati skont il-ġeneru, u ftit ippubblikat informazzjoni dwar l-impatt ġenerali tal-baġit tal-UE fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Madankollu, f’oqsma fejn ir-rekwiżiti legali ġew stabbiliti fid-dettall, dan iffaċilita l-inkorporazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-programmi.

4.Azzjonijiet konkreti

4.1Il-ħolqien ta’ art fertili għall-intraprendituri nisa

4.1.1Sabiex tinħoloq art fertili għall-intraprenditorija tan-nisa, il-KESE jqis li huwa importanti li n-nisa jiġu pprovduti b’aktar opportunitajiet ta’ networking u taħriġ u programmi ta’ mentoraġġ. Huwa kruċjali li n-nisa jiżviluppaw network ta’ nisa li diġà huma midħla b’mod parallel għan-network eżistenti ta’ rġiel midħla fis-settur, minħabba li n-nisa għandhom it-tendenza li jkollhom networks iżgħar u inqas diversi. Il-mudelli eżemplari u l-mentors ukoll għandhom rwol importanti: fi studju fl-Italja, 70 % tal-bniet qalu li ħassewhom differenti dwar il-futur tagħhom wara li ltaqgħu ma’ mudell eżemplari.

4.1.2L-ideat sterjotipiċi dwar l-intraprenditorija jibdew sa mill-edukazzjoni primarja. Il-KESE jisħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni biex jiġu kkontestati l-isterjotipi tal-ġeneru, inklużi l-ideat sterjotipiċi tal-intraprendituri bħala rġiel, u biex tinbena kultura intraprenditorjali li tipprepara lin-nisa biex jaħsbu f’termini ta’ skali akbar. Il-konnotazzjonijiet soċjali negattivi dwar l-intraprendituri u l-eżekuttivi nisa għadhom jeżistu fl-Ewropa. Barra minn hekk, l-iskejjel għandhom rwol vitali fil-bini tal-kapaċità finanzjarja u intraprenditorjali, u dawn il-ħiliet għandhom jiġu inklużi fil-kurrikuli tal-iskejjel mill-edukazzjoni primarja u jiġu msaħħa u żviluppati fis-sistema skolastika kollha. Il-fieri intraprenditorjali u programmi oħra fejn in-nisa jistgħu jiksbu aċċess għal flus inizjali u, pereżempju, b’approċċ ta’ bniet fix-xjenza, ikunu mod tajjeb kif tiġi mħeġġa l-intraprenditorija tan-nisa minn stadju bikri.

4.1.3Is-“sindromu tal-impustur” jiddeskrivi l-fenomenu fejn in-nies jiddubitaw il-kapaċitajiet tagħhom u jħossu li mhumiex tajbin biżżejjed f’dak li jagħmlu. Dan is-sindromu jeżisti fuq skala mifruxa fost l-intraprendituri nisa. Il-ħidma li tindirizza l-kapaċitajiet u l-awtostima tan-nisa tul l-edukazzjoni kollha se tnaqqas il-fenomenu u se tiftaħ aktar perspettivi għall-iżvilupp tan-nisa 13 .

4.1.4Fil-biċċa l-kbira, il-faqar tal-ħin li n-nisa attwalment jesperjenzaw minħabba responsabbiltajiet ta’ indukrar mhux imħallsa huwa ostaklu għall-intraprenditorija. Il-bidliet kulturali, bħall-koresponsabbiltà fost l-imsieħba fir-rigward tat-tmexxija tad-dar u l-indukrar tat-tfal u affarijiet oħrajn, flimkien ma’ miżuri sistemiċi bħal kura tat-tfal u tal-anzjani affordabbli jew b’xejn, huma kruċjali. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu aċċess għall-benefiċċji tal-maternità u għal miżuri ta’ liv tal-ġenituri għall-intraprendituri nisa b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom 14 15 .

4.1.5Il-programmi ta’ taħriġ intraprenditorjali mmirati lejn in-nisa għandhom it-tendenza li jiffokaw fuq swieq u setturi li fihom in-nisa huma diġà rappreżentati tajjeb. Hemm setturi fejn l-għadd ta’ intraprendituri nisa huwa żgħir ħafna, bħal fl-oqsma tat-teknoloġija avvanzata u tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM). Il-KESE jisħaq li l-Istati Membri għandhom jibdew iħajru lill-bniet biex jinteressaw ruħhom f’dawn l-oqsma minn età bikrija, jappoġġjaw lill-intraprendituri nisa u l-mudelli eżemplari nisa f’dawn is-setturi u jinvestu fi programmi biex il-bniet fl-iskejjel sekondarji jiġu mħajra jinteressaw ruħhom fis-STEM.

4.1.6L-iżbilanċ attwali bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol huwa wkoll ostaklu għall-isforzi futuri tan-nisa. In-nisa jiffaċċjaw inqas opportunitajiet biex jiksbu t-taħriġ maniġerjali u intraprenditorjali u t-tfaddil adatti biex jibdew in-negozju tagħhom. Għalhekk, għan-nisa żgħażagħ hemm aktar ostakli biex wieħed jibda negozju. Barra minn hekk, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa jew in-nuqqas ta’ paga ġusta jistgħu jillimitaw ir-riżorsi finanzjarji tagħhom. Peress li ħafna opportunitajiet ta’ finanzjament jeħtieġu investiment inizjali privat mill-intraprenditur, il-KESE jemmen li l-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u l-korrezzjoni tal-iżbilanċ bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol se jkollhom effett pożittiv fuq l-intraprenditorija tan-nisa.

4.1.7In-nisa għandhom aktar tendenza li jibdew negozju f’oqsma sostenibbli u soċjali sabiex iħallu impatt pożittiv li jista’ jitkejjel fuq is-soċjetà u jmexxu negozju ġdid soċjali 16 17 . Il-kumpaniji li joperaw fil-qafas tal-ekonomija soċjali poġġew fiċ-ċentru tal-attività tagħhom il-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tal-komunitajiet u tal-ħaddiema tagħhom, kif ukoll is-sostenibbiltà ambjentali. Huma jinvestu fil-benesseri u jpoġġu l-valuri fil-qalba tan-negozju tagħhom. Għalhekk, iż-żieda fil-finanzjament ta’ proġetti tal-ekonomija soċjali u l-promozzjoni biex jinħolqu ekosistemi tal-intrapriżi soċjali se jkollhom impatt pożittiv fuq l-emanċipazzjoni ekonomika u l-iżvilupp tan-nisa. Bl-istess mod, il-promozzjoni tal-intraprenditorija tan-nisa se tagħti spinta lit-tkabbir tal-intrapriżi soċjali. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali tal-Kummissjoni Ewropea jinnota li l-prevalenza ta’ intraprendituri nisa hija akbar fl-intraprenditorija soċjali milli fl-intraprenditorija konvenzjonali. Madankollu, ma hemm l-ebda azzjoni mmirata biex tingħata spinta lill-intraprenditorija tan-nisa, inkluża l-intraprenditorija soċjali. Il-KESE jirrakkomanda l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali 18 billi jiġu pprovduti azzjonijiet immirati għan-nisa.

4.2Il-ħolqien ta’ bidla fi ħdan is-settur finanzjarju u ta’ investiment

4.2.1L-UE għandu jkollha rwol ta’ tmexxija fil-ħolqien ta’ art fertili għal ekosistema konxja mill-ġeneru. Erba’ pajjiżi tal-UE kienu jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-finanzjament tas-Serje C għal kumpaniji mmexxija minn nisa bejn l-2006 u l-2018 fl-Ewropa: l-Iżvezja, il-Ġermanja, Spanja u Franza. Is-suċċess fil-pajjiżi ewlenin kien appoġġat minn ekosistema b’saħħitha u attivitajiet immirati għall-promozzjoni tal-inklużjoni tal-ġeneri. 19 Il-KESE jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ network Ewropew ta’ investituri konxji mill-ġeneru li jistgħu jaqsmu l-aħjar prattiki u jippromovu l-opportunitajiet diġà fis-seħħ fir-rigward tal-finanzjament għall-intraprenditorija tan-nisa. Il-kodiċi dwar tal-investiment fin-nisa (Investing in Women Code) tal-British Business Bank, impenn mill-intrapriżi tas-servizzi finanzjarji biex itejbu l-aċċess tal-intraprendituri nisa għall-għodod, ir-riżorsi u l-finanzi, jista’ jkun ta’ ispirazzjoni għall-involviment mas-settur privat 20 .

4.2.2Madwar waħda minn kull għaxar persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-Kapital ta’ Riskju u fl-Ekwità Privata hija mara. L-attirar tat-talent tan-nisa u t-titjib tal-iżvilupp tal-karriera tan-nisa fis-settur finanzjarju u tal-investiment huma meħtieġa biex tinbidel il-kultura maskili tal-preżent, li ma tagħmilhiex attraenti għan-nisa li jibqgħu jew jibdew f’dan is-settur f’kultura inklużiva. Din il-kultura għandha tkejjel ukoll ir-redditu tal-investiment mhux biss permezz ta’ rapporti ekonomiċi, iżda wkoll permezz tas-sostenibbiltà u r-redditi soċjali tal-investiment tagħhom. Għalhekk, il-KESE jixtieq jara d-diversità tat-timijiet tal-maniġment u tal-fundaturi ssir waħda mill-kriterji ewlenin għall-għoti ta’ finanzjament pubbliku, inklużi l-fondi ta’ pensjoni pubbliċi, u permezz ta’ dan jiġu ispirati r-reklutaġġ u ż-żamma tat-talent tan-nisa fis-settur finanzjarju u tal-investiment. Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li l-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar il-metodi għall-promozzjoni tad-diversità tat-timijiet u t-timijiet immexxija min-nisa fis-settur finanzjarju. Jenħtieġ li jiġi żviluppat siġill ta’ eċċellenza jew standard għall-investituri fis-settur tal-investiment. Standard partikolari jista’ jservi bħala wieħed mill-kriterji meta ssir applikazzjoni għal finanzjament pubbliku 21 . Meta mqabbel ma’ wegħda ta’ darba, tali standard jista’ jiġi awditjat u rieżaminat kull sena sabiex jiġi evitat li l-affarijiet jinbidlu biss b’mod li jiffavorixxi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri meta dan ikun konvenjenti għal skopijiet ulterjuri (pinkwashing).

4.2.3Il-KESE jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet fis-settur finanzjarju privat jingħataw aċċess għal assistenza teknika u taħriġ dwar l-investiment b’perspettiva tal-ġeneru, ipprovduti mill-Unjoni Ewropea jew mill-Istati Membri.

4.2.4Hemm suppożizzjoni ġenerali li n-nisa għandhom it-tendenza li jkunu aktar avversi għar-riskju mill-irġiel, aktar kawti u juru mġiba kompetittiva inqas aggressiva. Il-KESE jissuġġerixxi li din l-imġiba b’riskju aktar baxx tiġi riflessa fl-istrumenti finanzjarji, u jiġu żviluppati prodotti speċifiċi għal ċerti proġetti b’riskju baxx li jeħtieġu inqas garanziji u rati tal-imgħax aktar baxxi biex jingħata self jew biex jiġi kopert perċentwal ogħla tal-kapital inizjali meta jingħata sussidju.

Il-preġudizzji jippersistu fis-settur finanzjarju, ħafna drabi preġudizzji inkonsapevoli, pereżempju fejn hemm preferenza favur ideat ippreżentati mill-irġiel, jew fejn il-kontenut miktub min-nisa jiffoka fuq l-impatt soċjali mentri l-irġiel jiffokaw aktar fuq il-finanzi u n-numri. Il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u t-taħriġ dwar il-preġudizzju inkonsapevoli għall-investituri u l-ġuriji jistgħu jkunu ta’ importanza estrema għas-sensibilizzazzjoni dwar dawn il-preġudizzji. Huwa kruċjali wkoll li jkun hemm sensibilizzazzjoni fi ħdan is-settur dwar l-importanza ta’ mudelli ta’ negozju solidi u reżiljenti li jikbru bil-mod iżda b’mod sod, aktar milli enfasi fuq tkabbir rapidu tad-dħul u fuq il-valwazzjoni fuq terminu qasir.

4.3L-Ibbaġitjar skont il-Ġeneru u l-Investiment b’Perspettiva tal-Ġeneru permezz ta’ finanzjament pubbliku

4.3.1Il-baġits jirriflettu l-prijoritajiet politiċi u huma l-aktar strument ta’ politika ekonomika importanti għat-trasformazzjoni tas-soċjetajiet. Il-politiki pubbliċi għandhom rwol importanti fit-tmexxija u l-ħolqien ta’ ambjent abilitanti għall-investituri, u billi jagħmlu dan joħolqu impjiegi deċenti. Ilu li ġie rikonoxxut li l-ibbaġitjar skont il-ġeneru, il-finanzjament immirat għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, l-allokazzjoni tal-baġits u r-regolamentazzjoni ta’ proċeduri u proċessi tal-akkwist pubbliku reattivi għal kwistjonijiet ta’ ġeneru bħala mezz ta’ implimentazzjoni tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru, huma lkoll għodod meħtieġa biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

4.3.2L-ibbaġitjar skont il-ġeneru huwa proċess li permezz tiegħu jiġu eżaminati l-baġits pubbliċi sabiex jiġi vvalutat jekk jikkontribwixxux għal aktar ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u jitfasslu mill-ġdid kif xieraq biex jiġi żgurat li jagħmlu dan. L-ibbaġitjar skont il-ġeneru jeħtieġ approċċ fuq żewġ binarji jew doppju: l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-baġits u l-programmi kollha u finanzjament immirat speċifiku biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri. “Id-dimensjoni tal-ġeneri għandha tiġi integrata fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu baġitarju, mill-proposti baġitarji (ex ante) u matul l-infiq innifsu (ex nunc) sal-evalwazzjoni u l-verifika tal-flus attwalment minfuqa (ex post)”. 22 Id-data, il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-indikaturi komuni huma essenzjali għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri matul iċ-ċiklu baġitarju kollu: l-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. Għalkemm jista’ jkun diffiċli għall-Istati Membri biex jiġbru data diżaggregata skont il-ġeneru, dan huwa l-uniku mod biex nimxu ’l quddiem u nistabbilixxu politiki xierqa għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri.

4.3.3Il-KESE jirrakkomanda li fuq terminu medju l-awtoritajiet Ewropej u l-Istati Membri kollha għandhom jużaw l-għodod tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru fil-livelli kollha tal-proċess baġitarju. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u d-djalogu soċjali huma kruċjali wkoll sabiex jiġu identifikati l-oqsma li jeħtieġ li jiġu indirizzati permezz tal-baġit. L-analiżi tal-ġeneru hija prekundizzjoni għall-ibbaġitjar skont il-ġeneru u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki (finanzjarji), speċjalment il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), il-pakkett Next Generation EU u l-fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-Politika ta’ Koeżjoni, li hija waħda mill-għodod essenzjali għall-korrezzjoni tal-iżbilanċi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni. Il-KESE jirrakkomanda l-ġbir ta’ data speċifika għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Politika ta’ Koeżjoni skont indikaturi żviluppati b’mod espliċitu għal dan l-għan.

4.3.4Il-KESE jinnota bi pjaċir li l-Kummissjoni bdiet programm ta’ taħriġ intern dwar l-ibbaġitjar skont il-ġeneru, iżda dan għadu fuq skala żgħira. Il-KESE jixtieq jara li l-persuni kollha li jaħdmu fuq il-baġits tal-Kummissjoni Ewropea u fl-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej jiġu mħarrġa kif xieraq dwar l-investiment b’perspettiva tal-ġeneru, l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-ibbaġitjar skont il-ġeneru. Dan it-taħriġ fil-livell nazzjonali huwa kruċjali wkoll għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

4.3.5Il-KESE jemmen li huwa importanti li jinħolqu fondi u strumenti finanzjarji ddedikati biex jappoġġjaw l-intraprenditorija tan-nisa, inklużi fondi ta’ kapital ta’ riskju u ta’ ekwità privata mmexxija min-nisa (u mmexxija b’mod konġunt) u li jappartjenu għan-nisa, kif ukoll li jiġu esplorati soluzzjonijiet ta’ finanzjament innovattivi li jindirizzaw il-fallimenti tas-suq (eż. l-għotjiet iddedikati għan-nisa, il-finanzjament limitat iddedikat għall-imsieħba għal fondi li jappartjenu għan-nisa u bi sjieda konġunta, il-garanziji ta’ self jew mikrofinanzjament, il-pjattaformi ta’ koinvestiment, il-bonds tal-ġeneru jew il-mikrokrediti).

4.3.6Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-aġġornament tal-kriterji tal-fondi ta’ investiment huwa meħtieġ biex jitnaqqas id-distakk bejn il-ġeneri. Pereżempju, jekk fondi Ewropej bħal InvestEU u l-Fond Ewropew tal-Investiment jużaw l-“esperjenza” bħala kriterju importanti fil-finanzjament ta’ negozji ġodda iżda mhux id-“diversità”, ma nagħtux lin-nisa aċċess ugwali għas-suq kapitali. Il-KESE jissuġġerixxi li meta jkun hemm pjan għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li jinkludi l-istrateġija tal-fond dwar l-investiment b’perspettiva tal-ġeneru u l-impenn tal-fondi biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, dan għandu jkun kondizzjonali fil-valutazzjoni tal-fond ta’ fondi (funds of funds), il-kapital ta’ riskju u l-fondi ta’ ekwità privata meta ssir applikazzjoni għal finanzjament pubbliku.

4.3.7Il-prinċipji tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru u tal-investiment b’perspettiva tal-ġeneru jenħtieġ li jintużaw ukoll barra mill-fruntieri Ewropej fil-mekkaniżmi ta’ finanzjament estern, inklużi l-politiki ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp.

4.3.8Il-KE għandha twettaq valutazzjoni tal-baġit annwali tal-UE fir-rigward tal-impatt fuq il-ġeneri, u tippreżentaha bħala appendiċi. Dan l-appendiċi għall-baġit se jservi bħala dokument ta’ monitoraġġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri li għandu l-għan li jibdel is-sura tal-baġits fil-futur, u b’rabta ma’ dan, il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (FEMM) tal-PE jista’ jadotta opinjoni. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-informazzjoni u r-riċerka jiġu ppubblikati f’konsultazzjoni mal-esperti tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi tan-nisa ferm qabel id-deċiżjoni parlamentari dwar il-baġit annwali, sabiex jiġu promossi dibattiti wesgħin dwar il-politiki baġitarji u makroekonomiċi.

4.3.9Il-KESE jiddikjara li l-ġuriji kollha tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej għandhom jilħqu bilanċ bejn il-ġeneri mill-aktar fis possibbli biex jiġi evitat preġudizzju favur min hu simili jew il-preġudizzju bbażat fuq “ħwejjeġ simili li jattiraw lil xulxin” u għandhom ukoll jirċievu taħriġ dwar il-preġudizzju inkonsapevoli. Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, pereżempju, stabbilixxa mira li jtejjeb l-għadd ta’ negozji ġodda mmexxija min-nisa taħt il-programm aċċelleratur tiegħu billi jżid l-għadd ta’ membri nisa tal-ġurija għal 50 %, u billi jistieden lil aktar nisa biex joħolqu n-negozji tagħhom. Il-Kunsill żied il-perċentwal ta’ negozji ġodda mmexxija min-nisa minn 8 % għal 29 %.

4.3.10Nissuġġerixxu wkoll li jinħatar Direttur għall-Intrapriżi tan-Nisa jew Rappreżentant ta’ Livell Għoli fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u fi ħdan il-ministeri għall-intraprenditorija tal-Istati Membri bi rwol transdipartimentali għas-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tal-benefiċċji ekonomiċi tal-inkoraġġiment ta’ aktar nisa biex jibdew u jkabbru n-negozji, inklużi n-negozji soċjali.

4.3.11L-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw ir-rwol tal-aġenziji tal-iżvilupp pubbliċi, lokali jew reġjonali fis-suq tal-investiment u r-rwol tagħhom fl-impatt soċjali. Pereżempju, fin-Netherlands, dawn l-aġenziji tal-iżvilupp reġjonali jinvestu f’negozji ġodda u jagħtu importanza lill-impatt soċjali.

4.3.12Is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jaħdmu fuq l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri ġeneralment mhumiex iffinanzjati biżżejjed fl-Ewropa. Il-KESE jitlob li l-fondi tal-UE jsiru aktar aċċessibbli għall-organizzazzjonijiet tan-nisa billi jiġu ssemplifikati l-proċeduri u jiġu pprovduti għotjiet għall-attività ewlenija tagħhom. Il-proċeduri tal-għoti tal-fondi strutturali għandhom ikunu aktar allinjati mal-fondi diretti sabiex tiġi evitata l-burokrazija.

4.3.13Fl-aħħar nett, il-KESE jappella għal viżjoni ambizzjuża mill-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet Ewropej dwar l-ibbaġitjar skont il-ġeneru u l-investiment b’perspettiva tal-ġeneru, li tinkludi miri konkreti dwar l-għoti ta’ finanzjament lin-nisa, indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni konkreti, leġiżlazzjoni, kriterji aġġornati u programmi (intensifikati) dwar it-titjib tal-intraprenditorija tan-nisa u l-aċċess għall-finanzi. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit Grupp ta’ Ħidma dwar l-Ibbaġitjar skont il-Ġeneru fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, li jintegra l-perspettiva tal-ġeneri fil-QFP attwali u strumenti finanzjarji oħra. Bi tħejjija għal integrazzjoni aktar robusta tal-perspettiva tal-ġeneri fil-futur, il-KESE jissuġġerixxi li tinħoloq task force mill-aktar fis possibbli fost l-istituzzjonijiet tal-UE biex tipparteċipa fin-negozjati u tallinja u tinkludi l-objettivi tal-UE tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-QFP li jmiss.

Brussell, 14 ta' Diċembru 2022

Christa Schweng

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)    Bit-terminu ‘pinkwashing’ nfissru li nkunu taparsi attivi ħafna fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri iżda fir-realtà inkunu għadna lura, (komparabblui mat-terminu ‘greenwashing’ fis-sostenibbiltà).
(2)    D'Alfonso, A. (2021). Qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (europa.eu) (Briefing tal-EPRS; PE 637.979). Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet rieżami obbligatorju ta’ nofs it-terminu tal-funzjonament tal-QFP, li għandu jitwettaq sa Diċembru 2023, p. 8.
(3)     https://www.eib.org/attachments/thematic/why_are_women_entrepreneurs_missing_out_on_funding_en.pdf .
(4)      Il-Eurostat u l-Kummissjoni Ewropea. The State of European Tech 2020 (L-Istat tat-Teknoloġija Ewropea 2020 [mhux disponibbli bil-Malti]); Atomico (2020).
(5)       Why are women entrepreneurs missing out on funding? (Għaliex l-intraprendituri nisa qed jitilfu l-finanzjament? [mhux disponibbli bil-Malti]). Reflections and considerations - Executive summary (Riflessjonijiet u kunsiderazzjonijiet - Sommarju eżekuttiv [mhux disponibbli bil-Malti]), (eib.org).
(6)      Funding women entrepreneurs: How to empower growth (Il-finanzjament għall-intraprendituri nisa: Kif għandu jiġi awtonomizzat it-tkabbir [mhux disponibbli bil-Malti]), 2020.
(7)     https://europeanwomeninvc.idcinteractive.net/8/ .
(8)       COSME Programme Call for Proposals Encouraging community building around the issue of women entrepreneurship – Management and running of the WEgate platform (Sejħa għal Proposti tal-Programm COSME dwar L-inkoraġġament tal-bini ta’ komunità dwar il-kwistjoni tal-intraprenditorija tan-nisa – Il-ġestjoni u t-tmexxija tal-pjattaforma WEgate [mhux disponibbli bil-Malti]).
(9)       Women-Led Startups Received Just 2.3% of VC Funding in 2020 (hbr.org) (In-Negozji Ġodda Mmexxija min-Nisa Rċevew Biss 2,3 % tal-Finanzjament tal-Kapital ta’ Riskju fl-2020 [mhux disponibbli bil-Malti]).
(10)      UN Women (2021) Investment with a gender lens in Europe (Investiment b’perspettiva tal-ġeneru fl-Ewropa [mhux disponibbli bil-Malti]).
(11)     https://www.kauffmanfellows.org/journal_posts/women-vcs-invest-in-up-to-2x-more-female-founders .
(12)       SOC/584 dwar “Gender-based investments in national recovery and resilience plans” (SOC/731 dwar Investimenti abbażi tal-ġeneru fil-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza [mhux disponibbli bil-Malti]).
(13)     ĠU C 443, 22.11.2022, p. 63
(14)    Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE.
(15)      Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom, adottata fit-8 ta’ Novembru 2019.
(16)       The Value of Investing in Female Founders (Il-valur tal-investiment fil-fundaturi nisa [mhux disponibbli bil-Malti]), (Forbes, 2019).
(17)      Skont S&P Global, li stħarrġet lil investituri fi 11-il pajjiż.
(18)      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Bini ta’ ekonomija għas-servizz tan-nies: pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali, Brussell, 9 ta’ Diċembru 2021 COM(2021) 778 final.
(19)      Il-Finanzjament tal-Intraprendituri Nisa permezz tal-QFP 2021-2027 Seduta tal-Parlament Ewropew dwar in-Nisa u l-Investiment | 19 ta’ April 2021.
(20)     https://www.british-business-bank.co.uk/investing-in-women-code/ .
(21)      Eżempju tajjeb huwa l-istandard ‘Diversity VC’ li attwalment jintuża madwar l-UE u l-Istati Uniti: www. diversity.vc .
(22)

      Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, Brief dwar l-akkwist pubbliku sensittiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru , (mhux disponibbli bil-Malti), p.4.

Top