Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2020-04216-AS

Ħlas transkonfinali / Kodifikazzjoni

EESC-2020-04216-AS

MT

INT/914

Ħlas transkonfinali/Kodifikazzjoni

OPINJONI

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħlas transkonfinali fl-Unjoni (kodifikazzjoni)
[COM(2020) 323 final - 2020/0145 (COD)]

 

Amministratur

Marie-Laurence DRILLON

Data tad-dokument

13/11/2020

Relatur uniku: Gonçalo LOBO XAVIER

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 23/07/2020

Kunsill, 15/10/2020

Bażi legali

Artikolu 114(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Is-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

10/11/2020

Adottata fil-plenarja

DD/MM/YYYY

Sessjoni plenarja Nru

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ħlas transkonfinali fl-Unjoni li għandha l-għan li tnaqqas l-ispejjeż għall-ħlasijiet transkonfinali bl-euro u li ġġib aktar trasparenza rigward l-imposti fuq il-kambju tal-munita.

1.2Il-KESE japprova l-fatt li l-Kummissjoni għandha tanalizza possibbiltajiet ulterjuri – u l-fattibbiltà teknika ta' dawk il-possibbiltajiet – li testendi r-regola dwar l-imposti ugwali għall-muniti kollha tal-Unjoni u li ttejjeb aktar it-trasparenza u l-komparabbiltà tal-imposti fuq il-kambju tal-munita. L-estensjoni tar-regola dwar l-imposti ugwali għall-muniti kollha tal-Unjoni tmur saħansitra lil hinn fl-approfondiment tas-suq intern u tevita kwalunkwe diskriminazzjoni kontra ċittadini li jgħixu barra miż-żona tal-euro u li jistgħu, pereżempju, jibdew tranżazzjoni transkonfinali f'munita differenti mill-euro.

1.3Fir-rigward tas-sottomissjoni u l-perjodu ta' kopertura ta' din l-Opinjoni li għandha l-għan li tevalwa diversi aspetti tal-impatt tal-proposta għal Regolament, il-KESE jaqbel mal-fatt li din għandha tiġi ppreżentata l-aktar tard sad-19 ta' April 2022 u tkopri tal-inqas il-perjodu mill-15 ta' Diċembru 2019 sad-19 ta' Ottubru 2021.

1.4Peress li din hija kodifikazzjoni u minħabba li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu, bi ftehim interistituzzjonali datat fl-20 ta' Diċembru 1994, li tista' tintuża proċedura aċċellerata għall-adozzjoni rapida ta' atti ta' kodifikazzjoni (peress li l-ebda bidla ma tista' ssir fuq l-atti soġġetti għal kodifikazzjoni), il-KESE japprova bis-sħiħ l-20 ta' April 2021 bħala d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament attwali.

2.    Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1Fil-kuntest ta' Ewropa tal-poplu, il-Kummissjoni tpoġġi l-enfasi fuq is-simplifikazzjoni u l-kjarifika tad-dritt tal-Unjoni sabiex tagħmlu aktar ċar u aċċessibbli għaċ-ċittadini. Ma jistax jintlaħaq dan l-objettiv jekk bosta dispożizzjonijiet li ġew emendati ħafna drabi, spiss b'mod sostanzjali, jibqgħu mferrxin bejn l-att oriġinali u atti sussegwenti li jemendaw l-att oriġinali. Hemm bżonn għalhekk ta’ xogħol ta’ riċerka konsiderevoli li jqabbel ħafna atti differenti ma’ xulxin sabiex jiġu identifikati r-regoli attwalment fis-seħħ. Għal din ir-raġuni, huwa essenzjali wkoll li ssir kodifikazzjoni ta' regoli li ġew emendati ta' sikwit sabiex il-liġi tkun ċara u trasparenti 1 .

2.2L-għan ta' din il-proposta tal-Kummissjoni, COM(2020) 323 final, huwa li ssir il-kodifikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001. Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 ġie emendat mir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u sussegwentement mir-Regolament (UE) Nru 2019/518 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 .

2.3Ir-Regolament il-ġdid jissostitwixxi d-diversi atti inkorporati fih; il-proposta attwali tħares bis-sħiħ il-kontenut tal-atti li qegħdin jiġu kkodifikati u għalhekk kull ma tagħmel huwa li tgħaqqadhom flimkien mal-emendi formali biss li huma meħtieġa għall-eżerċizzju ta' kodifikazzjoni nnifsu 3 .

3.    Kummenti ġenerali

3.1Il-ħlasijiet transkonfinali huma kruċjali għall-integrazzjoni tal-ekonomija tal-UE, u għandhom rwol importanti biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini u l-intrapriżi mill-Istati Membri kollha tal-UE jgawdu l-istess drittijiet offruti mis-suq uniku 4 . Fil-fatt, il-ħlasijiet huma element ewlieni tas-suq uniku li jinkludi l-moviment liberu tal-prodotti, il-persuni, is-servizzi u l-kapital. Kif iddikjarat fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Impact Assessment Accompanying the document Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council amending Regulation (EC) No 924/2009 as regards certain charges on cross-border payments in the Union and currency conversion charge (Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 fir-rigward ta' ċerti imposti fuq ħlas transkonfinali fl-Unjoni u l-imposti fuq il-kambju tal-munita) 5 , spejjeż għoljin ta' ħlasijiet transkonfinali qed joħolqu ostakoli għas-suq uniku – ostakli effettivi għal attivitajiet transkonfinali tal-unitajiet domestiċi (xiri ta' oġġetti/servizzi f'żona b'munita oħra) u tal-intrapriżi (jintużaw fornituri li jinsabu barra mill-pajjiż, jintlaħqu klijenti f'żona b'munita oħra) (...). Spejjeż għoljin ta' ħlasijiet transkonfinali joħolqu wkoll żewġ kategoriji ta' utenti ta' servizzi ta' pagament: dawk fiż-żona tal-euro li, bil-pagamenti tagħhom, jistgħu jilħqumaġġoranza ta' ċittadini u negozji tal-UE bi spejjeż baxxi ħafna, u dawk fil-pajjiżi mhux fiż-żona tal-euro li jistgħu jilħqu biss numru żgħir ta' nies u negozji bi ħlasijiet bi prezz baxx. Biex jiġu indirizzati dawn iż-żewġ kwistjonijiet, azzjoni leġiżlattiva fil-livell tal-UE hija l-aktar rispons effettiv, u hija konformi mal-objettivi tat-Trattati.

3.2Sa mill-introduzzjoni tal-euro, l-UE wettqet bosta inizjattivi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet transkonfinali 6 . Maż-żmien, il-leġiżlazzjoni relatata mal-ħlasijiet transkonfinali avvanzat permezz ta' passi differenti li kellhom l-għan li jnaqqsu l-ispejjeż għaċ-ċittadini u l-intrapriżi fiż-żona tal-euro. Madankollu, kif iddikjarat fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq 7 , ħlasijiet transkonfinali bl-euro li joriġinaw minn pajjiżi mhux fiż-żona tal-euro kif ukoll ħlasijiet transkonfinali mhux bl-euro, ikun x'ikun il-pajjiż tal-oriġini jew id-destinazzjoni, ma segwewx l-istess tendenza f'dak li jirrigwarda l-livell ta' tariffi mħallsa mill-utenti ta' servizzi ta' pagament.

3.3Il-proposta attwali tal-Kummissjoni tirrappreżenta pass ieħor fid-direzzjoni biex jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi. Din temenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 bil-għan li:

a)jitnaqqsu l-ispejjeż għal ħlasijiet transkonfinali bl-euro: fi kliem ieħor, il-prezz tat-tranżazzjonijiet ta' ħlasijiet transkonfinali intra-UE bl-euro m'għandux ikun differenti minn dak ta' tranżazzjonijiet domestiċi magħmula fil-munita nazzjonali tal-Istati Membri. L-Istati Membri li m'għandhomx l-euro bħala l-munita nazzjonali tagħhom jistgħu jiddeċiedu li jestendu l-applikazzjoni tar-Regolament attwali għall-munita nazzjonali tagħhom (inklużjoni fakultattiva), sakemm dawn jinnotifikaw lill-Kummissjoni kif meħtieġ;

b)tinġieb aktar trasparenza rigward l-imposti fuq il-kambju tal-munita, sabiex jiġu protetti l-konsumaturi kontra imposti eċċessivi għal servizzi ta' kambju tal-munita u jiġi żgurat li jingħataw l-informazzjoni li jeħtieġu biex jagħmlu l-aħjar għażla tal-kambju tal-munita 8 .

3.4Iż-żewġ azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni jirrappreżentaw pass 'il quddiem biex jiġu pprovduti opportunitajiet indaqs lill-SMEs kullimkien fl-Ewropa, u biex jiġi sfruttat il-potenzjal tas-suq uniku 9 . L-SMEs li jinsabu fiż-żona tal-euro jiksbu domanda potenzjalment ogħla mill-konsumaturi u l-intrapriżi bbażati fi Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro (fejn tariffi għoljin għal ħlasijiet transkonfinali jikkostitwixxu ostakolu sinifikanti). Min-naħa tagħhom, l-SMEs ibbażati fi Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro jkollhom aċċess bi spejjeż baxxi għal 360 miljun ċittadin (klijenti potenzjali) u 16-il miljun intrapriża taż-żona tal-euro (klijenti u fornituri). Għalhekk, ikunu jistgħu jikkompetu aħjar fis-suq tal-UE 10 . Impatt ieħor mistenni huwa l-promozzjoni ta' ugwaljanza akbar bejn iċ-ċittadini Ewropej rigward l-aċċess għal ħlasijiet transkonfinali bi spiża baxxa.

4.    Kummenti speċifiċi

4.1Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 dwar il-ħlas transkonfinali ġab fl-istess livell, fl-UE, it-tariffi għall-ħlasijiet transkonfinali bl-euro intra-UE u t-tariffi għall-pagamenti domestiċi bl-euro (jiġifieri għal tranżazzjonijiet fl-istess Stat Membru). L-Istati Membri tal-UE barra ż-żona tal-euro jistgħu jiddeċiedu li jestendu l-applikazzjoni tar-Regolament attwali għall-munita nazzjonali tagħhom, sakemm jinnotifikaw lill-Kummissjoni kif meħtieġ.

4.2Għalkemm il-proposta għal Regolament tikkostitwixxi pass importanti lejn l-approfondiment tas-suq intern, ta' min jirrifletti fuq il-possibbiltà li r-regola dwar l-imposti ugwali tiġi estiża għall-muniti kollha tal-Unjoni, kif imsemmi fil-premessa 12. Fil-fatt, jistgħu jiġu osservati sitwazzjonijiet fejn xi banek li jinsabu fi Stati Membri barra miż-żona tal-euro jitolbu ħlas ta' bejn EUR 15 u 30 għal tranżazzjoni transkonfinali ta' ammont ekwivalenti għal EUR 100.

4.3L-estensjoni tar-regola dwar l-imposti ugwali għall-muniti kollha tal-Unjoni tkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi ta' servizzi finanzjarji li jkunu ttrattati indaqs, indipendentement mill-Istat Membru jew mill-munita li biha jagħmlu tranżazzjoni transkonfinali. L-estensjoni tar-regola dwar l-imposti ugwali għall-muniti kollha tal-Unjoni tkun pass saħansitra aktar ambizzjuż, peress li timplika li l-fornituri ta' servizzi ta' pagament jallinjaw it-tariffi tagħhom għat-tranżazzjonijiet transkonfinali kollha bejn il-pajjiżi tal-UE fi kwalunkwe munita tal-UE mat-tranżazzjonijiet domestiċi, inklużi tranżazzjonijiet f'muniti li mhumiex dawk tal-pajjiż mittenti jew riċevitur. L-utenti ta' servizzi ta' pagament ċertament jibbenefikaw minn għażla bħal din, iżda din timplika spejjeż sinifikanti għall-fornituri ta' servizzi ta' pagament, fost l-oħrajn, f'termini ta' infrastruttura 11 .

4.4Il-Kummissjoni Ewropea għandha mingħajr dubju tirrifletti aktar dwar din il-possibbiltà, billi tanalizza l-benefiċċji u l-ispejjeż għall-partijiet ikkonċernati kollha.

Brussell, 10 ta’ Novembru 2020

Alain COHEUR

President tas-Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

_____________

(1)       COM(2020) 323 final .
(2)      Idem.
(3)       Ibidem .
(4)      Ara l-Briefing tal-PE Cross-border euro transfers and currency conversions – A step forward in favour of the single market (Trasferimenti transkonfinali bl-euro u kambji tal-munita – Pass 'il quddiem favur is-suq uniku). https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/BRIE/2018/628291/EPRS_BRI(2018)628291_EN.pdf
(5)      Ara https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CONSIL%3AST_7844_2018_ADD_1&from=FR (mhux disponibbli bil-Malti)
(6)      Ara pereżempju r- Regolament SEPA (UE) Nru 260/2012 , li introduċa sett ta' standards għal tranżazzjonijiet bl-euro (trasferimenti ta' kreditu SEPA, debiti diretti SEPA), jew id- Direttivi dwar is-Servizzi ta' Ħlas li żiedu t-trasparenza tat-tariffi u ppermettew lill-atturi l-ġodda jidħlu fis-suq.
(7)      Ara https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CONSIL%3AST_7844_2018_ADD_1&from=FR (mhux disponibbli bil-Malti)
(8)      Ara https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/BRIE/2018/628291/EPRS_BRI(2018)628291_EN.pdf (mhux disponibbli bil-Malti)
(9)       Idem .
(10)      Ara https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CONSIL%3AST_7844_2018_ADD_1&from=FR (mhux disponibbli bil-Malti)
(11)      Ara https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CONSIL%3AST_7844_2018_ADD_1&from=FR (mhux disponibbli bil-Malti)
Top