REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 4.3.2021
dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ data relatata mal-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief skont ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1014/2010, (UE) Nru 293/2012, (UE) 2017/1152 u (UE) 2017/1153
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 1 , u b’mod partikolari l-Artikoli 7(7), 12(4), 13(4) u 15(7) tiegħu,
Billi:
(1)Il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ data relatata ma’ karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief irreġistrati fl-Unjoni huma essenzjali għall-funzjonament tal-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/631. Meta jitqies li dak ir-Regolament beda japplika fl-1 ta’ Jannar 2020, huwa xieraq li jiġu ssimplifikati u ċċarati d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1014/2010 2 u (UE) Nru 293/2012 3 u li dawk id-dispożizzjonijiet jiddaħħlu f’Regolament ta’ Implimentazzjoni wieħed uniku. Madankollu, għar-rapportar tad-data għas-sena kalendarja 2020, huwa xieraq li kemm id-dispożizzjonijiet il-ġodda kif ukoll dawk eżistenti jitħallew jikkoinċidu sat-28 ta’ Frar 2021.
(2)Jeħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ data relatata ma’ karozzi ġodda tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief ġodda li għandhom jiġu segwiti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, mill-manifatturi, kif ukoll mill-Kummissjoni u mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA).
(3)Iċ-ċiklu ta’ monitoraġġ u rapportar previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2019/631 jikkonsisti fi tliet passi ewlenin: ir-rapportar annwali mill-awtoritajiet tal-Istati Membri lill-Kummissjoni tad-data provviżorja bbażata fuq ir-reġistrazzjonijiet ta’ vetturi ġodda fis-sena kalendarja preċedenti; it-trażmissjoni ta’ dik id-data provviżorja mill-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-EEA, lill-manifatturi kkonċernati; il-verifika ta’ dik id-data mill-manifatturi u, fejn meħtieġ, in-notifika lill-Kummissjoni dwar il-korrezzjonijiet għal dik id-data.
(4)Il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-atturi differenti, bħala parti minn dawk it-tliet passi fil-limiti ta’ żmien rilevanti, jenħtieġ li jiġu speċifikati b’mod ċar, bl-objettiv li jiġu żgurati r-robustezza u l-affidabbiltà tas-sett ta’ data finali ppubblikat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/631, li abbażi tiegħu jiġu ddeterminati l-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2 ta’ manifattur u l-konformità mal-mira tal-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 tiegħu.
(5)Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2019/631, il-Kummissjoni hija meħtieġa tiġbor, mill-2021, data dwar il-konsum tal-fjuwil jew tal-enerġija tal-użu reali tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief li jiġu rreġistrati minn apparat għall-monitoraġġ tal-konsum tal-fjuwil u/jew tal-enerġija abbord kif previst fl-Artikolu 4a tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 4 .
(6)Din id-data tal-użu reali jenħtieġ li tinġabar hekk kif issir disponibbli, peress li huwa essenzjali li jiġi identifikat, malajr kemm jista’ jkun, kif id-differenza bejn l-emissjonijiet tal-użu reali u l-konsum tal-fjuwil jew tal-enerġija u l-valuri korrispondenti tal-approvazzjoni tat-tip tevolvi maż-żmien, kemm għall-monitoraġġ tal-effettività tal-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-vetturi, kif ukoll għall-informazzjoni lill-pubbliku.
(7)Sabiex jiġi żgurat li jkun possibbli li jkun hemm aċċess għal data dwar il-konsum tal-fjuwil u l-enerġija tal-użu reali mill-aktar fis possibbli, il-manifatturi jenħtieġ li jintalbu jiġbru din id-data minn karozzi ġodda tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief ġodda rreġistrati mill-1 ta’ Jannar 2021. Din id-data tista’ tinġabar jew permezz ta’ trasferimenti diretti ta’ data minn vetturi lill-manifatturi, jew permezz tan-negozjanti awtorizzati jew tas-sewwejja awtorizzati tagħhom meta l-vetturi jiddaħħlu għal service jew tiswijiet u d-data abbord għandha tinqara għal skopijiet oħra. Meta din id-data tkun saret disponibbli għal manifattur, jenħtieġ li tiġi rrapportata lill-Kummissjoni, li tibda b’data relatata ma’ vetturi ġodda rreġistrati fl-Unjoni għall-ewwel darba fl-2021.
(8)Skont ir-Regolament (UE) 2017/1151, l-obbligu li l-vetturi jiġu mgħammra b’apparat għall-monitoraġġ tal-konsum tal-fjuwil jew tal-enerġija abbord ma japplikax għal ċerti manifatturi ta’ volumi żgħar, u għalhekk huwa xieraq li dawn jenħtieġ li jiġu eżentati wkoll mill-obbligu li jiġbru u jirrapportaw id-data tal-użu reali. Madankollu, dan jenħtieġ li ma jżommx lill-manifatturi ta’ volumi żgħar milli jipprovdu data tal-użu reali f’każ li jkunu jixtiequ hekk.
(9)Id-data dwar il-konsum tal-fjuwil u tal-enerġija tal-użu reali jenħtieġ li tinġabar mill-Istati Membri bħala parti mit-testijiet tal-affidabbiltà stradali mwettqa skont id-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 . Sabiex dan il-kompitu jiġi ffaċilitat, huwa xieraq li l-obbligu li tinġabar id-data tal-użu reali jiġi allinjat mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2014/45/UE, kemm fir-rigward tal-iskedi nazzjonali għat-testijiet tal-affidabbiltà stradali kif ukoll għall-qari tad-data mill-port serjali dijanjostiku abbord tal-vetturi. Għalhekk il-ġbir ta’ data jenħtieġ li jibda mill-ewwel testijiet tal-affidabbiltà stradali u jenħtieġ li ma jkunx meħtieġ qabel l-20 ta’ Mejju 2023, li hija d-data minn meta l-korpi u l-istabbilimenti li jwettqu dawk it-testijiet għandhom ikunu mgħammra bl-apparat meħtieġ, bħal għodod tal-iskennjar, skont dik id-Direttiva. Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li ma jinżammux milli jagħtu data qabel dik id-data, jekk ikunu jixtiequ hekk.
(10)Il-manifatturi u l-Istati Membri jenħtieġ li jirrappurtaw id-data tal-użu reali miġbura matul sena kalendarja lill-Kummissjoni u lill-EEA, billi jużaw il-proċeduri tat-trażmissjoni tad-data pprovduti mill-EEA. Jekk din id-data ma tkunx disponibbli, li jista’ jkun il-każ b’mod partikolari fl-ewwel snin kalendarji wara l-2021, il-manifatturi u l-Istati Membri jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni u jagħtu r-raġunijiet għal dan.
(11)Id-data dwar il-konsum tal-fjuwil u tal-enerġija tal-użu reali jenħtieġ li tinġabar flimkien man-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura (VIN). Il-VIN jitqies bħala data personali mill-mument li fih tiġi rreġistrata l-vettura, u għalhekk huwa soġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fir-rigward tal-protezzjoni ta’ data ta’ dak it-tip fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. 6 L-ipproċessar tal-VINs għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2019/631 jenħtieġ li jitqies bħala legali skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi speċifikat li l-entitajiet involuti fil-ġbir, fir-rapportar u fl-ipproċessar tal-VINs, għandhom jitqiesu bħala kontrolluri ta’ dik id-data skont it-tifsira tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 u, fir-rigward tal-EEA u tal-Kummissjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 . Jenħtieġ li jiġi żgurat ukoll li l-VINs jinġabru bl-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni sikuri, u li s-suġġetti tad-data, jiġifieri s-sidien tal-vetturi, ikunu infurmati b’mod adegwat skont l-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2016/679.