Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C(2019)5781

DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) .../... li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb fl-istann użat f’ċerti magni b’kombustjoni

C/2019/5781 final

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Din id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (tfassil mill-ġdid) 1 (id-Direttiva RoHS 2) fir-rigward ta’ eżenzjoni għal applikazzjonijiet speċifiċi li fihom iċ-ċomb.

Id-Direttiva RoHS 2 tirrestrinġi l-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku, kif previst fl-Artikolu 4 tagħha. Daħlet fis-seħħ fil-21 ta’ Lulju 2011.

Is-sustanzi ristretti huma elenkati fl-Anness II tad-Direttiva RoHS 2. Filwaqt li r-restrizzjonijiet fuq iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibromurati u l-eteri tad-difenil polibromurati huma diġà fis-seħħ, ir-restrizzjonijiet fuq il-ftalat tal-bis(2-etileżil) (DEHP), il-ftalat tal-butilbenżil (BBP), il-ftalat tad-dibutil (DBP) u l-ftalat tad-diisobutil (DIBP) jibdew japplikaw mit-22 ta’ Lulju 2019 jew aktar tard. L-Annessi III u IV tad-Direttiva RoHS 2 jelenkaw il-materjali u l-komponenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) għal applikazzjonijiet speċifiċi eżentati mir-restrizzjoni fuq is-sustanzi skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva RoHS 2.

L-Artikolu 5 jipprevedi l-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku (l-inklużjoni, it-tiġdid, l-emendi u r-revokar tal-eżenzjonijiet) tal-Annessi III u IV. Skont l-Artikolu 5(1)(a) l-eżenzjonijiet iridu jiġu inklużi fl-Annessi III u IV biss jekk l-inklużjoni tagħhom ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 2 u meta tkun issodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: it-tneħħija jew is-sostituzzjoni tagħhom permezz ta’ bidliet fid-disinn jew fil-materjali u fil-komponenti li ma jeħtieġu l-ebda materjal jew sustanzi elenkati fl-Anness II mhijiex prattikabbli mil-lat xjentifiku jew tekniku; l-affidabbiltà tas-sostituti mhijiex żgurata; jew it-total tal-impatti negattivi fuq l-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur ikkawżati mis-sostituzzjoni x’aktarx li jkun ogħla mit-total tal-benefiċċji għall-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur.

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) jipprevedi li l-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) għandha tinkludi materjali u komponenti tal-EEE għal applikazzjonijiet speċifiċi fil-listi tal-Annessi III u IV permezz ta’ atti delegati individwali f’konformità mal-Artikolu 20. L-Artikolu 5(3) u l-Anness V jistabbilixxu l-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għoti, għat-tiġdid jew għar-revoka ta’ eżenzjoni.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Mill-pubblikazzjoni tad-Direttiva RoHS 2, il-Kummissjoni rċeviet għadd sostanzjali 3 ta’ talbiet mingħand l-operaturi ekonomiċi, skont id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 5(3) u fl-Anness V, kemm għall-għoti ta’ eżenzjonijiet ġodda kif ukoll għat-tiġdid ta’ dawk eżistenti.

Il-Kummissjoni rċeviet talba għal eżenzjoni ġdida tal-Anness III għall-użu taċ-ċomb fl-istann tas-sensors, fl-actuators u fl-unitajiet ta’ kontroll tal-magna (ECUs) li jintużaw biex jimmonitorjaw u jikkontrollaw sistemi tal-magni li jinkludu t-turbochargers u l-kontrolli tal-emissjonijiet tal-exhaust ta’ magni b’kombustjoni interna użati f’tagħmir li mhuwiex maħsub biex jintuża biss mill-konsumaturi fid-29 ta’ Ġunju 2017 (it-talba nru 2017–7). L-eżenzjoni ntalbet għall-kategorija 11 4 .

Sabiex issir evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal eżenzjoni, il-Kummissjoni nediet studju biex titwettaq il-valutazzjoni teknika u xjentifika meħtieġa, li kienet tinkludi konsultazzjoni online u miftuħa ta’ sitt ġimgħat mal-partijiet ikkonċernati 5 dwar l-applikazzjoni. Waqt il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati wasal kontribut wieħed.

Ir-rapport finali li fih il-valutazzjoni tal-applikazzjoni ġie ppubblikat 6 ; u l-partijiet ikkonċernati ġew notifikati b’dan.

Sussegwentement, fid-29 ta’ Ottubru 2018 waqt laqgħa tal-esperti, il-Kummissjoni kkonsultat grupp ta’ esperti tal-Istati Membri għall-atti delegati skont id-Direttiva RoHS 2. Iċ-ċarezza tat-test propost għal din l-eżenzjoni ġiet diskussa mill-esperti. Il-kliem rakkomandat ġie emendat sussegwentement; b’mod partikolari, il-kelma “stann” ġiet miżjuda mat-test. L-esperti qablu mal-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni, b’maġġoranza kbira ta’ membri li ma ddikjarawx il-fehma tagħhom. F’konformità mal-Linji Gwida dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar, l-abbozz tad-Direttiva Delegata ġie ppubblikat fuq il-Portal tar-Regolamentazzjoni Aħjar għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat sabiex jinġabru r-reazzjonijiet mill-pubbliku. Ma waslu ebda kummenti. Twettqu l-passi kollha applikabbli relatati mal-eżenzjonijiet mir-restrizzjoni tas-sustanza skont l-Artikoli 5(3) sa 5(7) 7 . Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ġew notifikati dwar l-attivitajiet kollha.

Ir-rapport finali saħaq l-aktar fuq l-informazzjoni u l-valutazzjoni tekniċi li ġejjin:

·Il-kundizzjonijiet esperjenzati fil-magna u fl-exhaust u qribhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mitluba jistgħu jkunu severi ħafna b’temperaturi u b’livelli ta’ vibrazzjoni elevati li jistgħu jikkawżaw falliment bikri tal-legaturi tal-istann. Kull magna hija ddisinjata b’tipi speċifiċi ta’ sensors (kif ukoll ta’ attwaturi u ta’ ECUs) li jridu jiġu ttestjati bir-reqqa biex jiġi żgurat li jkunu affidabbli u li l-magni jissodisfaw il-limiti tal-emissjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2016/1628 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq.

·Attwalment, għall-applikazzjonijiet ikkonċernati, jenħtieġ żmien addizzjonali għall-ittestjar sabiex tkun żgurata l-affidabbiltà ta’ alternattivi disponibbli mingħajr ċomb.

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni għall-Kategorija 11 juru li l-eżenzjoni speċifika ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH), f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/65/UE. Barra minn hekk, mill-inqas wieħed mill-kriterji rilevanti speċifikati fl-Artikolu 5(1)(a) huwa ssodisfat permezz tat-talba għal eżenzjoni: Billi llum għall-applikazzjonijiet ikkonċernati, għad m’hemm ebda alternattivi affidabbli disponibbli, jew li mistennija jidħlu fis-suq dalwaqt, l-għoti tal-eżenzjoni b’perjodu massimu ta’ validità ta’ ħames snin, li jibda mit-22 ta’ Lulju 2019 8 , huwa ġġustifikat. Billi għad m’hemmx sostituti affidabbli disponibbli, tul dan il-perjodu mhu mistenni ebda impatt soċjoekonomku negattiv tas-sostituzzjoni. Lanqas il-perjodu ta’ validità mogħti mhu mistenni jħalli impatti negattivi fuq l-innovazzjoni.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

Id-Direttiva Delegata tagħti eżenzjoni mir-restrizzjonijiet fl-Artikolu 4(1), li jridu jiġu elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, għall-użu taċ-ċomb f’applikazzjonijiet speċifiċi.

L-istrument huwa Direttiva Delegata, kif previst fid-Direttiva 2011/65/UE, u b’mod partikolari f’konformità mar-rekwiżiti rilevanti fl-Artikolu 5(1)(a) tagħha.

Id-Direttiva Delegata għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent u tapprossima d-dispożizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tat-tagħmir elettriku u elettroniku, billi tippermetti l-użu ta’ sustanzi li suppost huma pprojbiti għal applikazzjonijiet speċifiċi, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva RoHS 2 u skont il-kundizzjonijiet mogħtija fiha u f’konformità mal-proċedura stabbilita fiha għall-adattament tal-Annessi III u IV għall-progress xjentifiku u tekniku.

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità l-miżura ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tagħha.

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 8.8.2019

li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb fl-istann użat f’ċerti magni b’kombustjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku 9 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)Id-Direttiva 2011/65/UE teżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih ċerti sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dak ir-rekwiżit ma japplikax għall-applikazzjonijiet elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE.

(2)Il-kategoriji differenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(3)Iċ-ċomb hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE. Fid-29 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni li saret f’konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/65/UE dwar eżenzjoni li għandha tiġi elenkata fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, għall-użu taċ-ċomb fl-istann tas-sensors, l-actuators u l-unitajiet ta’ kontroll tal-magni li jintużaw biex jimmonitorjaw u jikkontrollaw sistemi tal-magni, li jinkludu t-turbochargers u l-kontrolli tal-emissjonijiet tal-exhaust ta’ magni b’kombustjoni interna użati f’tagħmir li mhuwiex maħsub biex jintuża biss mill-konsumaturi (“l-eżenzjoni mitluba”) .

(4)L-evalwazzjoni tal-eżenzjoni mitluba kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE.

(5)Kull magna fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mitluba hija mgħammra b’tipi speċifiċi ta’ sensors, attwaturi u unitajiet ta’ kontroll tal-magna li jimmonitorjaw u jikkontrollaw l-emissjonijiet tagħha biex jiżguraw il-konformità mar-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 . Il-kundizzjonijiet esperjenzati f’tali magna u sistema tal-exhaust u qribhom jistgħu jkunu daqstant severi f’termini ta’ temperaturi u ta’ livelli ta’ vibrazzjoni elevati li jistgħu jikkawżaw falliment bikri tal-legaturi tal-istann.

(6)Attwalment, għall-applikazzjonijiet taċ-ċomb koperti mill-eżenzjoni mitluba, jenħtieġ żmien addizzjonali għall-ittestjar sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà tas-sostituti disponibbli mingħajr ċomb.

(7)Minħabba n-nuqqas ta’ sostituti affidabbli, is-sostituzzjoni jew l-eliminazzjoni taċ-ċomb għadha xjentifikament u teknikament imprattikabbli f’ċerti magni b’kombustjoni. L-eżenzjoni hija konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 u għalhekk ma ddgħajjifx il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa mogħtija minnu.

(8)Għalhekk, jixraq li tingħata l-eżenzjoni mitluba billi jiddaħħlu l-applikazzjonijiet koperti minnha fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE fir-rigward tat-tagħmir elettriku u elettroniku tal-kategorija 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE.

(9)Jenħtieġ li l-eżenzjoni tingħata għall-perjodu ta’ validità massima ta’ ħames snin li jibda mit-22 ta’ Lulju 2019, f’konformità mal-Artikolu 4(3) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi għaddejjin biex tinsab sostituzzjoni affidabbli, aktarx li t-tul tal-eżenzjoni mhux se jħalli impatti negattivi fuq l-innovazzjoni.

(10)Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE hu emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mi[nn] [l-aħħar jum tal-ħames xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amminstrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mi[nn] [l-aħħar jum tal-ħames xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva + 1 jum].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 8.8.2019

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Jean-Claude JUNCKER

(1)    ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
(2)    ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(3)    Il-lista tinsab fuq: http://ec.europa.eu/environment/waste/rohs_eee/adaptation_en.htm
(4)    Il-kategoriji elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE huma prinċipalment: 1. Apparat elettrodomestiku kbir; 2. Apparat elettrodomestiku żgħir; 3. Tagħmir tal-informatika u t-telekomunikazzjoni; 4. Tagħmir tal-konsumatur; 5. Tagħmir tat-tidwil; 6. Għodda elettrika u elettronika; 7. Ġugarelli, tagħmir ta’ divertiment u tal-isport; 8. Apparat mediku; 9. Strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll inklużi strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali; 10. Apparat ta’ distribuzzjoni awtomatika; 11. EEE ieħor mhux kopert mill-kategoriji t’hawn fuq.
(5)     Perjodu ta’ konsultazzjoni : mill-20.10.2017 sal-01.12.2017.
(6)

   https://publications.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/0814e920-4c55-11e9-a8ed-01aa75ed71a1/language-en.

(7)    Lista tal-passi amministrattivi meħtieġa tinsab fuq is- sit web tal-Kummissjoni . Wieħed jista’ jara l-istadju attwali tal-proċedura għal kull abbozz ta’ att delegat fir-Reġistru Interistituzzjonali tal-Atti Delegati fuq https://webgate.ec.europa.eu/regdel/#/home .
(8)    Ir-restrizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2011/65/UE se jsiru applikabbli għall-kategorija 11 fit-22 ta’ Lulju 2019. Il-perjodu ta’ validità tal-eżenzjoni għall-kategorija 11 huwa speċifikat fl-Artikolu 5(2) ta’ dik id-Direttiva.
(9)    ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
(10)    Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53).
(11)    Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
Top

ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, jiżdied il-punt 44 li ġej:

“44

Iċ-ċomb fl-istann tas-sensors, l-actuators, u l-unitajiet ta’ kontroll tal-magna ta’ magni b’kombustjoni fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, installati f’tagħmir użat f’pożizzjonijiet fissi waqt li jkun qed jitħaddem li hu maħsub għall-professjonisti, iżda li jintuża wkoll minn utenti mhux professjonisti

Tapplika għall-kategorija 11 u tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2024 .

*    Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE, (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53).”

Top