Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C(2019)2267

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../... li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2378 rigward il-formoli standard, li jinkludu l-arranġamenti lingwistiċi, għall-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni dwar arranġamenti transfruntiera rapportabbli

    C/2019/2267 final

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

    ta’ 28.3.2019

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2378 rigward il-formoli standard, li jinkludu l-arranġamenti lingwistiċi, għall-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni dwar arranġamenti transfruntiera rapportabbli

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 20(5) tagħha,

    Billi:

    (1)Id-Direttiva 2011/16/UE kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 2 tipprevedi l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni dwar arranġamenti transkonfinali rapportabbli. Għal dawk l-iskambji jenħtieġ li tintuża formola standard li tinkludi arranġamenti lingwistiċi.

    (2)Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2378 3 jiġi emendat biex jipprevedi din il-formola standard.

    (3)It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2011/16/UE jistipula li l-formola standard ma għandhiex teċċedi l-komponenti għall-iskambju tal-informazzjoni elenkati fl-Artikolu 8ab(14) tad-Direttiva 2011/16/UE u oqsma oħra relatati marbuta ma’ dawn il-komponenti u li huma meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-Artikolu 8ab ta’ dik id-Direttiva. Sabiex jiġi żgurat li l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni dwar l-arranġamenti transkonfinali rapportabbli jkun effettiv, speċjalment fejn aktar minn intermedjarju wieħed jew kontribwent rilevanti jkun responsabbli li jippreżenta informazzjoni, huwa importanti li jiġi inkluż qasam addizzjonali li jkun fih numru ta’ referenza tal-arranġament transkonfinali rapportabbli. Jekk aktar minn intermedjarju wieħed jew kontribwent rilevanti jkun obbligat jippreżenta l-informazzjoni, jenħtieġ li jkun hemm numru ta’ referenza wieħed għall-iskambji kollha tal-istess arranġament biex dawn l-iskambji jistgħu jkunu marbuta ma’ arranġament uniku dwar id-direttorju ċentrali.

    (4)Għal raġunijiet ta’ koerenza u ta’ ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun allinjata mad-data ta’ applikazzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2018/822.

    (5)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva għat-Tassazzjoni,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2378 huwa emendat kif ġej:

    (1) jiddaħħal l-Artikolu 2e li ġej:

    “Artikolu 2e

    Formoli standard, li jinkludu l-arranġamenti lingwistiċi, għall-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni dwar arranġamenti transfruntiera rapportabbli

    1.Fir-rigward tal-formoli li għandhom jintużaw, “komponent” u “qasam” ifissru dak il-post fil-formola li fih tista’ tiġi rreġistrata l-informazzjoni li trid tiġi skambjata skont id-Direttiva 2011/16/UE.

    2.Il-formola li għandha tintuża għall-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni dwar arranġamenti transfruntiera rapportabbli skont l-Artikolu 8ab tad-Direttiva 2011/16/UE għandha tkun konformi mal-Anness XIII ta’ dan ir-Regolament.

    3.L-elementi ewlenin imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2011/16/UE għandhom ikunu l-komponenti elenkati fil-punti (b), (c) u (e) tal-Artikolu 8ab(14) ta’ dik id-Direttiva u għal dawn l-elementi ewlenin, l-arranġamenti lingwistiċi għandhom ikunu l-istess bħal dawk previsti fl-Artikolu 2a(3) ta’ dan ir-Regolament.”;

    (2) L-Anness ta’ dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness XIII.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2020.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 28.3.2019

       Għall-Kummissjoni

       Il-President
       Jean-Claude JUNCKER

    (1)    ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1.
    (2)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal-25 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward ta’ arranġamenti transkonfinali rapportabbli (ĠU L 139, 5.6.2018, p. 1).
    (3)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2378 tal-15 ta’ Diċembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1156/2012 (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 19).
    Top

    MT

    ANNESS

    “ANNESS XIII

    Il-formola msemmija fl-Artikolu 2e

    Flimkien mal-komponenti elenkati fl-Artikolu 8ab(14) tad-Direttiva 2011/16/UE, il-formola għall-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni dwar arranġamenti transfruntiera rapportabbli skont l-Artikolu 8ab tal-istesss Direttiva tinkludi wkoll il-qasam li ġej:

    (a)Numru ta’ Referenza tal-arranġament(i) transfruntiera rapportabbli. ”

    Top