Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C(2018)1081

    DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) .../... li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb fl-elementi ċerametalliċi ta’ potenzjometri trimmer

    C/2018/1081 final

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

    Din id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (tfassil mill-ġdid) 1 (id-Direttiva RoHS 2) fir-rigward ta’ eżenzjoni għal applikazzjonijiet speċifiċi li fihom iċ-ċomb.

    Id-Direttiva RoHS 2 tirrestrinġi l-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku, hekk kif previst fl-Artikolu 4 tagħha. Daħlet fis-seħħ fil-21 ta’ Lulju 2011.

    Is-sustanzi ristretti huma elenkati fl-Anness II tad-Direttiva RoHS 2. Filwaqt li r-restrizzjonijiet fuq iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibromurati u l-eteri tad-difenil polibromurati huma diġà fis-seħħ, ir-restrizzjonijiet fuq il-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP), il-benżilbutilftalat (BBP), il-ftalat tad-dibutil (DBP) u l-ftalat tad-diisobutil (DIBP) jibdew japplikaw mit-22 ta’ Lulju 2019 jew aktar tard. L-Annessi III u IV tad-Direttiva RoHS 2 jelenkaw il-materjali u l-komponenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) għal applikazzjonijiet speċifiċi eżentati mir-restrizzjoni fuq is-sustanzi mogħtija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva RoHS 2.

    L-Artikolu 5 jipprevedi l-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku (l-inklużjoni, it-tiġdid, l-emendi u r-revokar tal-eżenzjonijiet) tal-Annessi III u IV. Skont l-Artikolu 5(1)(a) l-eżenzjonijiet iridu jiġu inklużi fl-Annessi III u IV biss jekk l-inklużjoni ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 2 u meta tiġi ssodisfata xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: it-tneħħija jew is-sostituzzjoni tagħhom permezz ta’ bidliet fid-disinn jew fil-materjali u l-komponenti li ma jeħtieġu l-ebda materjal jew sustanza elenkati fl-Anness II mhumiex prattikabbli mil-lat xjentifiku jew tekniku; l-affidabbiltà tas-sostituti mhijiex żgurata; jew it-total tal-impatti negattivi fuq l-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur ikkawżati mis-sostituzzjoni x’aktarx li jkun ogħla mit-total tal-benefiċċji għall-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) jistipula li l-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) għandha tinkludi materjali u komponenti tal-EEE għal applikazzjonijiet speċifiċi fil-listi tal-Annessi III u IV permezz ta’ atti delegati individwali f’konformità mal-Artikolu 20. L-Artikolu 5(3) u l-Anness V jistabbilixxu l-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għoti, għat-tiġdid jew għar-revoka ta’ eżenzjoni.

    2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

    Mill-pubblikazzjoni tad-Direttiva RoHS 2, il-Kummissjoni rċeviet għadd 3 ta’ rikjesti mill-operaturi ekonomiċi, skont id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 5(3) u fl-Anness V, kemm għall-għoti ta’ eżenzjonijiet ġodda u kif ukoll għat-tiġdid ta’ dawk eżistenti.

    L-eżenzjoni 34 attwali tal-Anness III tippermetti l-użu taċ-ċomb fl-elementi ċerametalliċi ta’ potenzjometri trimmer. Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni waħda għat-tiġdid ta’ din l-eżenzjoni f’Jannar 2015. Filwaqt li l-eżenzjoni 34 kellha l-21 ta’ Lulju 2016 bħala d-data ta’ skadenza għall-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10 4 , f’konformità mal-ħtiġijiet tad-Direttiva RoHS (l-Artikolu 5(5), it-tieni subparagrafu), din għandha tkompli tapplika sakemm ma tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-applikazzjoni.

    Sabiex issir evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal eżenzjoni, il-Kummissjoni nediet studju biex twettaq il-valutazzjoni teknika u xjentifika meħtieġa, li kien jinkludi konsultazzjoni 5 online miftuħa ta’ tmien ġimgħat mal-partijiet ikkonċernati dwar l-applikazzjoni. Waqt il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati waslu żewġ kontributi.

    Ir-rapport finali li jinkludi l-valutazzjoni tal-applikazzjoni ġie ppubblikat 6 ; u l-partijiet ikkonċernati ġew notifikati b’dan.

    Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonsultat lill-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri għall-atti delegati skont id-Direttiva RoHS 2 matul il-laqgħa ta’ esperti fil-15 ta’ Diċembru 2016, li involviet ukoll preżentazzjonijiet mill-applikanti u l-partijiet l-aktar ikkonċernati. L-esperti qablu mal-abbozz ippreżentat mill-Kummissjoni, b’maġġoranza kbira ta’ membri assenti jew li ma ddikjarawx il-fehma tagħhom. Skont il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, l-abbozz tad-Direttiva Delegata ġie ppubblikat fuq il-Portal għal Regolamentazzjoni Aħjar għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat li matulu l-pubbliku seta’ jippreżenta r-reazzjonijiet tiegħu. Waslu żewġ kummenti, it-tnejn li huma jappoġġaw l-abbozz tal-att. Twettqu l-passi kollha meħtieġa relatati mal-eżenzjonijiet mir-restrizzjoni tas-sustanza skont l-Artikoli 5(3) sa 5(7). Minħabba l-ammont kbir ta’ talbiet ta’ eżenzjoni simultanji u rekwiżiti amministrattivi konnessi, il-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni segwiet dati ta’ skadenza alternattivi skont l-Artikolu 5(5). Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ġew notifikati dwar l-attivitajiet kollha.

    Ir-rapport finali enfasizza b’mod partikolari l-informazzjoni u l-valutazzjoni tekniċi li ġejjin:

    Il-potenzjometri trimmer huma reżisters varjabbli. Jaħdmu b’wajper biex jaġġustaw ir-reżistenza taċ-ċirkwit. Huma applikati f’firxa wiesgħa ta’ prodotti bħal perżempju t-tagħmir awdjoviżiv, it-tagħmir tal-komunikazzjoni, il-ġugarelli u l-istrumenti tal-kejl, l-apparat domestiku elettriku. Fihom iċ-ċomb bħala l-ossidu taċ-ċomb fil-linek reżistenti fejn jaġixxi bħala aġent li jgħaqqad.

    Bħalissa, ma hemm l-ebda alternattiva affidabbli mingħajr ċomb disponibbli u għalhekk is-sostituzzjoni taċ-ċomb għadha xjentifikament u teknikament imprattikabbli.

    Ir-riżultati tal-evalwazzjoni għall-kategoriji 1 sa 7 u għall-kategorija 10 juru li mill-inqas wieħed mill-kriterji rilevanti speċifikati fl-Artikolu 5(1)(a) jiġi ssodisfat mit-talba għal eżenzjoni fir-rigward tal-entrata 34 fl-Anness III. Minħabba li għall-applikazzjonijiet ikkonċernati llum ma hemm l-ebda alternattiva affidabbli biżżejjed jew alternattiva li x’aktarx titqiegħed fis-suq dalwaqt, il-perjodu ta’ validità sal-21 ta’ Lulju 2021 huwa ġġustifikat; peress li għadhom mhumiex disponibbli sostituti affidabbli, l-ebda impatt soċjoekonomiku negattiv tas-sostituzzjoni ma hu mistenni għal dan il-perjodu. Il-perjodu ta’ validità mogħti lanqas ma huwa mistenni li jkollu impatti negattivi fuq l-innovazzjoni. Għal kategoriji oħrajn għajr il-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10, l-eżenzjoni attwali tibqa’ tgħodd skont il-perjodi ta’ validità stabbiliti fl-Artikolu 5(2). L-eżenzjoni speċifika ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH), f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/65/UE.

    3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

    Id-Direttiva Delegata tagħti eżenzjoni mir-restrizzjonijiet fl-Artikolu 4(1), li jridu jiġu elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, għall-użu taċ-ċomb f’applikazzjonijiet speċifiċi.

    L-istrument huwa Direttiva Delegata, kif previst fid-Direttiva 2011/65/UE, u b’mod partikolari b’konformità mal-ħtiġijiet rilevanti fl-Artikolu 5(1)(a) tagħha.

    L-għan tad-Direttiva Delegata huwa li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-protezzjoni tal-ambjent u tapprossima d-dispożizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tat-tagħmir elettriku u elettroniku, billi tippermetti l-użu ta’ sustanzi li suppost huma pprojbiti għal applikazzjonijiet speċifiċi, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva RoHS 2 u skont il-kundizzjonijiet mogħtija fiha u f’konformità mal-proċedura stabbilita fiha għall-adattament tal-Annessi III u IV għall-progress xjentifiku u tekniku.

    F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità l-miżura ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tagħha.

    Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

    DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

    ta’ 27.2.2018

    li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb fl-elementi ċerametalliċi ta’ potenzjometri trimmer

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku 7 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

    Billi:

    (1)    Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih iċ-ċomb.

    (2)    Il-punt 34 tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE eżenta l-użu taċ-ċomb fl-elementi ċerametalliċi ta’ potenzjometri trimmer sal-21 ta’ Lulju 2016. Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tiġdid ta’ din l-eżenzjoni fir-rigward tal-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10 qabel l-21 ta’ Jannar 2015, skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE.

    (3)    Il-potenzjometri trimmer huma reżisters varjabbli. Jaħdmu b’wajper biex jaġġustaw ir-reżistenza taċ-ċirkwit. Huma applikati f’firxa wiesgħa ta’ prodotti bħal perżempju t-tagħmir awdjoviżiv, it-tagħmir tal-komunikazzjoni, il-ġugarelli u l-istrumenti tal-kejl, l-apparat domestiku elettriku. Fihom iċ-ċomb bħala l-ossidu taċ-ċomb fil-linek reżistenti fejn jaġixxi bħala aġent li jgħaqqad.

    (4)    Bħalissa, ma hemm l-ebda alternattiva affidabbli mingħajr ċomb disponibbli u għalhekk is-sostituzzjoni taċ-ċomb għadha xjentifikament u teknikament imprattikabbli.

    (5)    Minħabba li għall-applikazzjonijiet ikkonċernati fil-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10 ma hemm l-ebda alternattiva affidabbli biżżejjed jew alternattiva li x’aktarx titqiegħed fis-suq dalwaqt, il-perjodu ta’ validità sal-21 ta’ Lulju 2021 huwa ġġustifikat. Għal kategoriji oħrajn għajr il-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10, l-eżenzjoni attwali tibqa’ tgħodd skont il-perjodi ta’ validità stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE.

    (6)    Għalhekk id-Direttiva 2011/65/UE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn [l-aħħar jum tat-12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva] il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

    Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn l-aħħar jum tat-12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva + jum].

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

    2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 27.2.2018

       Għall-Kummissjoni

       Il-President
       Jean-Claude JUNCKER

    (1)    ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
    (2)    ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
    (3)    Il-lista hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/environment/waste/rohs_eee/adaptation_en.htm
    (4)    Dawn il-kategoriji huma: 1. Apparat elettrodomestiku kbir; 2. Apparat elettrodomestiku żgħir; 3. Tagħmir tal-informatika u t-telekomunikazzjoni; 4. Tagħmir tal-konsumatur; 5. Tagħmir tat-tidwil; 6. Għodda elettrika u elettronika; 7. Ġugarelli, tagħmir ta’ divertiment u tal-isport; 10. Apparat ta’ distribuzzjoni awtomatika. Il-kategoriji EEE huma elenkati fl-Anness I tad-Direttiva RoHS.
    (5)     Perjodu ta’ konsultazzjoni : mill-21.08.2015 sas-16.10.2015
    (6)

        https://bookshop.europa.eu/en/assistance-to-the-commission-on-technological-socio-economic-and-cost-benefit-assessment-related-to-exemptions-from-the-substance-restrictions-in-electrical-and-electronic-equipment-pbKH0416554/  

    (7)    ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
    Top

    ANNESS

    Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, il-punt 34 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “34

    Iċ-ċomb fl-elementi ċerametalliċi ta’ potenzjometri trimmer

    Japplika għall-kategoriji kollha; jiskadi fi:

    il-21 ta’ Lulju 2021 għall-kategoriji 1-7 u l-kategorija 10;

    il-21 ta’ Lulju 2021 għall-kategoriji 8 u 9 għajr għall-apparat mediku dijanjostiku in vitro u l-istrumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali;

    il-21 ta’ Lulju 2023 għall-kategorija 8 l-apparat mediku dijanjostiku in vitro;

    il-21 ta’ Lulju 2024 għall-kategorija 9 l-istrumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali, u għall-kategorija 11.”

    Top