Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2011_177_R_0001_01

    2011/398/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 13 ta’ Mejju 2011 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim forma ta’ Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra
    Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistabbilixxi mekkaniżmu tas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwim li jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Euro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan min-naħa l-oħra

    ĠU L 177, 6.7.2011, p. 1–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.7.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 177/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-13 ta’ Mejju 2011

    dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim forma ta’ Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra

    (2011/398/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjoni tal-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Fl-24 ta’ Frar 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati mal-imsieħba fir-reġjun tal-Mediterran biex tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim marbut ma’ dispożizzjonijiet kummerċjali.

    (2)

    In-negozjati tmexxew mill-Kummissjoni b'konsultazzjoni mal-kumitat maħtur taħt l-Artikolu 207 tat-Trattat u fi ħdan il-qafas tad-direttivi dwar in-negozjati maħruġa mill-Kunsill.

    (3)

    Dawn in-negozjati ġew konklużi u Ftehim forma ta’ Protokoll (“il-Protokoll”) bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra (1) ġie inizjalat fid-9 ta’ Diċembru 2009.

    (4)

    Il-Protokoll ġie ffirmat f'isem l-Unjoni fil-11 ta’ Frar 2011.

    (5)

    Il-Protokoll għandu jiġi konkluż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim forma ta’ Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra (“il-Protokoll”), huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

    It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jagħti, f'isem l-Unjoni, in-notifika prevista fl-Artikolu 23 tal-Protokoll (2).

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    MARTONYI J.


    (1)  ĠU L 129, 15.5.2002, p. 3.

    (2)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    PROTOKOLL

    bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistabbilixxi mekkaniżmu tas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwim li jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Euro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan min-naħa l-oħra

    L-UNJONI EWROPEA, minn issa msejħa “l-Unjoni”,

    min-naħa waħda,

    u

    IR-RENJU ĦAXEMITA TAL-ĠORDAN, minn issa msejjaħ “il-Ġordan”,

    min-naħa l-oħra

    FTIEHMU KIF GEJ:

    KAPITOLU I

    GĦAN U AMBITU

    Artikolu 1

    Għan

    L-għan ta’ dan il-Protokoll huwa li tkun evitata u tiġi solvuta kwalunkwe tilwima kummerċjali bejn il-Partijiet sabiex, fejn ikun possibbli, tintlaħaq soluzzjoni li jaqblu dwarha ż-żewġ naħat.

    Artikolu 2

    Applikazzjoni tal-Protokoll

    1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll japplikaw fir-rigward ta’ kwalunkwe differenza li għandha x’taqsam mal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 23) tal-Ftehim Euro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan min-naħa l-oħra (minn issa ‘l quddiem “il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), ħlief fejn previst speċifikament mod ieħor. (1) L-Artikolu 97 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni japplika għat-tilwim relatat mal-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

    2.   Il-proċeduri ta’ dan il-Protokoll għandhom japplikaw jekk, 60 jum wara li tilwima tkun tressqet quddiem il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni skont l-Artikolu 97 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ma jkunx irnexxielu jsolvi t-tilwima.

    3.   Għall-għanijiet tal-Paragrafu 2, tilwima għandha titqies solvuta meta l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jkun ħa deċiżjoni kif provdut fl-Artikolu 97(2) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jew meta jkun stqarr li ma jkunx għad hemm tilwima.

    KAPITOLU II

    KONSULTAZZJONIJIET U MEDJAZZJONI

    Artikolu 3

    Konsultazzjonijiet

    1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex isolvu kwalunkwe differenza li tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiiet imsemmija fl-Artikolu 2 billi jidħlu f’konsultazzjonijiet in bona fede bil-għan li jilħqu soluzzjoni f’waqtha, ekwitabbli u li dwarha jkunu jaqblu ż-żewġ naħat.

    2.   Parti għandha tfittex konsultazzjonijiet permezz ta’ talba bil-miktub lill-Parti l-oħra, b’kopja mibgħuta lis-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment”, li tidentifika kwalunkwe miżura inkwistjoni u d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li hi tikkunsidra applikabbli.

    3.   Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru fi żmien 40 jum minn dakinhar li tkun waslet it-talba u għandhom iseħħu, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, fit-territorju tal-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment. Il-konsultazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala konklużi fi żmien 60 jum minn dakinhar li tkun waslet it-talba, sakemm iż-żewg Partijiet ma jaqblux li jkomplu bil-konsultazzjonijiet. Il-konsultazzjonijiet, b’mod partikolari l-informazzjoni kollha li tkun ġiet żvelata u l-pożizzjonijiet meħuda mill-Partijiet matul dawn il-proċedimenti, għandhom ikunu kunfidenzjali, u bla ħsara għad-drittijiet ta’ kwalunkwe Parti fi kwalunkwe proċediment ulterjuri.

    4.   Konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ urġenza, inklużi dawk dwar prodotti li jitħassru biż-żmien jew prodotti staġjonali, għandhom isiru fi żmien 15-il jum minn dakinhar li tasal it-talba, u għandhom jitqiesu bħala konklużi fi żmien 30 jum minn dakinhar li tkun waslet it-talba.

    5.   Jekk il-Parti li lilha tkun saret it-talba ma tweġibx għat-talba sabiex isiru l-konsultazzjonijiet fi żmien 10 jum tax-xogħol minn dakinhar li tkun waslet it-talba, jew jekk il-konsultazzjonijiet ma jitwettqux fi ħdan l-oqfsa ta’ żmien stabbiliti fil-Paragrafu 3 jew fil-Paragrafu 4 rispettivament, jew jekk il-konsultazzjonijiet ikunu ġew konklużi u l-ebda ftehim ma jkun intlaħaq dwar soluzzjoni li jaqblu dwarha ż-żewġ naħat, il-Parti li tkun ressqet l-ilment tista’ titlob li jitwaqqaf bord ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 5.

    Artikolu 4

    Medjazzjoni

    1.   Jekk il-konsultazzjonijiet jonqsu milli jwasslu għal soluzzjoni li jaqblu dwarha ż-żewġ naħat, il-Partijiet jistgħu, bi ftehim reċiproku, jirrikorru għal medjatur. Kull talba għall-medjazzjoni għandha ssir bil-miktub lis-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment” u din għandha tistqarr kwalunkwe miżura li kienet is-suġġett tal-konsultazzjonijiet kif ukoll it-termini ta’ referenza għall-medjazzjoni li dwarhom ikun hemm qbil reċiproku. Kull Parti timpenja ruħha li tagħti konsiderazzjoni favorevoli lit-talbiet għal medjazzjoni.

    2.   Sakemm il-Partijiet ma jaqblux rigward medjatur fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn dakinhar li tkun waslet it-talba għall-medjazzjoni, il-presidenti tas-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment”, jew id-delegat tal-presidenti, għandhom jagħżlu bix-xorti medjatur mill-grupp ta’ individwi li jkunu qegħdin fil-lista msemmija fl-Artikolu 19 u li ma jkunux ċittadini tal-ebda waħda mill-Partijiet. L-għażla għandha ssir fi żmien għaxart ijiem (10) tax-xogħol minn dakinhar li tkun waslet it-talba ghall-medjazzjoni. Il-medjatur għandu jorganizza laqgħa mal-Partijiet mhux aktar tard minn 30 jum wara li jintgħażel. Il-medjatur għandu jirċievi s-sottomissjonijiet ta’ kull Parti sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-laqgħa u jista’ jitlob tagħrif addizzjonali mingħand il-Partijiet jew mingħand l-esperti jew il-konsulenti tekniċi skont il-ħtiega li jħoss/tħoss. Kwalunkwe informazzjoni miksuba b’dan il-mod għandha tiġi żvelata lil kull waħda mill-Partijet u trid titressaq għall-kummenti tagħhom. Il-medjatur għandu jinnotifika opinjoni sa mhux aktar tard minn 45 jum wara li jintgħażel.

    3.   L-opinjoni tal-medjatur tista’ tinkludi rakkomandazzjoni dwar kif tiġi solvuta t-tilwima b’konsistenza mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. L-opinjoni tal-medjatur mhijiex vinkolanti.

    4.   Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jemendaw il-limiti ta’ żmien li jissemmew fil-Paragrafu 2. Il-medjatur jista’ jiddeċiedi wkoll li jemenda dawn il-limiti ta’ żmien fuq it-talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet, meta jitqiesu d-diffikultajiet partikolari li tgħaddi minnhom il-Parti kkonċernata jew il-komplessitajiet tal-każ.

    5.   Il-proċedimenti li jinvolvu medjazzjoni, b’mod partikolari l-opinjoni tal-medjatur u l-informazzjoni kollha li tkun ġiet żvelata u l-pożizzjonijiet mittieħda mill-Partijiet matul dawn il-proċedimenti, għandhom ikunu kunfidenzjali, u bla preġudizzju għad-drittijiet ta’ kwalunkwe Parti fi kwalunwe proċediment ulterjuri.

    6.   Jekk il-Partijiet jaqblu, il-proċeduri għall-medjazzjoni jistgħu jitkomplew filwaqt li tipproċedi l-proċedura tal-arbitraġġ.

    7.   Medjatur jista’ jiġi sostitwit biss għar-raġunijiet u skont il-proċeduri mfissra fir-Regoli 18 sa 21 tar-Regoli ta’ Proċedura.

    KAPITOLU III

    PROĊEDURI GĦAS-SOLUZZJONI TAT-TILWIM

    TAQSIMA I

    Il-proċedura ta’ arbitraġġ

    Artikolu 5

    Il-bidu tal-proċedura ta’ arbitraġġ

    1.   Meta l-Partijiet ma jirnexxilhomx isolvu t-tilwima billi jirrikorru għall-konsultazzjonijiet, kif jistipula l-Artikolu 3, jew billi jirrikorru għall-medjazzjoni, kif jistipula l-Artikolu 4, il-Parti li tkun għamlet l-ilment tista’ titlob li jiġi stabbilit bord ta’ arbitraġġ.

    2.   It-talba li jiġi stabbilit bord ta’ arbitraġġ għandha ssir bil-miktub lill-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment u lis-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment”. Il-Parti li tressaq l-ilment għandha tidentifika l-miżura speċifika inkwistjoni, u għandha tispjega kif miżura bħal din tikkostitwixxi ksur mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. It-twaqqif ta’ bord ta’ arbitraġġ għandu jintalab mhux aktar tard minn 18-il xahar mid-data ta’ meta tasal it-talba għall-konsultazzjonijiet, bla ħsara għad-drittijiet tal-Parti li tressaq l-ilment biex tirrikjedi konsultazzjonijiet ġodda dwar l-istess kwistjoni fil-futur.

    Artikolu 6

    It-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ

    1.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jkun magħmul minn tliet arbitri.

    2.   Fi żmien għaxart ijiem (10) tax-xogħol minn dakinhar li l-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment tkun irċeviet it-talba għat-twaqqif ta’ bord tal-arbitraġġ, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw sabiex jaslu għal ftehim dwar il-kompożizzjoni tal-bord tal-arbitraġġ.

    3.   Fil-każ li l-Partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar il-kompożizzjoni tiegħu fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fil-Paragrafu 2, kwalunkwe waħda mill-partijiet tista’ titlob lill-presidenti tas-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment”, jew id-delegat tal-presidenti, sabiex jagħżlu t-tliet membri kollha bix-xorti mil-lista stabbilita fl-Artikolu 19, persuna waħda minn fost l-individwi proposti mill-Parti li tkun ressqet l-ilment, persuna waħda minn fost l-individwi proposti mill-Parti li jkun sar l-ilment fil-konfront tagħha u persuna waħda minn fost l-individwi magħżula mill-Partijiet biex tagħmilha ta’ President. Fejn il-Partijiet jaqblu dwar membru wieħed jew aktar tal-bord tal-arbitraġġ, kwalunkwe membri li jkun fadal għandhom jintgħażlu bl-istess proċedura.

    4.   Il-presidenti tas-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment”, jew id-delegat tal-presidenti, għandhom jagħżlu l-arbitri fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mit-talba msemmija fil-paragrafu 3 minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet.

    5.   Id-data meta jitwaqqaf il-bord tal-arbitraġġ għandha tkun id-data meta jintgħażlu t-tliet arbitri.

    6.   L-arbitri jistgħu jiġu sostitwiti biss għar-raġunijiet u skont il-proċeduri mfissra fir-Regoli 18 sa 21 tar-Regoli ta’ Proċedura.

    Artikolu 7

    Rapport interim tal-bord

    Il-bord tal-arbitraġġ għandu jippubblika rapport interim lill-Partijiet li jistabbilixxi s-sejbiet ta’ fatti, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet relevanti u r-razzjonal bażiku li fuqu jserrħu kwalunkwe sejba u rakkommandazzjoni magħmula minnu, sa mhux aktar tard minn 120 jum minn dakinhar li jkun twaqqaf il-bord tal-arbitraġġ. Kwalunkwe Parti tista’ tressaq talba bil-miktub għall-analiżi min-naħa tal-bord tal-arbitraġġ ta’ aspetti preċiżi tar-rapport interim fi żmien 15-il jum meta dan ikun ġie nnotifikat. Is-sejbiet tad-deċiżjoni finali tal-bord għandhom jinkludu diskussjoni dwar l-argumenti li jkunu saru fl-istadju interim tal-analiżi.

    Artikolu 8

    Id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ

    1.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Partijiet u lis-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment” fi żmien 150 jum minn dakinhar li jkun twaqqaf il-bord tal arbitraġġ. Fejn iqis li din l-iskadenza ta’ żmien ma tistax tinlaħaq, il-president tal-bord tal-arbitraġġ jeħtieġlu jinnotifika bil-miktub lill-Partijiet u lis-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment”, fejn jistqarr ir-raġunijiet għad-dewmien u d-data li fiha l-bord ikun beħsiebu jikkonkludi ħidmietu. Fl-ebda ċirkostanza, id-deċiżjoni m’għandha tiġi nnotifikata aktar tard min 180 jum minn meta jkun twaqqaf il-bord tal-arbitraġġ.

    2.   F’każi ta’ urġenza, inklużi dawk li jinvolvu prodotti li jitħassru biż-żmien jew dawk staġjonali, il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz sabiex jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 75 jum mid-data tat-twaqqif tiegħu. Fl-ebda ċirkostanza m’għandu jieħu aktar minn 90 jum minn meta jkun twaqqaf. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħti deċiżjoni preliminari dwar jekk ikunx jidhirlu li l-każ ikun urġenti fi żmien għaxart ijiem (10) mit-twaqqif tiegħu.

    3.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu, fuq talba taż-żewġ Partijiet, jissospendi ħidmietu f’kwalunkwe punt ta’ żmien għal perjodu li jkunu qablu dwaru l-Partijiet li ma jistax jiskorri t-12-il xahar u għandu jkompli b’ħidmietu fi tmiem dan il-perjodu miftiehem fuq talba tal-Parti li tkun ressqet l-ilment. Jekk il-Parti li tkun ressqet l-ilment ma titlobx li titkompla l-ħidma tal-bord tal-arbitraġġ qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ sospensjoni li jkun sar qbil dwaru, il-proċedura għandha tintemm. Is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-ħidma tal-bord tal-arbitraġġ isiru bla preġudizzju għad-drittijiet ta’ kull waħda mill-Partijiet f’xi proċediment ieħor dwar l-istess kwistjoni.

    TAQSIMA II

    Konformità

    Artikolu 9

    Konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ

    Kull Parti għandha tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex tkun konformi mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, u l-Partijiet jagħmlu l-almu tagħhom biex jaqblu dwar il-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex jikkonformaw mad-deċiżjoni.

    Artikolu 10

    Perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-konformità

    1.   Mhux aktar tard minn 30 jum wara li l-Partijiet ikunu rċevew in-notifika tad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, il-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment għandha tinnotifika lill-Parti li tkun ressqet l-ilment u lis-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment” dwar iż-żmien li se tkun teħtieġ biex tikkonforma ruħha (perjodu raġonevoli ta’ żmien), jekk ma jkunx possibbli li tikkonforma ruħha minnufih.

    2.   F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet rigward il-perjodu raġonevoli ta’ żmien biex ikun hemm konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, il-Parti li tkun ressqet l-ilment, fi żmien 20 jum minn meta l-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment tkun irċeviet in-notifika li tkun saret skont il-Paragrafu 1, għandha titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jiddetermina t-tul tal-perjodu ragonevoli ta’ żmien. Din it-talba għandha fl-istess ħin tiġi notifikata lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment”. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Partijiet u lis-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment” fi żmien 30 jum minn dakinhar li tkun tressqet it-talba.

    3.   Il-perjodu raġonevoli ta’ żmien jista’ jiġi estiż permezz ta’ qbil reċiproku bejn il-Partijiet.

    Artikolu 11

    Analiżi ta’ kwalunkwe miżura li tkun ittieħdet għall-konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ

    1.   Il-Parti li fil-konfront tagħha jkun tressaq l-ilment għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment” dwar kwalunkwe miżura li tkun ħadet sabiex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Bord tal-arbitraġġ qabel ma jiskadi l-perjodu raġonevoli ta’ żmien.

    2.   F’każ li ma jkunx hemm qbil bejn il-Partijiet rigward l-eżistenza jew il-konsistenza ta’ kwalunkwe miżura notifikata skont il-Paragrafu 1 mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li tkun qed tressaq l-ilment tista’ titlob, bil-miktub, lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Talba ta’ dan it-tip għandha tidentifika l-miżura speċifika inkwistjoni u għandha tispjega kif miżura bħal din mhix konsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 90 jum minn meta tkun tressqet it-talba. F’każi ta’ urġenza, inklużi dawk li jinvolvu prodotti li jitħassru biż-żmien jew dawk staġjonali, il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 45 jum minn meta tkun tressqet it-talba.

    Artikolu 12

    Rimedji temporanji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità

    1.   Jekk il-Parti li fil-konfront tagħha jkun qed isir l-ilment tonqos milli tinnotifika kwalunkwe miżura mittieħda sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ żmien raġonevoli, jew jekk il-bord tal-arbitraġġ jiddeċiedi li l-miżura notifikata skont l-Artikolu 11 (1) ma tkunx konsistenti mal-obbligi ta’ dik il-Parti skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li fil-konfront tagħha jkun tressaq l-ilment għandha, jekk tkun mitluba tagħmel dan mill-Parti li tkun qed tressaq l-ilment, tagħmel offerta għal kumpens temporanju. Il-Parti li tressaq l-ilment tista’ titlob għal offerta bħal din ukoll qabel l-iskadenza tal-perjodu raġonevoli ta’ żmien.

    2.   Jekk ma jintlaħaq l-ebda qbil dwar il-kumpens fi żmien 30 jum wara li jintemm il-perjodu raġonevoli ta’ żmien jew mid-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 11 li miżura mittieħda għall-konformità tkun inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li tkun ressqet l-ilment tkun intitolata, wara li jiġu notifikati l-Parti l-oħra u s-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment”, li tissospendi l-obbligi li jirriżultaw minn kwalunkwe dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 2 fuq livell ekwivalenti għal dak imxejjen jew imħassar mill-vjolazzjoni. Meta tadotta miżuri bħal dawn il-Parti li tressaq l-ilment għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt tagħhom fuq l-ekonomija tal-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment. Il-Parti li tkun ressqet l-ilment tista’ timplimenta s-sospensjoni għaxart ijiem (10) wara d-data meta tkun irċeviet in-notifika mill-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment, sakemm il-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment ma tkunx talbet l-arbitraġġ skont il-Paragrafu 3.

    3.   Jekk il-Parti li fil-konfront tagħha jkun qed isir l-ilment tqis li l-livell ta’ sospensjoni ma jkunx ekwivalenti għat-tixjin jew ħsara kkawżati mill-vjolazzjoni, din tista’ titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jieħu deċiżjoni dwar il-kwistjoni. Talba ta’ dan it-tip għandha tiġi nnotifikata lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment” qabel jiskadi l-perjodu ta’ għaxart ijiem (10) tax-xogħol imsemmi fil-paragrafu 2. Il-bord tal-arbitraġġ, wara li jitlob, jekk tkun xierqa, l-opinjoni tal-esperti, għandu, fi żmien 30 jum minn meta tkun tressqet it-talba, jinnotifika lill-Partijiet u lill-entità istituzzjonali responsabbli mill-kwistjonijiet kummerċjali, dwar id-deċiżjoni tiegħu rigward il-livell tas-sospensjoni tal-obbligi. L-obbligi m’għandhomx jiġu sospiżi sakemm il-bord tal-arbitraġġ jagħti n-notifika dwar id-deċiżjoni tiegħu, u kull sospensjoni għandha tkun konsistenti mad-deċiżjoni tal-istess bord.

    4.   Is-sospensjoni tal-obbligi għandha tkun temporanja u għandha tiġi applikata biss sakemm kwalunkwe miżura li tinstab li tkun inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tkun ġiet irtirata jew emendata sabiex tinġieb f’konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, kif inhu stabbilit skont l-Artikolu 13, jew sakemm il-Partijiet ikunu qablu li jsolvu t-tilwima.

    Artikolu 13

    Analiżi ta’ kwalunkwe miżura li tkun ittieħdet għall-konformità wara s-sospensjoni tal-obbligi

    1.   Il-Parti li fil-konfront tagħha jkun qed isir l-ilment għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment” b’kull miżura li tkun ħadet sabiex tkun konformi mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ u bit-talba tagħha sabiex tintemm is-sospensjoni tal-obbligi applikati mill-Parti li tkun ressqet l-ilment.

    2.   Jekk il-Partijiet ma jilħqux ftehim dwar il-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 fi żmien 30 jum minn dakinhar li tkun waslet in-notifika, il-Parti li tkun ressqet l-ilment għandha titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Din it-talba għandha fl-istess ħin tiġi notifikata lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment”. Id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ għandha tiġi nnotifikata lill-Partijiet u lis-sottokumitat tal“l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment” fi żmien 45 jum minn meta tkun tressqet it-talba. Jekk il-bord tal-arbitraġġ jiddeċiedi li kwalunkwe miżura li tkun ittieħdet għal għanijiet ta’ konformità tkun konformi mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, is-sospensjoni tal-obbligi għandha tintemm.

    TAQSIMA III

    Dispożizzjonijiet komuni

    Artikolu 14

    Soluzzjoni miftiehma bejn iż-żewġ naħat

    F’kull waqt, il-Partijiet jistgħu jilħqu soluzzjoni miftiehma bejn iż-żewġ naħat għal tilwima li taqa’ taħt dan il-Protokoll. Huma għandhom jinnotifikaw lis-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment” u lill-bord tal-arbitraġġ dwar kwalunkwe soluzzjoni ta’ dan it-tip. Malli jiġi nnotifikat dwar is-soluzzjoni miftiehma bejn iż-żewġ naħat, il-bord għandu jtemm ħidmietu u l-proċedura għandha tintemm.

    Artikolu 15

    Ir-Regoli ta’ Proċedura

    1.   Il-proċeduri intiżi għas-soluzzjoni tat-tilwim skont il-Kapitolu III ta’ dan il-Protokoll għandhom jiġu regolarizzati permezz tar-Regoli ta’ Proċedura annessi ma’ dan il-Protokoll.

    2.   Kull laqgħa tal-bord tal-arbitraġġ għandha tkun miftuħa għall-pubbliku skont ir-Regoli ta’ Proċedura, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.

    Artikolu 16

    Informazzjoni u pariri tekniċi

    1.   B’inizjattiva tiegħu stess, inkella fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jikseb informazzjoni li jqis xierqa għall-proċediment tal-istess bord. B’mod partikolari, il-bord tal-arbitraġġ għandu d-dritt li jfittex l-opinjoni rilevanti tal-esperti. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jikkonsulta l-Partijiet qabel jagħżel esperti bħal dawn. Kwalunkwe informazzjoni miksuba b’dan il-mod għandha tiġi żvelata lil kull waħda mill-Partijet u trid titressaq għall-kummenti tagħhom.

    2.   Persuni interessati stabbiliti fil-Partijiet huma awtorizzati jippreżentaw struzzjonijiet amicus curiae lill-bordijiet tal-arbitraġġ skont ir-Regoli tal-Proċedura.

    Artikolu 17

    Ir-Regoli ta’ Interpretazzjoni

    Kull bord tal-arbitraġġ għandu jinterpreta d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 skont ir-regoli konswetudinali dwar l-interpretazzjoni tad-dritt pubbliku internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati. Id-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ ma jistgħux iżidu jew inaqqsu d-drittijiet u l-obbligi pprovduti fid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2.

    Artikolu 18

    Id-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ

    1.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz biex kull deċiżjoni li jieħu tkun b’kunsens. Fejn, madankollu, deċiżjoni ma tistax tintlaħaq b’kunsens, il-kwistjoni kkonċernata għandha tinqata’ b’vot maġġoritarju. Madankollu, fl-ebda każ m’għandhom jiġu ppubblikati l-opinjonijiet tal-arbitri li ma jaqblux.

    2.   Kull deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ għandha tkun torbot lill-Partijiet u m’għandha toħloq l-ebda dritt jew obbligu għal persuni naturali jew ġuridiċi. Id-deċiżjoni għandha tistipula s-sejbiet tal-fatti, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u r-razzjonal bażiku wara s-sejbiet u l-konklużjonijiet li tagħmel. Is-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment” għandu jagħmel id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ disponibbli pubblikament fl-intier tagħha sakemm dan ma jiddeċidix li ma jagħmilx hekk ħalli jiżgura l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

    KAPITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 19

    Listi ta’ arbitri

    1.   Is-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment” għandu, mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dhul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, jistabbilixxi lista ta’ mill-anqas 15-il individwu li jkunu lesti u kapaċi jservu ta’ arbitri. Kull waħda mill-Partijiet għandha tipproponi mill-anqas ħames individwi biex iservu ta’ arbitri. Iż-żewġ Partijiet għandhom jagħżlu wkoll tal-anqas ħames individwi li ma jkunux ċittadini tal-ebda waħda mill-Partijiet u li għandhom jagħmluha ta’ president tal-bord tal-arbitraġġ. Is-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment” għandu jiżgura li l-lista tinżamm dejjem fuq dan il-livell.

    2.   L-arbitri għandu jkollhom għarfien speċjalizzat jew esperjenza fid-dritt u fil-kummerċ internazzjonali. Dawn għandhom ikunu indipendenti, iservu fil-kapaċitajiet individwali tagħhom u ma jieħdux struzzjonijiet minn kwalunkwe organizzazzjoni jew gvern, u lanqas ma jkunu affiljati mal-gvern ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet, u għandhom ikunu konformi mal-Kodiċi tal-Kondotta annessa ma’ dan il-Protokoll.

    3.   Is-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment” jista’ jistabbilixxi listi addizzjonali ta’ mill-anqas 15-il individwu li jkollhom kompetenza esperta settorjali fi kwistjonijiet speċifiċi koperti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Meta jsir rikors għall-proċedura tal-għażla tal-Artikolu 6(2), il-presidenti tas-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment” jistgħu jużaw lista settorjali bil-qbil taż-żewġ Partijiet.

    Artikolu 20

    Ir-relazzjoni mal-obbligi tad-WTO

    1.   Ir-rikors għad-dispożizzjonijiet tas-soluzzjoni tat-tilwim ta’ dan il-Protokoll għandu jkun bla ħsara għal kwalunkwe azzjoni fil-qafas tad-WTO, inkluża azzjoni ta’ soluzzjoni tat-tilwim.

    2.   Minkejja dan, meta Parti, fir-rigward ta’ miżura partikolari, tkun introduċiet proċediment ta’ soluzzjoni tat-tilwim, sew jekk skont dan il-Protokoll sew jekk skont il-Ftehim tad-WTO, hija ma tistax tintroduċi proċediment ta’ soluzzjoni tat-tilwim fir-rigward ral-istess miżura fil-forum l-ieħor qabel ma jintemm l-ewwel proċediment. Flimkien ma’ dan, Parti ma għandhiex tfittex rimedju għal ksur ta’ obbligu li huwa identiku skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u skont il-Ftehim tad-WTOI fiż-żewġ fora. F’każ bħal dan, ladarba jkun tnieda proċediment ta’ soluzzjoni tat-tilwim, il-Parti ma għandhiex tressaq klejm li tfittex rimedju għall-ksur ta’ obbligu identiku taħt il-kappa tal-ftehim l-ieħor lill-forum l-ieħor, ħlief jekk il-forum magħżul ma jirnexxilux minħabba raġunijiet proċedurali jew ġuridiċi li jagħmel sejbiet dwar il-klejm li qed tfittex rimedju ta’ dak l-obbligu.

    3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 2,

    proċedimenti ta’ soluzzjoni tat-tilwim li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ftehim tad-WTO huma meqjusa li ngħataw bidu fuq talba tal-Parti għat-twaqqif ta’ bord skont l-Artikolu 6 tal-Fehma tar-Regoli u l-Proċeduri li Jamministraw is-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO (DSU) u huma meqjusa li ntemmu meta l-Korp ta’ Soluzzjoni tat-Tilwim jadotta r-rapport tal-Bord, u r-rapport tal-Entità tal-Appell skont il-każ, skont l-Artikoli 16 u 17(14) tad-DSU;

    il-proċedimenti ta’ soluzzjoni tat-tilwim li jaqgħu taħt dan il-Protokoll jitqiesu li ngħataw bidu permezz ta’ talba tal-Parti għat-twaqqif ta’ bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 5(1) u jitqiesu li ntemmu meta l-bord tal-arbitraġġ jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Partijiet u lis-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment” skont l-Artikolu 8.

    4.   F’dan il-Protokoll xejn ma jżomm Parti milli timplimenta s-sospenzjoni ta’ obbligi awtorizzati mill-Entità tad-WTO għas-Soluzzjoni tat-Tilwim. Il-Ftehim tad-WTO m’għandux jiġi invokat sabiex iżomm lil xi Parti milli tissospendi l-obbligi skont dan il-Protokoll.

    Artikolu 21

    Il-limiti taż-żmien

    1.   Il-limiti kollha ta’ żmien stabbiliti f’dan il-Protokoll, inklużi l-limiti biex il-bordijiet tal- arbitraġġ jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom, għandhom jingħaddu f’jiem kalendarji mill-jum li jsegwi l-att jew il-fatt li jkunu qed jirreferu għalih, sakemm ma jkunx ġie speċifikat mod ieħor.

    2.   Kwalunkwe limitu taż-żmien imsemmi f’dan il-Protokoll jista’ jiġi modifikat bi ftehim reċiproku tal-Partijiet. Il-Partijiet jimpenjaw irwieħhom li jagħtu konsiderazzjoni favorevoli lit-talbiet għall-estenzjonijiet ta’ kull limitu ta’ żmien li jsiru minħabba diffikultajiet li kwalunkwe Parti taf tħabbat wiċċha magħhom biex tikkonforma mal-proċeduri ta’ dan il-Protokoll. Fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jimmodifika l-limiti ta’ żmien applikabbli fil-proċedimenti, filwaqt li jqis il-livell differenti ta’ żvilupp tal-Partijiet.

    Artikolu 22

    Reviżjoni u modifika tal-Protokoll

    1.   Wara li jidħlu fis-seħħ dan il-Protokoll u l-Annessi tiegħu, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’, f’kull żmien, jirrevedi l-implimentazzjoni tagħhom, bil-ħsieb li jiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni, il-modifika jew it-tmiem tagħhom.

    2.   F’din ir-reviżjoni, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jqis il-possibbiltà li joħloq Entità tal-Appell komuni għal għadd ta’ Ftehimiet Ewro-Mediterranji.

    3.   Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jimmodifika dan il-Protokoll u l-Annessi tiegħu.

    Artikolu 23

    Dħul fis-seħħ

    Dan il-protokoll għandu jiġi approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom. Dan il-protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu jkunu tlestew.

    Magħmul fi Brussell, f’żewġ kopji, fil-ħdax-il jum ta’ Frar tas-sena elfejn u ħdax, fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża u Għarbija, kull wieħed minn dawn it-testi huwa awtentiku daqs l-oħra.

    За Европейския съюз

    Por la Unión Europea

    Za Evropskou unii

    For Den Europæiske Union

    Für die Europäische Union

    Euroopa Liidu nimel

    Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

    For the European Union

    Pour l'Union européenne

    Per l'Unione europea

    Eiropas Savienības vārdā –

    Europos Sąjungos vardu

    Az Európai Unió részéről

    Għall-Unjoni Ewropea

    Voor de Europese Unie

    W imieniu Unii Europejskiej

    Pela União Europeia

    Pentru Uniunea Europeană

    Za Európsku úniu

    Za Evropsko unijo

    Euroopan unionin puolesta

    För Europeiska unionen

    Image

    Image

    За Хашемитско кралство Йордания

    Por el Reino Hachemí de Jordania

    Za Jordánské hášimovské království

    For Det Hashemitiske Kongerige Jordan

    Für das Haschemitische Königreich Jordanien

    Jordaania Hašimiidi Kuningriigi nimel

    Για το Χασεμιτικό Βασίλειο της Ιορδανίας

    For the Hashemite Kingdom of Jordan

    Pour le Royaume hachémite de Jordanie

    Per il Regno hashemita di Giordania

    Jordānijas Hāšimītu Karalistes vārdā –

    Jordanijos Hašimitų Karalystės vardu

    A Jordán Hásimita Királyság részéről

    Għar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan

    Voor het Hasjemitisch Koninkrijk Jordanië

    W imieniu Jordańskiego Królestwa Haszymidzkiego

    Pelo Reino Hachemita da Jordânia

    Pentru Regatul Hașemit al Iordaniei

    Za Jordánske hášimovské kráľovstvo

    Za Hašemitsko kraljevino Jordanijo

    Jordanian hašemiittisen kuningaskunnan puolesta

    För Hashemitiska konungariket Jordanien

    Image

    Image


    (1)  Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll huma bla ħsara għall-Artikolu 34 tal-Protokoll dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ oriġini” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

    ANNESSI

    ANNESS I:

    REGOLI TA' PROĊEDURA GĦALL-ARBITRAĠĠ

    ANNESS II:

    KODIĊI TAL-KONDOTTA GĦALL-MEMBRI TAL-BORDIJIET TAL-ARBITRAĠĠ U L-MEDJATURI

    ANNESS I

    REGOLI TA’ PROĊEDURA GĦALL-ARBITRAĠĠ

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    1.

    F’dan il-Protokoll u skont dawn ir-regoli:

     

    “konsulent” tfisser persuna miżmuma minn Parti biex tagħti pariri jew tassisti lil dik il-Parti fil-proċedimenti tal-bord tal-arbitraġġ;

     

    “il-Parti li tressaq l-ilment” tfisser kwalunkwe Parti li titlob it-twaqqif ta’ bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 5 ta’ dan il-Protokoll;

     

    “il-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment” tfisser il-Parti li qiegħed ikun allegat li qiegħda tikser id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Protokoll;

     

    “il-bord tal-arbitraġġ” tfisser bord imwaqqaf skont l-Artikolu 6 ta’ dan il-Protokoll;

     

    “rappreżentant ta’ Parti” tfisser persuna impjegata jew kwalunkwe persuna maħtura minn dipartiment jew aġenzija tal-gvern jew kwalunkwe entità pubblika oħra ta’ xi waħda mill-Partijiet;

     

    “jum” ifisser jum kalendarju, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    2.

    Il-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment għandha tkun inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwima, b’mod partikulari l-organizzazzjoni tas-seduti ta’ smigħ tal-każ, sakemm ma jkunx hemm qbil mod ieħor. Madankollu, l-Unjoni Ewropea għandha tifdi l-ispejjeż konnessi mal-kwistjonijiet kollha organizzattivi fir-rigward tal-konsulenzi, il-medjazzjoni u l-arbitraġġ, bl-eċċezzjoni tar-rimunerazzjoni u l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lill-medjaturi u l-arbitri, li għandhom jinqasmu.

    Notifiki

    3.

    Il-Partijiet u l-bord tal-arbitraġġ għandhom jgħaddu kull talba, notifika, sottomissjoni bil-miktub jew kull dokument ieħor permezz tal-posta elettronika, b’kopja mibgħuta fl-istess jum bil-faks, bil-posta reġistrata, b’kurrier, bi twassil li għalih tintalab riċevuta, jew bi kwalunkwe mezz ieħor tat-telekomunikazzjoni li jipprovdi prova li d-dokument ikun intbagħat. Sakemm ma jiġix pruvat mod ieħor, messaġġ mibgħut bil-posta elettronika għandu jitqies li jasal fl-istess jum meta jkun intbagħat.

    4.

    Parti għandha tipprovdi kopja elettronika ta’ kull sottomissjoni bil-miktub lill-Parti l-oħra u lil kull wieħed mill-arbitri. Kopja stampata tad-dokument għandha tiġi provduta wkoll.

    5.

    In-notifiki kollha għandhom ikunu indirizzati lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Ġordan u lid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea, rispettivament.

    6.

    Żbalji żgħar ta’ natura klerikali li jsiru fi kwalunkwe talba, notifika, sottomissjoni bil-miktub jew dokument ieħor relatat mal-proċeduri tal-bord tal-arbitraġġ jistgħu jitranġaw billi jintbagħat dokument ġdid li jindika b’mod ċar fejn ikunu saru l-bidliet.

    7.

    Jekk l-aħħar jum li fih irid isir it-twassil ta’ xi dokument jaħbat jum ta’ vakanza uffiċjali jew jum ta’ mistrieħ fil-Ġordan jew fil-Komunità, id-dokument jista’ jitwassal fl-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss. Il-Partijiet jistgħu jiskambjaw bejniethom lista tad-dati tal-vakanzi uffiċjali u l-jiem ta’ mistrieħ tagħhom fl-ewwel Tnejn ta’ kull Diċembru b’referenza għas-sena li tkun tmiss. L-ebda dokument, notifika jew talba ta’ kull xorta m’għandhom jitqiesu li jkunu waslu nhar vakanza uffiċjali jew f’jum ta’ mistrieħ.

    8.

    Skont l-oġġett tad-dispożizzjonijiet tat-tilwima, it-talbiet u n-notifiki kollha indirizzati lis-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment” b’konformità ma’ dan il-Protokoll għandha tintbagħat kopja tagħhom ukoll lis-sottokumitati l-oħra rilevanti mwaqqfa skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

    Il-bidu tal-arbitraġġ

    9.

    (a)

    Jekk skont l-Artikolu 6 ta’ dan il-Protokoll jew tar-Regoli 19, 20 jew 49 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, il-membri tal-bord tal-arbitraġġ jintgħażlu bil-lottijiet, ir-rappreżentanti taż-żewġ Partijiet għandhom ikunu preżenti meta jittellgħu l-lottijiet.

    (b)

    Sakemm il-Partijiet ma jiftiehmux mod ieħor, huma għandhom jiltaqgħu mal-bord tal-arbitraġġ fi żmien sebat ijiem xogħol mit-twaqqif tiegħu biex jistabbilixxu dawk il-kwistjonijiet li l-Partijiet jew il-bord tal-arbitraġġ iqisu xierqa, inklużi r-rimunerazzjoni u l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lill-arbitri, li jkunu skont l-istandards tad-WTO. Il-membri tal-bord tal-arbitraġġ u r-rappreżentanti tal-Partijiet jistgħu jieħdu sehem f’din il-laqgħa permezz tat-telefown jew ta’ konferenza awdjoviżiva.

    10.

    (a)

    Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, fi żmien ħamest ijiem minn meta jintgħażlu l-arbitri, it-termini ta’ referenza tal-bord tal-arbitraġġ għandhom ikunu:

    “li jeżamina, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-kwistjoni msemmija fit-talba għat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, biex jiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tal-Protokoll u li jiddeċiedi skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim.”

    (b)

    Il-Partijiet jeħtieġilhom jinnotifikaw it-termini ta’ referenza maqbula lill-bord tal-arbitraġġ fi żmien tlitt ijiem tax-xogħol minn meta jkunu laħqu qbil bejniethom.

    Sottomissjonijiet inizjali

    11.

    Il-Parti li tressaq l-ilment għandha tagħti s-sottomissjoni inizjali tagħha bil-miktub mhux aktar tard minn 20 jum wara t-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ. Il-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment għandha tagħti l-kontrosottomissjoni tagħha bil-mitkub mhux aktar tard minn 20 jum wara d-data tat-twassil tas-sottomissjoni bil-miktub inizjali.

    Il-ħidma tal-bordijiet tal-arbitraġġ

    12.

    Il-president tal-bord tal-arbitraġġ għandu jippresjiedi fil-laqgħat kollha tal-bord. Bord tal-arbitraġġ jista’ jiddelega lill-president l-awtorità li jieħu deċiżjonijiet amministrattivi jew proċedurali.

    13.

    Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f’dan il-Protokoll, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jwettaq l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mezz, inkuż b’komunikazzjoni bit-telefown, fax jew kollegamenti bil-kompjuter.

    14.

    L-arbitri biss jistgħu jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ, iżda l-bord tal-arbitraġġ jista’ jippermetti lill-assistenti tiegħu sabiex ikunu preżenti waqt id-deliberazzjonijiet tiegħu.

    15.

    L-abbozzar ta’ kull deċiżjoni għandha tibqa’ r-responsabbiltà esklużiva tal-bord tal-arbitraġġ u ma tistax tiġi delegata.

    16.

    Meta tqum xi kwistjoni proċedurali li mhix koperta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll u l-annessi tiegħu, il-bord tal-arbitraġġ, wara li jikkonsulta l-Partijiet, jista’ jadotta proċedura xierqa li tkun kompatibbli ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.

    17.

    Meta l-bord tal-arbitraġġ iqis li hemm il-ħtieġa li jiġi modifikat xi limitu ta’ żmien applikabbli fil-proċedimenti jew li jagħmel xi aġġustament proċedurali jew amministrattiv ieħor, dan għandu jinforma bil-miktub lill-Partijiet bir-raġunijiet għall-bidliet jew l-aġġustament u bil-perjodu jew aġġustament li jkun meħtieġ. Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jadotta din il-bidla jew modifika bħal din wara li jkun ikkonsulta lill-Partijiet. Il-limiti ta’ żmien fi ħdan l-Artikolu 8(2) ta’ dan il-Protokoll ma jistgħux jiġu emendati.

    Sostituzzjoni

    18.

    Jekk arbitru ma jkunx jista’ jipparteċipa fil-proċedimenti, jirtira ruħu, jew jeħtieġ li jiġi sostitwit, għandu jintgħażel wieħed ieħor biex jeħodlu postu skont l-Artikolu 6(3) ta’ dan il-Protokoll.

    19.

    Meta Parti tqis li xi arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta u għaldaqstant għandu jiġi sostitwit, din il-Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra fi żmien 15-il jum minn meta tkun intebħet biċ-ċirkustanzi tal-vjolazzjoni materjali tal-Kodiċi tal-Kondotta min-naħa tal-arbitru.

    Meta Parti tqis li xi arbitru għajr il-president ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar dan, jibdlu l-arbitru u jagħżlu sostitut skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 6(3) ta’ dan il-Protokoll.

    Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-ħtieġa li jinbidel l-arbitru, kull waħda mill-Partijiet tista’ titlob li din il-kwistjoni tiġi riferuta lill-president tal-bord tal-arbitraġġ, u d-deċiżjoni tiegħu għandha tkun waħda finali.

    Jekk il-president isib li xi arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, dan jew din għandu/għandha jagħżel/tagħżel arbitru ġdid bix-xorti minn fost il-ġabra ta’ individwi msemmija fl-Artikolu 19(1) ta’ dan il-Protokoll li tagħha kien Membru l-arbitru oriġinali. Jekk l-arbitru oriġinali kien intgħażel mill-Partijiet skont l-Artikolu 6(2) ta’ dan il-Protokoll, is-sostitut għandu jintgħażel bix-xorti minn fost il-ġabriet ta’ individwi li jkunu ġew proposti mill-Parti li tressaq l-ilment u minn Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment skont l-Artikolu 19(1) ta’ dan il-Protokoll. L-għażla tal-arbitru l-ġdid għandha ssir fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta titressaq it-talba lill-president tal-bord tal-arbitraġġ.

    20.

    Meta xi Parti tqis li l-president tal-bord tal-arbitraġġ ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar dan, jibdlu l-president u jagħżlu sostitut skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 6(3) ta’ dan il-Protokoll.

    Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-ħtieġa li jibdlu l-president, kwalunkwe Parti tista’ titlob li din il-kwistjoni tingħadda lil xi wieħed mill-membri li jkun għad fadal fost il-ġabra ta’ individwi magħżula sabiex jagħmluha ta’ presidenti skont l-Artikolu 19(1) ta’ dan il-Protokoll. Ismu jew isimha għandu jittella’ bix-xorti mill-presidenti tas-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment”, jew minn delegat tal-presidenti. Id-deċiżjoni ta’ din il-persuna dwar il-ħtieġa li jinbidel il-president għandha tkun waħda finali.

    Jekk din il-persuna tiddeċiedi li l-president oriġinali ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, dan jew din għandu/għandha jagħżel/tagħżel president ġdid bix-xorti minn fost dawk li jkun għad fadal fost il-ġabra ta’ individwi msemmija fl-Artikolu 19(1) ta’ dan il-Protokoll li jistgħu jagħmluha ta’ presidenti. Din l-għażla tal-president il-ġdid għandha ssir fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta titressaq it-talba msemmija f’dan il-paragrafu.

    21.

    Il-proċedimenti tal-bord tal-arbitraġġ għandhom jiġu sospiżi matul il-perjodu ta’ żmien li jittieħed sabiex jitwettqu l-proċeduri provduti fir-Regoli 18, 19 u 20.

    Meta Parti tqis li xi arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta u għaldaqstant għandu jiġi sostitwit, din il-Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra fi żmien 15-il jum minn meta tkun intebħet biċ-ċirkustanzi tal-vjolazzjoni materjali tal-Kodiċi tal-Kondotta min-naħa tal-arbitru.

    Is-seduti ta’ smigħ

    22.

    Il-president għandu jiffissa d-data u l-ħin tas-seduti ta’ smigħ f’konsultazzjoni mal-Partijiet u l-membri l-oħra tal-bord tal-arbitraġġ, u jikkonferma dan bil-miktub lill-Partijiet. Din l-informazzjoni għandha ssir ukoll disponibbli pubblikament mill-Parti inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedimenti jekk is-smigħ ikun miftuħ għall-pubbliku. Dment li kull Parti taqbel, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jiddeċiedi li ma jtellax xi seduta ta’ smigħ.

    23.

    Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, is-seduta ta’ smigħ għandha ssir fi Brussell jekk il-Parti li tressaq l-ilment tkun il-Ġordan u f’Ammam jekk il-Parti li tressaq l-ilment tkun l-Unjoni.

    24.

    Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jtella’ seduta addizzjonali ta’ smigħ f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss. Ma jistgħux isiru seduti addizzjonali ta’ smigħ għall-proċeduri stabbiliti skont l-Artikolu 10(2), 11(2), 12(3) u 13(2) ta’ dan il-Protokoll.

    25.

    L-arbitri kollha għandhom ikunu preżenti mill-bidu sat-tmiem ta’ kull seduta ta’ smigħ.

    26.

    Dawn il-persuni jistgħu jkunu preżenti għas-seduta ta’ smigħ, irrespettivament minn jekk il-proċeduri jkunux miftuħa għall-pubbliku jew le:

    (a)

    rappreżentanti tal-Partijiet;

    (b)

    konsulenti tal-Partijiet;

    (c)

    persunal amministrattiv, interpreti, tradutturi u relaturi tal-qorti; u

    (d)

    l-assistenti tal-arbitri.

    Ir-rappreżentanti u l-konsulenti tal-Partijiet biss jistgħu jindirizzaw lill-bord tal-arbitraġġ.

    27.

    Mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol qabel id-data ta’ seduta tas-smigħ, kull Parti għandha tipprovdi lill-bord tal-arbitraġġ lista tal-ismijiet ta’ dawk il-persuni li jkunu sejrin jitkellmu matul is-seduta ta’ smigħ f’isem dik il-Parti u ta’ rappreżentanti jew konsulenti oħra li jkunu sejrin jattendu s-seduta ta’ smigħ.

    28.

    Is-seduti ta’ smigħ tal-bordijiet tal-arbitraġġ għandhom ikunu miftuħa għall-pubbliku, sakemm il-Partijiet ma jiddeċiedux mod ieħor. Jekk il-Partijiet jiddeċiedu li s-seduta ta’ smigħ tkun magħluqa għall-pubbliku, parti mis-seduta ta’ smigħ tista’ xorta tkun miftuħa għall-pubbliku jekk il-bord tal-arbitraġġ, fuq talba mill-Partijiet, jiddeċiedi li jsir hekk. Madankollu, il-bord tal-arbitraġġ għandu jiltaqa’ f’seduta magħluqa meta s-sottomissjoni u l-argumenti ta’ xi Parti jkun fihom informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

    29.

    Il-bord tal-arbitraġġ għandu jmexxi s-seduta ta’ smigħ kif ġej:

     

    L-Argument

    (a)

    l-argument tal-Parti li tressaq l-ilment;

    (b)

    l-argument tal-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment.

     

    Il-Kontro-Argument

    (a)

    l-argument tal-Parti li tressaq l-ilment;

    (b)

    il-kontrorisposta tal-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment.

    30.

    Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jindirizza mistoqsijiet liż-żewġ Partijiet fi kwalunkwe waqt tas-seduta tas-smigħ.

    31.

    Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel arranġamenti, għat-tlestija u t-twassil lill-Partijiet, mill-aktar fis possibbli, tat-traskrizzjoni ta’ kull seduta ta’ smigħ.

    32.

    Kull Parti tista’ tipprovdi sottomissjoni supplimentari bil-miktub fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni li tkun qamet matul is-seduta ta’ smigħ fi żmien għaxart ijiem (10) tax-xogħol mis-seduta ta’ smigħ.

    Mistoqsijiet bil-miktub

    33.

    Il-bord tal-arbitraġġ jista’ fi kwalunkwe waqt tal-proċedimenti jindirizza mistoqsijiet bil-miktub lil xi waħda mill-Partijiet jew lit-tnejn li huma. Iż-żewġ Partijiet għandhom jirċievu kopja tal-mistoqsijiet kollha magħmula mill-bord tal-arbitraġġ.

    34.

    Kull Parti għandha wkoll tipprovdi lill-Parti l-oħra kopja tar-risposta tagħha bil-miktub għall-mistoqsijiet li l-bord tal-arbitraġġ ikun għamel. Kull Parti għandha tingħata l-opportunità li tipprovdi kummenti bil-miktub dwar it-tweġiba mogħtija mill-Parti l-oħra sa ħamest ijiem tax-xogħol minn meta din tkun waslet.

    Il-kunfidenzjalità

    35.

    Il-Partijiet għandhom iżommu l-kunfidenzjalità tas-seduti tas-smigħ tal-bord tal-arbitraġġ meta s-seduti ta’ smigħ jittellgħu fil-magħluq, skont ir-Regola 28. Kull Parti għandha tqis bħala kunfidenzjali kull informazzjoni mressqa mill-Parti l-oħra quddiem il-bord tal-arbitraġġ li dik il-Parti tkun iddefiniet bħala kunfidenzjali. Meta Parti tissottometti verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet tagħha bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ, din jeħtieġilha wkoll, fuq talba tal-Parti l-oħra, tipprovdi sommarju mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni li tinsab fis-sottomissjonijiet li jista’ jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mhux aktar tard minn 15-il jum wara li tkun saret it-talba jew is-sottomissjoni, skont liema minnhom isseħħ l-aħħar. Xejn f’dawn ir-regoli ma jżomm lil xi Parti milli tiżvela lill-pubbliku stqarrijiet dwar il-pożizzjonijiet tagħha nfisha.

    Kuntatti ex parte

    36.

    Il-bord tal-arbitraġġ m’għandux jiltaqa’ ma’ xi Parti jew jikkuntattjaha fl-assenza tal-Parti l-oħra.

    37.

    L-ebda membru tal-bord tal-arbitraġġ m’għandu jiddiskuti kwalunkwe aspett tas-suġġett tal-proċedimenti ma’ Parti waħda jew maż-żewġ Partijiet fl-assenza tal-arbitri l-oħra.

    Sottomissjonijiet amicus curiae

    38.

    Sakemm il-Partijiet ma jkunux qablu mod ieħor sa ħamest ijiem mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, l-istess bord jista’ jirċievi sottomissjonijiet bil-miktub mhux mitluba, dejjem jekk dawn isiru fi żmien għaxart ijiem (10) mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, u li jkunu konċiżi u f’kull każ mhux itwal minn 15-il faċċata ttajpjata, inklużi kwalunkwe annessi, u li jkunu direttament rilevanti għall-kwistjoni fattwali li jkun qiegħed jikkunsidra l-bord tal-arbitraġġ.

    39.

    Is-sottomissjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-persuna li tkun qiegħda tagħmel is-sottomissjoni, sew naturali jew ġuridika, inkluża n-natura tal-attivitajiet tagħha u s-sorsi ta’ finanzjament, u tispeċifika n-natura tal-interess li dik l-istess persuna jkollha fil-proċediment tal-arbitraġġ. Din għandha tinkiteb bil-lingwi magħżula mill-Partijiet skont ir-Regoli 42 u 43 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

    40.

    Fid-deċiżjoni tiegħu, il-bord tal-arbitraġġ għandu jelenka s-sottomissjonijiet kollha li jkun irċieva li jkunu konformi mar-regoli msemmija qabel. Il-bord tal-arbitraġġ m’għandu l-ebda obbligu li jindirizza, fid-deċiżjoni tiegħu, l-argumenti mressqa f’sottomissjonijiet bħal dawn. Kull sottomissjoni li jikseb il-bord tal-arbitraġġ skont din ir-regola għandha tiġi sottomessa lill-Partijiet għall-kummenti tagħhom.

    Każijiet urġenti

    41.

    F’każijiet ta’ urġenza msemmija f’dan il-Protokoll, il-bord tal-arbitraġġ, wara li jikkonsulta lill-Partijiet, għandu jaġġusta l-limiti ta’ żmien imsemmija f’dawn ir-regoli skont kif ikun jixraq u għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar aġġustamenti bħal dawn.

    It-traduzzjoni u l-interpretazzjoni

    42.

    Matul il-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(2) ta’ dan il-Protokoll, u mhux aktar tard mil-laqgħa msemmija fir-Regola 9(b) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, il-Partijiet għandhom jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jilħqu qbil fuq lingwa ta’ ħidma komuni għall-proċedimenti quddiem il-bord tal-arbitraġġ.

    43.

    Jekk il-Partijiet ma jirnexxielhomx jaqblu dwar lingwa ta’ ħidma komuni, kull Parti għandha tagħmel l-arranġamenti u tħallas għall-ispejjeż tat-traduzzjoni tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha għal-lingwa magħżula mill-Parti l-oħra.

    44.

    Il-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment għandha tagħmel l-arranġamenti għall-interpretazzjoni tas-sottomissjonijiet bil-fomm għal-lingwi magħżula mill-Partijiet.

    45.

    Id-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ għandhom jiġu nnotifikati bil-lingwa jew lingwi magħżula mill-Partijiet.

    46.

    Kwalunkwe Parti tista’ tipprovdi kummenti dwar kull verżjoni tradotta ta’ xi dokument li jkun tħejja skont dawn ir-regoli.

    Kalkolu tal-limiti ta’ żmien

    47.

    Meta, minħabba l-applikazzjoni tar-Regola 7 ta’ dawn ir-Regoli ta’ proċedura, xi Parti tirċievi dokument f’data differenti minn dik meta l-Parti l-oħra tkun irċeviet l-istess dokument, kull perjodu ta’ żmien li jinħadem abbażi tad-data tal-wasla ta’ dak id-dokument għandu jiġi kkalkulat mill-aħħar data li fiha jkun wasal dak id-dokument.

    Proċeduri oħra

    48.

    Dawn ir-Regoli ta’ proċedura huma applikabbli wkoll għall-proċeduri stabbiliti skont l-Artikolu 10(2), 11(2), 12(3) u 13(2) ta’ dan il-Protokoll. Madankollu, il-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dawn ir-Regoli ta’ proċedura għandhom jiġu aġġustati skont il-limiti ta’ żmien speċjali stipulati għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-bord tal-arbitraġġ f’dawk il-proċeduri l-oħra.

    49.

    F’każ li l-bord oriġinali, jew xi wħud mill-membri tiegħu, ma jkunux jistgħu jiltaqgħu mill-ġdid għall-proċeduri stabbiliti skont l-Artikolu 10(2), 11(2), 12(3) u 13(2) tal-Protokoll, għandhom japplikaw il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 6 ta’ dan il-Protokoll. Il-limitu ta’ żmien għan-notifika tad-deċiżjoni għandu jiġi estiż bi 15-il jum.

    ANNESS II

    KODIĊI TAL-KONDOTTA GĦALL-MEMBRI TAL-BORDIJIET TAL-ARBITRAĠĠ U L-MEDJATURI

    Definizzjonijiet

    1.

    F'din il-Kodiċi tal-Kondotta:

    (a)

    “membru” jew “arbitru” tfisser membru ta’ bord tal-arbitraġġ imwaqqaf effettivament skont l-Artikolu 6 ta’ dan il-Protokoll;

    (b)

    “medjatur” tfisser persuna li tmexxi medjazzjoni skont l-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll;

    (c)

    “kandidat” tfisser individwu li ismu jkun fil-lista tal-arbitri msemmija fl-Artikolu 19 ta’ dan il-Protokoll u li jkun ikkunsidrat għall-għażla bħala membru ta’ bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 6 ta’ dan il-Protokoll;

    (d)

    “assistent” tfisser persuna li, skont it-termini tal-ħatra ta’ xi membru, tmexxi, tirriċerka jew tipprovdi l-assistenza lill-membru;

    (e)

    “proċediment”, fejn mhux speċifikat mod ieħor, tfisser proċediment ta’ bord tal-arbitraġġ skont dan il-Protokoll;

    (f)

    “persunal”, fir-rigward ta’ xi membru, tfisser persuni taħt it-tmexxija jew il-kontroll tal-membru, minbarra l-assistenti.

    Responsabbiltajiet lejn il-proċess

    2.

    Kull kandidat u kull membru għandu jevita kondotta mhux xierqa u l-impressjoni ta’ kondotta mhux xierqa, għandu jkun independenti u imparzjali, għandu jevita kunflitti ta’ interess diretti jew indiretti u għandu josserva l-ogħla standards ta’ kondotta sabiex jinżammu l-integrità u l-imparzjalità tal-mekkaniżmu li jwassal għas-soluzzjoni tat-tilwim. Il-membri preċedenti għandhom josservaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 15, 16, 17 u 18 ta’ din il-Kodiċi tal-Kondotta.

    Obbligi dwar x'għandu jiġi żvelat

    3.

    Qabel ma tiġi kkonfermata l-għażla ta’ xi membru tal-bord tal-arbitraġġ skont dan il-Protokoll, kandidat għandu jiżvela kwalunkwe interessi, relazzjonijiet jew kwistjonijiet li għandhom imnejn jolqtu l-indipendenza jew l-imparzjalità tiegħu jew tagħha jew li jafu b'mod raġonevoli joħolqu impressjoni ta’ kondotta mhux xierqa jew ta’ xaqlib lejn xi naħa fil-proċediment. Għal dan il-għan, kandidat għandu jagħmel l-isforzi raġonevoli kollha sabiex isir konxju ta’ kwalunkwe interess, relazzjoni u kwistjoni ta’ dan it-tip.

    4.

    Kandidat jew membru għandhom jikkomunikaw biss affarijiet marbuta mal-ksur attwali jew potenzjali ta’ din il-Kodiċi tal-Kondotta lis-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment” sabiex dawn jiġu kkunsidrati mill-Partijiet.

    5.

    Wara li jintgħażel, membru għandu jibqa' jagħmel kull sforz raġonevoli biex isir konxju ta’ kwalunkwe interess, relazzjoni jew kwistjoni msemmija fl-Artikolu 3 ta’ din il-Kodiċi tal-Kondotta u għandu jiddikjarahom. L-obbligu li dawn ikunu ddikjarati huwa dover kontinwu li jirrikjedi li l-membri kollha jiddikjaraw interessi, relazzjonijiet jew kwistjonijiet li jistghu jfeġġu waqt kull stadju tal-proċediment. Membru għandu jiżvela interessi, relazzjonijiet u kwistjonijiet ta’ dan it-tip billi jinforma bil-miktub lis-sottokumitat “l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment”, sabiex dawn jiġu kkunsidrati mill-Partijiet.

    Id-dmirijiet tal-membri

    6.

    Meta persuna tinħatar membru din għandha twettaq id-dmirijiet tagħha b'mod sħiħ u bla dewmien matul il-proċediment, u b'mod ġust u serju.

    7.

    Membru għandu jikkunsidra biss dawk il-kwistjonijiet li jitqajmu waqt il-proċediment u li jitqiesu neċessarji biex tittieħed deċiżjoni u m'għandu jiddelega dan id-dover lil ebda persuna oħra.

    8.

    Membru għandu jieħu l-passi kollha xierqa sabiex jiżgura li l-assistent u l-persunal tiegħu jkunu konxji mill-Artikoli 2, 3, 4, 5, 16, 17 u 18 ta’ din il-Kodiċi tal-Kondotta u josservawhom.

    9.

    Membru m'għandux jagħmel kuntatti ex parte dwar il-proċediment.

    L-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri

    10.

    Membru għandu jkun indipendenti u imparzjali u jevita li joħloq impressjoni ta’ kondotta mhux xierqa jew imxaqilba lejn xi naħa jew oħra u m'għandux jiġi influwenzat minn interess personali, pressjoni esterna, konsiderazzjonijiet politiċi, fama pubblika, u lealtà lejn xi Parti jew biża' mill-kritika.

    11.

    Membru m'għandux jidħol, direttament jew indirettament, għal xi obbligu jew jaċċetta xi benefiċċju li jista' b'xi mod itellef, jew jidher li jtellef, it-twettiq xieraq tad-doveri tiegħu.

    12.

    Membru m'għandux jinqeda bil-pożizzjoni tiegħu fuq il-bord tal-arbitraġġ għall-aġevolment ta’ xi interessi personali jew privati u għandu jevita azzjonijiet li jagħtu l-impressjoni li ħaddieħor jinsab f'pożizzjoni speċjali li jinfluwenzah.

    13.

    Membru m'għandux iħalli r-relazzjonijiet jew ir-responsabbiltajiet finanzjarji, kummerċjali, professjonali, familjari jew soċjali jinfluwenzaw l-imġiba jew il-ġudizzju tiegħu.

    14.

    Membru għandu jevita li jidħol f'xi relazzjoni jew jakkwista xi interess finanzjarju li aktarx jaffettwa l-imparzjalità tiegħu jew li jista' raġonevolment jagħti l-impressjoni ta’ kondotta mhux xierqa jew ta’ xaqlib lejn xi naħa jew oħra.

    L-obbligazzjonijiet tal-membri preċedenti

    15.

    Il-membri kollha preċedenti għandhom jevitaw azzjonijiet li jistgħu jagħtu l-impressjoni li kienu jxaqilbu lejn xi naħa jew oħra fit-twettiq ta’ dmirijiethom jew li bbenefikaw mid-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ.

    Kunfidenzjalità

    16.

    Ebda membru jew membru preċedenti ma għandu fi kwalunkwe ħin jiżvela jew juża informazzjoni mhux pubblika relatata ma’ xi proċediment jew miksuba matul proċediment ħlief għall-iskopijiet tal-proċediment innifsu u m'għandu, f'ebda każ, jiżvela jew juża informazzjoni ta’ dan it-tip biex jikseb vantaġġ personali jew vantaġġ għal oħrajn jew biex jaffettwaw ħażin l-interessi ta’ ħaddieħor.

    17.

    Membru qatt m'għandu jiżvela deċiżjoni ta’ bord tal-arbitraġġ jew partijiet minnha qabel ma din tiġi ppubblikata skont dan il-Protokoll.

    18.

    Membru jew membru preċedenti qatt m'għandu jiżvela d-deliberazzjonijiet ta’ bord tal-arbitraġġ, jew l-opinjoni ta’ xi membru.

    Spejjeż

    19.

    Kull membru għandu jżomm dokumentat u jagħti rendikont finali tal-ħin iddedikat għall-proċedura u tal-ispejjeż tiegħu jew tagħha.

    Medjaturi

    20.

    Id-dixxiplini mfissra f'din il-Kodiċi tal-Kondotta kif japplikaw għall-membri jew il-membri preċedenti għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-medjaturi.


    Top