EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-Trattat ta’ Nizza

It-Trattat ta’ Nizza

 

SOMMARJU TA’:

It-Trattat ta’ Nizza

X’INHU L-GĦAN TAT-TRATTAT?

  • It-Trattat iħejji lill-UE għall-akbar tkabbir uniku tagħha, b’10 pajjiżi membri ġodda (ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja) biex jissieħbu fl-UE f’Mejju 2004 u 2 oħra (il-Bulgarija u r-Rumanija) f’Jannar 2007.
  • Huwa jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
  • B’mod konkret, it-Trattat jirriforma l-istituzzjonijiet tal-UE sabiex dawn ikunu jistgħu jiffunzjonaw b’mod effiċjenti f’UE mkabbra ta’ 27 pajjiż membru – ħaġa li t-Trattat ta’ Amsterdam kien intiż li jagħmel iżda ma rnexxilux.

PUNTI EWLENIN

L-istituzzjonijiet tal-UE isiru aktar leġittimi u aktar effiċjenti fil-perspettiva tas-sħubija estiża tal-UE

  • Il-metodu sabiex tiġi definita l-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea jinbidel:
    • Il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni tinbidel b’mod progressiv minn 2 kummissarji għall-pajjiżi l-kbar (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u r-Renju Unit (1)) u 1 għall-pajjiżi l-oħrajn, għal numru massimu ta’ 27 kummissarju, b’kull pajjiż membru jkollu d-dritt li jagħżel kummissarju b’sistema ta’ rotazzjoni fuq bażi strettament ugwali;
    • il-president tal-Kummissjoni u l-kummissarji minn issa ’l quddiem jintgħażlu permezz ta’ maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill;
    • il-president tal-Kummissjoni jirċievi setgħat akbar fuq il-kulleġġ tal-kummissarji, jiġifieri li jalloka jew jorganizza mill-ġdid ir-responsabbiltajiet fost il-kummissarji u — bl-approvazzjoni tal-kulleġġ b’maġġoranza sempliċi — li jkeċċi wieħed mill-kummissarji.
  • Is-sistema tal-votazzjoni fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea hija definita mill-ġdid:
    • il-ponderazzjoni tal-voti hija bbilanċjata mill-ġdid sabiex tirrifletti aħjar il-popolazzjonijiet relattivi tal-pajjiżi membri;
    • il-kundizzjonijiet għall-ksib ta’ maġġoranza kwalifikata huma msaħħa, issa bi 73.9 % (minflok 71.3 %) tal-voti meħtieġa, kif ukoll il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE li jirrappreżentaw (jekk din il-verifika tkun meħtieġa minn pajjiż tal-UE) tal-anqas 62 % tal-popolazzjoni tal-UE;
    • l-użu ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill tiġi estiża għal oqsma ġodda.
  • Il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew hija riveduta u s-setgħat tiegħu huma miżjuda:
    • in-numru ta’ siġġijiet jiżdied għal 732 membru fl-UE u 27 pajjiż membru;
    • il-proċedura ta’ kodeċiżjoni (illum il-il-proċedura leġiżlattiva ordinarja) tiġi estiża għal kważi l-oqsma kollha fejn il-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata;
    • il-Parlament jista’ jressaq kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE preċiżament bħal pajjiż membru jew il-Kummissjoni.
  • Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija riformata b’mod radikali:
    • se tiltaqa’ f’formazzjonijiet differenti: f’awli ta’ bejn 3 u 5 imħallfin, f’awla manja (11-il imħallef) jew f’sessjoni plenarja (imħallef għal kull pajjiż tal-UE);
    • il-kompetenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza (issa, il-Qorti Ġenerali) ġew estiżi, jiġifieri għal ċerti kategoriji ta’ referenza għal deċiżjoni preliminari*;
    • il-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu jista’ joħloq qrati sussidjarji sabiex fil-prim’istanza jiġu indirizzati oqsma speċjali tal-liġi, bħall-privattivi.
  • Jiġu introdotti regoli ġodda dwar kooperazzjoni msaħħa:
    • dan jinvolvi minimu ta’ 8 pajjiżi tal-UE (mhux maġġoranza bħal qabel);
    • “fil-pilastru” ewlieni tal-Komunità Ewropea, pajjiż tal-UE m’għadx għandu l-possibbiltà li juża l-veto għat-tnedija ta’ kooperazzjoni msaħħa. Barra minn hekk, flimkien mal-approvazzjoni tal-Kummissjoni (dejjem meħtieġa), l-approvazzjoni (jew illum, il-kunsens) tal-Parlament issa hija meħtieġa jekk il-qasam tal-kooperazzjoni ikun wieħed fejn hemm kodeċiżjoni;
    • il-possibbiltà ta’ kooperazzjoni msaħħa hija estiża għall-politika estera u ta’ sigurtà komuni, għall-esklużjoni tad-difiża u hawnhekk bis-setgħa tal-użu tal-veto tal-pajjiżi tal-UE;
    • f’kooperazzjoni mal-affarijiet tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, il-kooperazzjoni msaħħa ssir partikolarment flessibbli: ma hemm l-ebda setgħa ta’ veto tal-pajjiżi tal-UE u lanqas mhi meħtieġa l-approvazzjoni tal-Kummissjoni jew tal-Parlament.

Bidliet ewlenin oħrajn li t-Trattat ġab miegħu

  • Flimkien mal-possibbiltà ta’ sanzjonijiet kontra pajjiż tal-UE għall-ksur tad-drittijiet fundamentali minn pajjiż tal-UE (introdott mit-Trattat ta’ Amsterdam) jiżdied mekkaniżmu preventiv fl-Artikolu 7 tat-TUE.
  • It-TUE huwa mmodifikat sabiex jitqiesu l-iżviluppi tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni.
  • Ir-rwol tal-Eurojust għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali huwa rikonoxxut.
  • Brussell hija magħżula bħala ċ-ċentru għal-laqgħat formali tal-Kunsill Ewropew.

MINN META JAPPLIKA T-TRATTAT?

Iffirmat fis-26 ta’ Frar 2001, it-Trattat daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2003. Madanakollu, xi wħud mir-regoli tiegħu bdew jiġu implimentati aktar tard.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Sentenza preliminari: sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala tweġiba għal mistoqsija minn qorti nazzjonali dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tal-liġi Ewropea, u b’hekk tikkontribwixxi għall-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-UE.

DOKUMENT EWLIENI

It-Trattat ta’ Nizza li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u ċerti atti relatati (ĠU C 80, 10.3.2001, pp. 1–87)

DOKUMENTI RELATATI

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — verżjoni konsolidata 1992 (ĠU C 191, 29.7.1992, pp. 1-112)

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea — verżjoni konsolidata 2002 (ĠU C 325, 24.12.2002, pp. 33-184)

l-aħħar aġġornament 21.03.2018



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top