Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC)

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC)' for an updated information about the subject.

Il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC)

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Huwa jiddefinixxi r-regoli dwar l-istabbiliment u t-tħaddim tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC).

BEREC jagħti pariri lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-iżvilupp ta’ suq intern aħjar għan-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u jifforma konnessjonijiet bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ARN) u l-Kummissjoni Ewropea.

PUNTI EWLENIN

L-għanijiet ewlenin ta’ BEREC huma li:

  • jiżviluppa u jxerred l-aqwa prassi fost l-ARN;
  • jassisti lill-ARN fil-qasam regolatorju;
  • jagħti opinjonijiet dwar l-abbozz ta’ deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u linji gwida;
  • joħroġ rapporti u jipprovdi pariri dwar is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Il-kompożizzjoni u l-organizzazzjoni:

  • Il-bord ta’ regolaturi jikkonsisti f’rappreżentanti mill-ARN stabbiliti f’kull pajjiż tal-UE. Ir-responsabbiltà ewlenija tal-bord hija li jieħu d-deċiżjonijiet kollha b’rabta mal-prestazzjoni ta’ BEREC u li jeżerċita l-kompiti ta’ BEREC, li jinkludu:
    • il-pubblikazzjoni ta’ opinjonijiet dwar abbozz ta’ miżuri tal-ARN (pereżempju, dwar l-għażla tal-operaturi b’saħħa sinifikanti fis-suq);
    • konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet dwar swieq ta’ prodotti u servizzi rilevanti;
    • konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ miżuri relatati mal-aċċess effettiv għan-numru telefoniku ta’ emerġenza 112 u l-implimentazzjoni effettiva tal-firxa ta’ numri li jibdew b’116 (linji telefoniċi għall-għajnuna);
    • il-monitoraġġ u r-rappurtar dwar is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-pubblikazzjoni ta’ rapport annwali dwar l-iżviluppi tiegħu.
  • BEREC huwa assistit mill-uffiċċju, li jikkonsisti f’Kumitat ta’ Tmexxija u maniġer amministrattiv. Il-kumitat, li huwa magħmul minn membri tal-bord ta’ regolaturi u rappreżentant mill-Kummissjoni, huwa responsabbli għas-superviżjoni tal-maniġer, li huwa l-kap tal-uffiċċju. Il-kompitu ewlieni tal-uffiċċju huwa li jipprovdi servizzi ta’ appoġġ professjonali u amministrattiv lil BEREC.
  • Il-ħidma ta’ BEREC hija organizzata fi gruppi ta’ ħidma esperti li jindirizzaw suġġetti speċifiċi inklużi fil-programm ta’ ħidma ta’ BEREC jew wara talbiet mill-istituzzjonijiet tal-UE.

Finanzjament

Ir-riżorsi finanzjarji tal-uffiċċju ta’ BEREC jiġu primarjament mill-UE u minn kontribuzzjonijiet volontarji minn pajjiżi tal-UE jew ARN.

Il-maniġer amministrattiv jistabbilixxi l-baġit, li jitfassal mill-Kumitat ta’ Tmexxija.

Ħidma riċenti

L-istrateġija ta’ BEREC għall-perjodu 2015-2017 ser tiffoka fuq 3 prijoritajiet:

  • il-promozzjoni tal-kompetizzjoni u tal-investiment;
  • il-promozzjoni tas-suq intern;
  • l-awtonomizzazzjoni u l-protezzjoni tal-utenti finali.

BEREC jipprovdi kontribut u jiskambja opinjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea dwar l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tar-regoli attwali għas-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li hija parti mill-inizjattiva tas-suq uniku diġitali tal-Kummissjoni.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa beda japplika mis-7 ta' Jannar 2010.

SFOND

Il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC)

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju (ĠU L 337, 18.12.2009, p. 1-10)

l-aħħar aġġornament 22.02.2016

Top