EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim għall-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni (TDCA) mal-Afrika t’Isfel

Ftehim għall-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni (TDCA) mal-Afrika t’Isfel

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim dwar il-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika t’Isfel

Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-Ftehim għall-Kummerċ, Żvilupp u Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq parti minnhom, u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, fil-parti l-oħra

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

Il-ftehim għandu l-għan li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika t’Isfel f’numru ta’ oqsma fejn jidħlu l-kummerċ, l-iżvilupp u l-kooperazzjoni.

Id-deċiżjoni tadotta l-ftehim f’isem l-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim għandu diversi objettivi:

  • li jsaħħaħ id-djalogu bejn il-partijiet,
  • li jappoġġja lill-Afrika t’Isfel fil-proċess tagħha ta’ tranżizzjoni ekonomika u soċjali,
  • li jippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali u l-integrazzjoni ekonomika tal-pajjiż fl-Afrika meridjonali u fl-ekonomija dinjija, u
  • li jespandi u jilliberalizza l-kummerċ tal-oġġetti, servizzi u kapital bejn il-partijiet.

Ibbażat fuq ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, il-ftehim jistabbilixxi djalogu politiku regolari dwar suġġetti ta’ interess komuni, kemm fil-livell bilaterali kif ukoll fil-livell reġjonali (fil-kuntest tad-djalogu tal-UE mal-pajjiżi tal-Afrika meridjonali u mal-grupp tal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP)).

It-tul tal-ftehim mhuwiex speċifikat, iżda jista’ jiġi rivedut fi żmien 5 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu sabiex jiġu kkunsidrati emendi possibbli.

Il-ftehim ikopri numru ta’ oqsma u jinkludi klawsola ta’ żviluppi futuri li tagħmilha possibbli li jitwessa’ l-kamp ta’ kooperazzjoni.

Kummerċ

It-TDCA jistabbilixxi arranġamenti ta’ kummerċ preferenzjali bejn l-UE u l-Afrika t’Isfel, bl-introduzzjoni progressiva ta’ Żona ta’ Kummerċ Ħieles (FTA). L-UE hija s-sieħeb ewlieni tal-Afrika t’Isfel fil-kummerċ u l-investiment. L-FTA għandha l-għan li tiżgura li l-Afrika t’Isfel ikollha aċċess aħjar għas-suq tal-UE u l-UE jkollha aċċess għas-suq tal-Afrika t’Isfel. B’riżultat ta’ dan, huwa għandu rwol importanti fl-integrazzjoni tal-Afrika t’Isfel fl-ekonomija dinjija. Il-ftehim ikopri madwar 90% tal-kummerċ bilaterali attwali bejn iż-żewġ partijiet.

Il-ftehim jipprevedi l-liberalizzazzjoni ta’ 95% tal-importazzjonijiet tal-UE mill-Afrika t’Isfel fi żmien 10 snin, u 86% tal-importazzjonijiet tal-Afrika t’Isfel mill-UE fi 12-il sena. Sabiex ikunu protetti s-setturi vulnerabbli taż-żewġ partijiet, ċerti prodotti huma esklużi mill-FTA u oħrajn ġew liberalizzati biss parzjalment. Għall-UE, dawn prinċipalment huma prodotti agrikoli, filwaqt li għall-Afrika t’Isfel, huma prodotti industrijali, b’mod partikolari ċerti prodotti ta’ vetturi motorizzati u ċerti prodotti tessili u tal-ħwejjeġ. Madankollu, minn Diċembru tal-2006, hemm dispożizzjoni għat-tisħiħ tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fis-settur tal-vetturi motorizzati.

Il-ftehim jistabbilixxi regoli ddettaljati tal-oriġini sabiex jiżgura li l-prodotti li jibbenifikaw mill-arranġamenti preferenzjali jiġu biss mill-Afrika t’Isfel jew mill-UE. Sabiex jitqiesu proċessi ta’ produzzjoni internazzjonali moderni, dispożizzjonijiet speċjali jagħmlu r-regoli tal-oriġini aktar flessibbli.

L-Afrika t’Isfel u l-UE jistgħu jimplimentaw miżuri ta’ salvagwardja meta prodott importat ikun f’periklu li jikkawża ħsara serja lill-industrija nazzjonali. Il-ftehim jippermetti wkoll lill-Afrika t’Isfel tadotta miżuri ta’ salvagwardja tranżizzjonali (pereżempju, żieda jew l-introduzzjoni mill-ġdid tad-dazji doganali). Barra minn hekk, miżuri simili jagħmluha possibbli li jiġu protetti l-ekonomiji ta’ membri tal-Unjoni Doganali tal-Afrika Ċentrali u r-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE (bħal Réunion).

Il-ftehim jinkludi dispożizzjonijiet bl-għan li jiġi evitat abbuż minn kumpaniji b’pożizzjoni dominanti fis-suq u għalhekk jiżgura l-kompetizzjoni ħielsa fost il-kumpaniji mill-UE u l-Afrika t’Isfel. Il-kooperazzjoni sseħħ fi ħdan il-qafas ta’ konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, l-UE tipprovdi assistenza teknika biex tgħin lill-Afrika t’Isfel tirristruttura l-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħha. Il-ftehim jirrikonoxxi wkoll il-bżonn li tiġi pprovduta protezzjoni adegwata għall-proprjetà intellettwali u jipprevedi konsultazzjonijiet urġenti, meta neċessarji, u assistenza teknika għall-Afrika t’Isfel.

Fl-aħħar nett, it-TDCA jipprevedi kooperazzjoni mill-qrib f’firxa wiesgħa ta’ oqsma marbuta man-negozju, inklużi s-servizzi doganali, il-moviment liberu tas-servizzi u l-kapital, u ostakli tekniċi bħaċ-ċertifikazzjoni u l-istandardizzazzjoni.

Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp

L-għajnuna għall-iżvilupp li l-UE tipprovdi lill-Afrika t’Isfel hija implimentata prinċipalment mill-baġit tal-UE permezz tal-istrument finanzjarju għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

Il-fokus tal-programm indikattiv pluriennali għall-kooperazzjoni mal-Afrika t’Isfel għall-2014-2020 huwa fuq 3 oqsma:

  • il-ħolqien tal-impjiegi
  • l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-innovazzjoni
  • il-bini ta’ stat kapaċi u li jiżviluppa.

Bħal ftehimiet oħrajn dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-kooperazzjoni deċentralizzata hija element ewlieni tal-assistenza, u għalhekk tirrikjedi grad għoli ta’ involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-iżvilupp.

Kooperazzjoni ekonomika

Iż-żewġ partijiet qed iżidu l-kooperazzjoni ekonomika tagħhom f’ħafna oqsma bħall-industrija (sabiex jiġi ffaċilitat ir-ristrutturar tal-industrija tal-Afrika t’Isfel), is-soċjetà tal-informazzjoni, il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, it-trasport u l-enerġija. Il-kooperazzjoni f’dan il-qasam għandha tappoġġja wkoll l-iżvilupp sostenibbli fl-ekonomiji tagħhom u tħares l-ambjent.

Aspetti oħrajn

Id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ikopru l-kooperazzjoni f’oqsma diversi bħal:

  • kooperazzjoni soċjali, ibbażata fuq djalogu li jkopri numru ta’ aspetti, bħal-libertà ta’ assoċjazzjoni, id-drittijiet tal-ħaddiema, id-drittijiet tat-tfal, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-vjolenza kontra n-nisa;
  • kooperazzjoni għall-ħarsien tal-ambjent, b’mod partikolari rigward it-tibdil fil-klima;
  • kooperazzjoni kulturali;
  • kooperazzjoni fil-ġlieda kontra d-drogi u l-ħasil tal-flus;
  • kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa u, b’mod partikolari, il-ġlieda kontra l-AIDS.

Fl-aħħar nett, it-TDCA fih xi dispożizzjonijiet istituzzjonali. Huwa joħloq Kunsill ta’ Kooperazzjoni li jiżgura l-operazzjoni mingħajr xkiel tal-ftehim. U jipprevedi kuntatt regolari bejn il-partijiet; pereżempju, bejn il-parlamenti tagħhom u bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tal-UE u l-kontroparti tiegħu fl-Afrika t’Isfel, il-Kunsill Nazzjonali għall-Iżvilupp Ekonomiku u x-Xogħol.

MINN META JAPPLIKAW IL-FTEHIM U D-DEĊIŻJONI?

Iffirmat fil-11 ta’ Ottubru 1999 fi Pretoria, it-TDCA daħal fis-seħħ b’mod sħiħ fl-1 ta’ Mejju 2004. Madankollu, xi dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE ilhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2000.

F’Ġunju 2016, l-Afrika t’Isfel iffirmat l-FSE UE - SADC (Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika mal-Komunità għall-Iżvilupp tal-Afrika tan-Nofsinhar) flimkien ma’ 5 pajjiżi oħra tal-Afrika meridjonali (il-Botswana, il-Lesoto, il-Mozambique, in-Namibja, u Swaziland). Ladarba jiġi rratifikat, l-FSE se jieħu post ir-regoli tal-kummerċ tad-TDCA.

SFOND

Il-ftehim huwa ssuplimentat minn 3 ftehimiet addizzjonali: il-Ftehim dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija, u l-Ftehimiet dwar l-Inbid u l-Ispirti. Il-Ftehim dwar is-Sajd maħsub skont it-TDCA ma ġiex konkluż. L-Afrika t’Isfel għandha wkoll sħubija kwalifikata tal-Ftehim ta’ Cotonou, li tirregola r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi AKP.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim dwar il-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq parti minnhom, u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, fil-parti l-oħra - Protokoll 1 rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva - Protokoll 2 dwar assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali - Att Finali - Dikjarazzjonijiet (ĠU L 311, 4.12.1999, pp. 3-415)

L-emendi suċċessivi għall-ftehim ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/441/KE tas-26 ta’ April 2004 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim għall-Kummerċ, Żvilupp u Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq parti minnhom, u r-Repubblika ta’ l-Afrika t’Isfel, fil-parti l-oħra (ĠU L 127, 29.4.2004, p. 109)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2793/1999 tas-17 ta’ Diċembru 1999 dwar ċerti proċeduri għall-applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel (ĠU L 337, 30.12.1999, pp. 29-33)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 08.10.2018

Top