EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sistema għar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kkwotati fil-borża

Sistema għar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kkwotati fil-borża

 

SOMMARJU TA’:

Rakkomandazzjoni 2009/385/KE fir-rigward tar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji

X’INHU L-GĦAN TAR-RAKKOMANDAZZJONI?

Hija tissupplimenta l-gwida eżistenti tal-UE billi tagħti rakkomandazzjonijiet addizzjonali dwar il-mod li fih jistgħu jiġu ddefiniti l-aħjar prattiki sabiex titħejja politika ta’ rimunerazzjoni xierqa għad-diretturi tal-kumpaniji kkwotati fil-borża. Għal dan il-għan, hija tittratta ċerti aspetti tal-istruttura tar-rimunerazzjoni tad-diretturi u l-governanza tagħha.

PUNTI EWLENIN

Politika ta’ rimunerazzjoni

Struttura tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi

Sabiex jiġi żgurat li r-rimunerazzjoni tkun relatata mal-prestazzjoni, ir-rakkomandazzjoni l-ġdida tirrikjedi l-istabbiliment ta’ bilanċ bejn rimunerazzjoni fissa u varjabbli u tagħmel l-allokazzjoni tal-komponent varjabbli soġġett għal kriterji ta’ prestazzjoni predeterminati u li jistgħu jitkejlu.

Sabiex tiġi promossa s-sostenibbiltà fit-tul tal-kumpaniji, ir-rakkomandazzjoni tipprovdi wkoll:

  • bilanċ bejn kriterji ta’ prestazzjoni fit-tul u fuq perjodu ta’ żmien qasir;
  • differiment tal-ħlas tal-komponent varjabbli;
  • perjodu minimu għall-assenjazzjoni ta’ opzjonijiet tal-ishma u ishma (iż-żmien li direttur jeħtieġlu jaqdi kumpanija sabiex isir is-sid tal-opzjonijiet u tal-ishma tagħhom);
  • iż-żamma ta’ għadd minimu ta’ ishma sat-tmiem tal-mandat.

Ħlasijiet ta’ terminazzjoni (“golden parachutes”) ukoll huma soġġetti għal limitazzjonijiet kwantifikati u ma jenħtieġx li jitħallsu fil-każ ta’ falliment. Huwa ssuġġerit li l-ħlasijiet ma jaqbżux l-ekwivalenti ta’ sentejn mill-komponent fiss tar-rimunerazzjoni.

Ir-rakkomandazzjoni tintroduċi wkoll il-prinċipju tal-proporzjonalità tar-rimunerazzjoni fi ħdan il-kumpanija. Dan ikun klassifikazzjoni li tqabbel ir-rimunerazzjoni tad-diretturi ma’ dik ta’ diretturi eżekuttivi oħra fil-bord u l-impjegati u l-eżekuttivi tal-kumpanija.

Bħala l-aħħar soluzzjoni, il-kumpaniji għandhom jitolbu lura l-komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni li kienu tħallsu abbażi ta’ data li wara joħorġu provi biċ-ċar li ma tkunx ġenwina.

Governanza tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi

Żvelar tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi

Din ir-rakkomandazzjoni hija bbażata fuq ir-Rakkomandazzjoni 2004/913/KE li tistipula li kull kumpanija elenkata trid tippubblika rendikont dwar il-politika tar-rimunerazzjoni tagħha. Ir-rakkomandazzjoni l-ġdida tmur oltre billi tiddikjara li dan ir-rendikont irid ikun ċar u jinfitehem faċilment.

Jenħtieġ li r-rendikont dwar ir-rimunerazzjonijiet jipprovdi wkoll informazzjoni dwar:

  • l-għażla tal-kriterji ta’ prestazzjoni;
  • il-metodi applikati sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kriterji ta’ prestazzjoni jkunux ġew issodisfati;
  • il-ħlas ta’ komponenti verjabbli tar-rimunerazzjoni;
  • il-ħlas ta’ ħlasijiet ta’ terminazzjoni;
  • l-assenjazzjoni ta’ drittijiet ibbażati fuq l-ishma għar-rimunerazzjoni;
  • il-politika dwar iż-żamma tal-ishma (iffissati, pereżempju, fid-doppju tal-valur tar-rimunerazzjoni kollha fis-sena);
  • il-kompożizzjoni tal-istess gruppi ta’ kumpaniji li l-politika ta’ rimunerazzjoni tagħhom ġiet eżaminata skont l-istabbiliment tal-politika ta’ rimunerazzjoni tal-kumpanija inkwistjoni.

Vot tal-azzjonijiet

Sabiex titjieb it-trasparenza, jenħtieġ li l-azzjonisti jipparteċipaw f’laqgħat tal-bord u jużaw id-dritt tagħhom tal-vot fir-rigward tar-rimunerazzjoni tad-diretturi.

Kumitati tar-rimunerazzjoni

Il-kumitati tar-rimunerazzjoni għandhom rwol ċentrali fl-istabbiliment ta’ politika tar-rimunerazzjoni responsabbli. Sabiex il-funzjonament u r-responsabbiltà tal-kumitat tar-rimunerazzjoni jissaħħu, ir-rakkomandazzjoni tissuġġerixxi li mill-inqas wieħed mill-membri tagħha jenħtieġ li jkollu biżżejjed għarfien espert fi kwistjonijiet ta’ rimunerazzjoni.

Ir-rakkomandazzjoni tinkludi wkoll obbligu biex il-membri tal-kumitat tar-rimunerazzjoni jattendu l-laqgħa tal-bord li fiha r-rendikont dwar ir-rimunerazzjoni jkun fuq l-aġenda sabiex ikunu jistgħu jagħtu spjegazzjonijiet lill-azzjonisti.

Fl-aħħar nett, sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess għall-konsulenti tar-rimunerazzjoni, hija teħtieġ li l-konsulenti li jagħtu pariri lill-kumitat tar-rimunerazzjoni jeħtieġ li ma jagħtux pariri lil dipartimenti oħra tal-kumpanija.

Ir-rimunerazzjoni tad-diretturi jew membri mhux eżekuttivi tal-bord superviżorju

Sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess, ir-rakkomandazzjoni tipprovdi li r-rimunerazzjoni tal-membri mhux eżekuttivi tal-bord jew tal-membri tal-bord superviżorju jenħtieġ li ma tinkludix opzjonijiet tal-ishma.

SFOND

Il-kriżi finanzjarja ta’ Ottubru 2008 żvelat strutturi tar-rimunerazzjoni aktar u aktar kumplessi. Spiss dawn ikunu bbażati fuq il-prestazzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir, li tista’ twassal għal rimunerazzjoni eċċessiva tad-diretturi, li ma tkunx iġġustifikata skont il-prestazzjoni. Din ir-rakkomandazzjoni tikkomplimenta u ssaħħaħ ir-Rakkomandazzjonijiet 2004/913/KE u 2005/162/KE, li jikkostitwixxu s-sett ta’ regoli tal-UE għar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kkwotati fil-borża. Din ġiet ippubblikata b’mod parallel mar-Rakkomandazzjoni 2009/384/KE dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur finanzjarju.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/385/KE tat-30 ta’ April 2009 li tikkumplementa r-Rakkomandazzjonijiet Nru 2004/913/KE u Nru 2005/162/KE fir-rigward tas-sistema tar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kkwotati fil-borża (ĠU L 120, 15.5.2009, pp. 28-31)

DOKUMENTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, il-kunsill, il-kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u l-kumitat tar-reġjuni Rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-UE tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/385/KE (Rakkomandazzjoni 2009 dwar ir-remunerazzjoni tad-Diretturi) li tikkomplementa r-Rakkomandazzjonijiet 2004/913/KE u 2005/162/KE fir-rigward tas-sistema tar-remunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kkwotati fil-borża (COM(2010) 285 final, 2.6.2010)

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/384/KE tat-30 ta’ April 2009 dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 120, 15.5.2009, pp. 22-27)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2005/162/KE tal-15 ta’ Frar 2005 dwar ir-rwol ta’ diretturi mhux-esekuttivi jew superviżorji ta’ kumpaniji kkwotati fil-borża u dwar il-kumitati tal-bord (superviżorju) (ĠU L 52, 25.2.2005, pp. 51-63)

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2004/913/KE tal-14 ta’ Diċembru 2004 sabiex titkattar sistema għar-rimunerazzjoni ta’ diretturi ta’ kumpaniji kwotati fil-borża (ĠU L 385, 29.12.2004, pp. 55-59)

l-aħħar aġġornament 14.02.2018

Top