EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

In-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK)

In-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK)

 

SOMMARJU TA’:

Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-Network tal-Awtoritajiet tal-kompetizzjoni

X’INHU L-GĦAN TAL-AVVIŻ?

  • Dan jistabbilixxi fid-dettall kif in-Network Ewropew għall-kompetizzjoni (NEK) maħluq mir-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ara s-sommarju) jopera fil-prattika biex jiżgura diviżjoni effiċjenti tax-xogħol u applikazzjoni effettiva u konsistenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE.
  • In-network jikkonsisti mill-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jaħdmu flimkien fuq każijiet li jinvolvu l-Artikoli 101 (ara s-sommarju) u 102, (preċedentement l-Artikoli 81 u 82) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
  • L-Artikolu 101 jipprojbixxi l-kartelli u l-imġiba li tipprevjeni, tirrestrinġi jew tfixkel il-kompetizzjoni. L-Artikolu 102 jipprojbixxi abbużi minn kumpaniji b’pożizzjoni dominanti.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament jistabbilixxi sistema ta’ setgħat paralleli li tippermetti lill-awtoritajiet kollha tal-kompetizzjoni li japplikaw l-Artikoli 101 u 102. Il-każijiet jiġu ttrattati mill-awtorità li tkun irċeviet ilment jew li tkun bdiet proċedura ex officio*. L-allokazzjoni mill-ġdid ta’ każ tkun prevista biss fil-bidu ta’ proċedura fejn jew dik l-awtorità kkunsidrat li ma kinitx f’pożizzjoni tajba biex taġixxi jew fejn awtoritajiet oħra wkoll qiesu li kienu f’pożizzjoni tajba biex jaġixxu. Awtorità tista’ titqies li tkun f’pożizzjoni tajba biex tittratta każ jekk jiġu ssodisfati t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

  • l-imġiba allegata illegali tiġi implimentata fi ħdan jew toriġina fil-ġuriżdizzjoni tagħha;
  • tista’ ttemm il-prattika;
  • din tista’ tiġbor, possibbilment bl-għajnuna ta’ awtoritajiet oħra, l-evidenza meħtieġa biex turi l-għemil ħażin.

Għalhekk l-awtoritajiet li ġejjin huma f’pożizzjoni partikolarment tajba biex jittrattaw każ:

  • awtorità nazzjonali unika meta l-kondizzjonijiet li ġejjin jikkonfermaw li teżisti rabta materjali bejn l-għemil ħażin u t-territorju tagħha;
  • żewġ jew tliet awtoritajiet nazzjonali li jikkooperaw u jaħdmu b’mod parallel meta l-imġiba li tkun qed tiġi investigata jkollha effetti sostanzjali fuq il-kompetizzjoni fit-territorji rispettivi tagħhom;
  • il-Kummissjoni meta l-każ jaffettwa l-kompetizzjoni f’aktar minn tliet pajjiżi tal-UE jew huwa marbut ma’ regoli oħra tal-UE taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni jew jekk l-interess tal-UE jeħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tiġi żviluppata politika tal-kompetizzjoni tal-UE meta tinqala’ kwistjoni ġdida tal-kompetizzjoni jew biex jiġi żgurat infurzar effettiv.

Il-kooperazzjoni dwar l-allokazzjoni tal-każijiet u l-assistenza fi ħdan in-network tinvolvi:

  • l-allokazzjoni tal-każijiet malajr u b’mod effiċjenti;
  • l-iskambju ta’ informazzjoni fil-bidu tal-proċedura tal-każijiet kollha pendenti quddiem l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni differenti biex jiġi ddeterminat liema huwa l-aħjar mod biex tiġi trattata l-investigazzjoni;
  • allokazzjoni mill-ġdid ta’ każ, normalment fi żmien xahrejn, jekk ikun meħtieġ.

Awtorità nazzjonali tista’:

  • tissospendi jew tagħlaq il-proċedimenti tagħha, għalkemm ma jkollha l-ebda obbligu, u tista’ tiddeċiedi li tagħmel dan meta awtorità oħra tkun qed tittratta, jew tkun ittrattat, il-każ;
  • titlob lil awtorità nazzjonali oħra għall-assistenza fil-ġbir tal-informazzjoni jew fit-tiftix tal-fatti;
  • twettaq spezzjoni għall-Kummissjoni jekk tintalab.

L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kollha jistgħu jiskambjaw u jużaw informazzjoni kunfidenzjali li jkunu ġabru filwaqt li japplikaw is-salvagwardji li ġejjin għall-kumpaniji u l-individwi:

  • ir-rispett għas-segretezza professjonali sakemm ma jkunx meħtieġ l-iżvelar biex tiġi ppruvata mġiba antikompetittiva;
  • l-użu tal-informazzjoni skambjata għal każijiet ta’ kompetizzjoni biss;
  • il-konformità mad-dritt ta’ difiża għall-individwi, b’mod partikolari meta jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet.

L-ilmentaturi li jqajmu allegat abbuż mal-Kummissjoni għandhom id-dritt li jkunu jafu għaliex, jekk l-ilment tagħhom jiġi miċħud.

Il-kumpaniji li jfittxu trattament favorevoli f’każijiet ta’ kartell taħt programm nazzjonali ta’ klemenza*:

  • għandhom iressqu l-applikazzjoni għall-klemenza tagħhom lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kollha involuti fil-każ;
  • għandhom jagħtu, u ma jistgħux aktar tard jirtiraw, il-kunsens tagħhom qabel ma tingħata kwalunkwe informazzjoni li pprovdew volontarjament jew għenu biex jiksbuha lil membru ieħor tan-network, ħlief meta l-awtorità li tirċievi l-informazzjoni:
    • tkun irċeviet ukoll applikazzjoni għall-klemenza mill-kumpanija;
    • tipprovdi impenn bil-miktub biex ma tużax l-informazzjoni biex timponi sanzjonijiet fuq l-applikant għall-klemenza, kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika oħra, jew impjegati attwali u preċedenti koperti bil-miżuri ta’ trattament favorevoli.

Applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE:

  • tirrikjedi lill-awtoritajiet nazzjonali biex:
    • ma jiddevjawx mid-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni diġà ħadet meta jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki;
    • jibagħtu lill-Kummissjoni sommarju tal-każ mhux aktar tard minn 30 jum qabel ma tiġi adottata deċiżjoni dwar l-imġiba antikompetittiva;
  • tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jieħdu deċiżjoni wara t-30 jum, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx bdiet il-proċedimenti, għalkemm tista’ tagħmel osservazzjonijiet bil-miktub dwar il-każ;
  • tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali l-possibbiltà li jinfurmaw lill-Kummissjoni u lin-network dwar kwalunkwe każ ieħor li jinvolvi l-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE.

Il-Kummissjoni tista’ tibda l-proċedimenti tagħha tal-Artikolu 101 u 102, jew għaliex hija l-ewwel awtorità tal-kompetizzjoni li tagħmel dan jew (jekk dan isir wara l-allokazzjoni inizjali tal-każ, u tispjega għaliex lill-awtoritajiet nazzjonali) għaliex:

  • il-membri tan-network jipprevedu deċiżjonijiet konfliġġenti fil-każ jew deċiżjoni li ma tkunx konformi mal-każistika tal-UE, ma joġġezzjonawx jew qegħdin jieħdu l-proċedimenti b’mod mhux xieraq;
  • teżisti l-ħtieġa li tiġi adottata deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tiġi żviluppata l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE.

L-awtoritajiet nazzjonali, ladarba l-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedimenti, ma jistgħux jaġixxu fuq l-istess bażi legali kontra l-istess ftehim(iet) jew prattika/i mill-istess kumpanija/i fl-istess suq rilevanti u ġeografiku.

L-avviż:

  • jiġi rivedut perjodikament mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-Kummissjoni;
  • jissostitwixxi l-avviż tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni fit-trattament ta’ każijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 (issa l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE) tat-Trattat ippubblikat fl-1997.

MINN META JAPPLIKA L-AVVIŻ?

Dan ilu japplika mis-27 ta’ April 2004.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Proċedura ex officio: permezz tal-uffiċċju jew tal-pożizzjoni; “bi dritt tal-uffiċċju” fi kwistjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat, tintuża biex tirreferi għal investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja, meta d-DĠ għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni jieħu l-inizjattiva li jeżamina u/jew jiddeċiedi li jniedi investigazzjoni ta’ għajnuna allegatament illegali.
Programm ta’ klemenza: programm li joffri lill-kumpaniji involuti f’kartell il-possibbiltà li jippreżentaw ruħhom u jressqu evidenza lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni bi skambju għall-immunità totali jew għall-klemenza.

DOKUMENT EWLIENI

Avviż mill-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (ĠU C 101, 27.4.2004, pp. 43-53)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ĠU L 11, 14.1.2019, pp. 3-33)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni fuq il-kompetizzjoni, fuq it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli li jirregolaw il-kompetizzjoni — Taqsima 1 — Regoli li japplikaw għal impriżi — Artikolu 101 (ex Artikolu 81 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 88-89)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni fuq il-kompetizzjoni, fuq it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli li jirregolaw il-kompetizzjoni — Taqsima 1 — Regoli li japplikaw għal impriżi — Artikolu 102 (ex Artikolu 82 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 89)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, pp. 1-25)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 15.05.2020

Top