Vyberte pokusně zaváděné prvky, které byste chtěli vyzkoušet

Tento dokument je výňatkem z internetových stránek EUR-Lex

Adeżjoni għat-trattati tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali

Adeżjoni għat-trattati tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali

 

SOMMARJU TA’:

Deciżjoni 2000/278/KE dwar l-approvazzjoni, f’isem l-UE, tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali dwar id-Dritt tal-Awtur u tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi

It-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali dwar id-Dritt tal-Awtur — Dikjarazzjonijiet konġunti

It-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali dwar l-Interpretazzjonijiet, l-Eżekuzzjonijiet u l-Fonogrammi — Dikjarazzjonijiet konġunti

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAT-TRATTATI?

Id-deċiżjoni tapprova żewġ (2) trattati konklużi f’Diċembru 1996 f’isem il-Komunità Ewropea (issa l-UE). It-trattati inkwistjoni huma t-Trattat dwar id-Dritt tal-Awtur (WCT) u t-Trattat dwar l-Interpretazzjonijiet, l-Eżekuzzjonijiet u l-Fonogrammi (WPPT) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO).

L-għan tad-WCT u tal-WPPT, magħrufa wkoll bħala t-trattati tal-“internet” tad-WIPO, huwa li jadattaw il-protezzjoni internazzjonali tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati mal-era tal-internet billi jissupplimentaw il-kontenut tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi.

PUNTI EWLENIN

WCT

Skont dan it-trattat, l-awturi jingħataw id-drittijiet esklussivi ta’ distribuzzjoni u kiri u bi dritt usa’ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku dwar ix-xogħlijiet tagħhom fl-ambjent diġitali. Il-programmi tal-kompjuter huma protetti daqslikieku xogħlijiet letterarji u l-arranġament jew l-għażla ta’ data jew materjal ieħor fil-bażijiet tad-data huma protetti wkoll. Protezzjoni speċifika hija pprovduta wkoll għal miżuri teknoloġiċi u informazzjoni dwar l-immaniġġjar tad-drittijiet elettroniċi li jintużaw biex jiġu identifikati u mmaniġġjati x-xogħlijiet.

WPPT

Dan it-trattat jikkonċerna drittijiet relatati u jtejjeb il-protezzjoni ta’ artisti/artisti tal-ispettaklu u produtturi ta’ fonogrammi (jiġifieri reġistrazzjonijiet), b’mod partikolari fl-ambjent diġitali. Huma jgawdu drittijiet esklussivi għar-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni, il-kiri u biex jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-eżekuzzjonijiet u l-fonogrammi tagħhom. Huma jirċievu wkoll dritt għal remunerazzjoni ekwa għax-xandir jew għal kwalunkwe komunikazzjoni lill-pubbliku tal-fonogrammi tagħhom ippubblikati għal skopijiet kummerċjali.

L-adeżjoni tal-UE

Fid-deċiżjoni tiegħu tas-16 ta’ Marzu 2000, il-Kunsill approva ż-żewġ trattati f’isem l-UE u awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrappreżenta lill-UE fil-laqgħat tal-Assembleji msemmija fit-trattati. F’konformità ma’ din id-deċiżjoni, il-pożizzjoni tal-UE se titħejja mill-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill. Għall-ewwel darba, l-UE saret parti mit-trattati tal-WIPO fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet tal-viċinat.

MINN META JIBDEW JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U T-TRATTATI?

Dawn it-trattati daħlu fis-seħħ tliet (3) xhur wara li 30 strument ta’ ratifika jew adeżjoni mill-istati ġew ippreżentati lid-WIPO.

L-istrumenti ta’ ratifika tal-UE ġew iddepożitati mill-UE u l-pajjiżi tal-UE fl-14 ta’ Diċembru 2009 wara li l-pajjiżi kollha tal-UE inkorporaw fil-liġi nazzjonali tagħhom id-Direttiva 2001/29/KE dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, li adattat il-leġiżlazzjoni tal-UE għall-kontenut tat-trattati.

SFOND

Il-konvenzjonijiet ta’ Pariġi (protezzjoni tal-proprjetà industrijali, 1883) u Berna (protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi, 1886) jiffurmaw il-qafas tat-trattati tad-WIPO. Trattati sussegwenti estendew il-protezzjoni offruta lil xogħlijiet kreattivi oħra (eż. eżekuzzjonijiet, fonogrammi) billi qiesu l-iżviluppi tekniċi u oqsma ġodda ta’ interess (eż. is-soċjetà tal-informazzjoni).

L-aħħar trattat tad-WIPO ratifikat mill-UE (fl-2018) huwa t-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat. L-għan tiegħu huwa li jtejjeb id-disponibbiltà u l-iskambju transfruntier ta’ ċerti xogħlijiet u xogħlijiet kreattivi protetti f’formati aċċessibbli għal persuni li huma għomja, neqsin mid-dawl jew b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat. Il-partijiet għat-trattat għandhom il-libertà li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tiegħu, filwaqt li jqisu s-sistemi u l-prattiki legali tagħhom stess, li jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti bil-Konvenzjoni ta’ Berna.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLIENI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas-16 ta’ Marzu 2000 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat WIPO dwar id-Dritt tal-Awtur u tat-Trattat WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (ĠU L 89, 11.4.2009, p. 6-7).

Trattat tad-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur (WCT) — Dikjarazzjonijiet konġunti (ĠU L 89, 11.4.2000, p. 8-14)

It-Trattat tad-WIPO war l-Interpretazzjonijiet, l-Eżekuzzjonijiet u l-Fonogrammi (WPPT) — Dikjarazzjonijiet konġunti (ĠU L 89, 11.4.2000, p. 15-23)

DOKUMENTI RELATATI

It-Trattat ta’ Marrakexx biex jiffaċilita l-aċċess għal Xogħlijiet ippubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (ĠU L 48, 21.2.2018, p. 3-11)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/254 tal-15 ta’ Frar 2018 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tat-Trattat ta’ Marrakexx biex Jiffaċilita l-Aċċess għal Xogħlijiet Ippubblikati għal Persuni li huma Għomja, Neqsin mid-Dawl, jew b’Diżabilità biex Jaqraw il-Kitba Stampata (ĠU L 48, 21.2.2018, p. 1-2)

Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10-19)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2001/29/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 25.02.2019

Nahoru