EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Sistema msaħħa ta’ onformazzjoni tax-Schengen' for an updated information about the subject.

Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 — l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

Id-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI — l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

X’INHUMA L-GĦANIJIET TAR-REGOLAMENT U TAD-DEĊIŻJONI?

  • Ir-Regolament u d-Deċiżjoni jipprovdu l-bażi ġuridika għas-SIS II li fiha allerti* uffiċjali fuq individwi u oġġetti. Dawn jistabbilixxu l-binja tas-sistema u r-responsabbiltajiet u d-drittijiet ta’ dawk involuti.
  • Ir-Regolament ikopri d-dħul fl-UE għall-allerti dwar ċittadini mhux tal-UE u l-ipproċessar tagħhom.
  • Id-Deċiżjoni tkopri allerti dwar persuni u oġġetti marbuta mal-pulizija u l-kooperazzjoni kriminali ġudizzjarja.
  • Għalkemm is-SIS II għandha żewġ bażijiet leġiżlattivi, din topera bħala sistema ta’ informazzjoni unika. Ħafna mill-artikoli fir-Regolament u fid-Deċiżjoni huma l-istess.

PUNTI EWLENIN

Binja. Is-SIS II tinkludi dan li ġej:

  • Sistema ċentrali (SIS II Ċentrali) bi:
    • funzjoni ta’ appoġġ tekniku u amministrattiv (CS-SIS) b’bażi tad-data (bażi tad-data SIS II) ibbażata fi Strasburgu u backup, f’każ li ma taħdimx is-sistema, qrib Salzburg (l-Awstrija);
    • interfaċċa nazzjonali uniformi (NI-SIS).
  • Sistema nazzjonali (N.SIS.II) f’kull pajjiż taż-żona ta’ Schengen li fiha tiddaħħal, tiġi aġġornata, titħassar u titfittex id-data u li tikkomunika mas-SIS II Ċentrali.
  • Infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn is-CS-SIS u l-NI-SIS li tipprovdi netwerk virtwali kriptat.

Spejjeż

  • Il-baġit tal-UE jkopri l-ispejjeż tal-istabbiliment, it-tħaddim u ż-żamma tas-SIS II Ċentrali u l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni.
  • Il-pajjiżi taż-żona ta’ Schengen ikopru l-ispejjeż tal-istabbiliment, it-tħaddim u ż-żamma ta’ kull N.SIS II.

Regoli proċedurali

  • Qabel jinħareġ allert, il-pajjiżi tal-UE għandhom jiddeterminaw jekk il-każ huwiex adegwat, rilevanti u importanti biżżejjed biex jistħoqq dħul fis-SIS II.
  • SIS II tinkludi biss kategoriji ta’ data meħtieġa biex jinkiseb l-għan speċifiku tal-allert. Dawn jinkludu elementi bħall-isem, is-sess, il-post u d-data tat-twelid, ir-ritratti, il-marki tas-swaba’ tal-persuna u r-raġuni għall-allert.
  • Ir-ritratti u l-marki tas-swaba’ għandhom jissodisfaw kontroll tal-kwalità speċjali biex jiżguraw li jissodisfaw standards tal-kwalità tad-data minimi.
  • Allerti dwar persuni u oġġetti għandhom jinżammu biss għaż-żmien meħtieġ biex jinkiseb l-għan tagħhom.
  • Allerti dwar persuni jitħassru awtomatikament wara 3 snin sakemm il-pajjiż emittenti ma jiddeċidix, wara reviżjoni, li jestendih.
  • Allerti dwar oġġetti, bħal vetturi, dgħajjes, inġenji tal-arji u kontejners jistgħu jinżammu sa 5 snin u dawk dwar oġġetti li għandhom jinqabdu jew jintużaw bħala evidenza fil-proċedimenti kriminali sa 10 snin — it-tnejn jistgħu jiġu estiżi.
  • Il-miżuri li għandhom jittieħdu biex tiġi evitata l-konfużjoni jew biex jiġu rettifikati l-każijiet ta’ identità użata ħażin.
  • Data pproċessata fis-SIS II tista’ ma tiġix ittrasferita jew issir disponibbli għal pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.
  • Jekk pajjiż iqis li l-azzjoni li għandha tittieħed bħala rispons għal allert mhijiex kompatibbli mal-liġi nazzjonali tiegħu, dan jista’ jindika li mhu ser jieħu l-ebda azzjoni fit-territorju tiegħu billi jżid bandiera mal-allert.

Kategoriji ta’ allert

Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 ikopri allerti (u l-kundizzjonijiet marbutin) dwar ċittadini mhux tal-UE biex iċaħħadhom milli jidħlu jew jibqgħu għar-raġuni li joħolqu theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-individwu:

  • ikun ġie kkundannat f’pajjiż tal-UE ta’ reat li jġorr piena tal-ħabs minima ta’ sena;
  • huwa maħsub li wettaq, jew beħsiebu jwettaq, reat kriminali serju;
  • ikun ġie soġġett għal tkeċċija, rifjut tad-dħul jew ordni ta’ tneħħija li għadha fis-seħħ.

Id-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI tistabbilixxi l-allerti li jintużaw biex jappoġġjaw il-kooperazzjoni operattiva bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali u l-proċeduri rilevanti biex jiġu sottomessi u jaġixxu fuqhom. Dawn ikopru:

  • persuni mfittxija għal estradizzjoni, jew għal arrest taħt skopijiet ta’ ċediment abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew;
  • persuni neqsin li jeħtieġ li jitqiegħdu taħt protezzjoni u/jew li jkun irid jiġi aċċertat fejn jinsabu;
  • persuni, bħal xhieda jew xi ħadd li jiġi mħarrek jew imfittex biex jgħin fi proċedura ġudizzjarja;
  • persuni jew vetturi, dgħajjes, inġenji tal-ajru u kontejners imfittxija għal kontrolli diskreti u speċifiċi għall-prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew għall-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika u, fil-każ tal-oġġetti, fejn dawn ikunu konnessi biċ-ċar ma’ reati kriminali serji;
  • oġġetti (bħal vetturi bil-mutur, trejlers, armi tan-nar, dokumenti uffiċjali vojta, dokumenti tal-identità u karti tal-flus) imfittxija biex jinqabdu jew għall-użu bħala evidenza fil-proċedimenti kriminali.

Id-Deċiżjoni speċifikament tippermetti data (numru, pajjiż emittenti u tip ta’ dokument) dwar passaporti misruqin, użati ħażin, mitlufa jew invalidati biex jiġu skambjati mal-membri tal-Interpol.

L-entitajiet li ġejjin għandhom aċċess għad-data fis-SIS II.

  • L-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għal:
    • kontrolli fil-fruntieri;
    • kontrolli tal-pulizija u tad-dwana;
    • prosekuzzjonijiet pubbliċi fi proċedimenti kriminali u inkjesti ġudizzjarji qabel l-akkuża;
    • awtoritajiet tal-permessi tal-visa u tar-residenza.
  • L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) jista’ jfittex id-data direttament, iżda l-użu tal-informazzjoni misjuba f’din it-tfittxija jeħtieġ il-kunsens tal-pajjiż taż-żona Schengen ikkonċernat.
  • Membri nazzjonali tal-Eurojust u l-assistenti tagħhom, iżda mhux biss il-persunal tal-Eurojust. L-utenti jistgħu jaċċessaw biss id-data li jeħtieġu biex iwettqu l-kompiti tagħhom.

Responsabbiltajiet

Kull pajjiż taż-żona Schengen jagħmel dan li ġej.

  • Jistabbilixxi, iħaddem u jżomm in-N.SIS II tiegħu u l-konnessjoni tagħha mas-sistema ċentrali.
  • Jinnomina awtorità għall-uffiċċju tas-SIS II nazzjonali (l-uffiċċju N.SIS II). Din għandha responsabbiltà ċentrali għall-proġett tas-SIS II nazzjonali tiegħu u għat-tħaddim bla xkiel u għas-sigurtà tas-sistema nazzjonali tiegħu.
  • Jaħtar awtorità nazzjonali, l-Uffiċċju Sirene, biex tiżgura l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari * billi tintuża l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni. L-uffiċċji jikkoordinaw il-verifika tal-kwalità tal-informazzjoni li tiddaħħal fis-SIS II.
  • Japplika l-protokolli u l-proċeduri tekniċi billi jiżgura l-kompatibbiltà tan-N-SIS II tiegħu mas-CS-SIS biex jiżgura li d-data tintbagħat mill-ewwel u b’mod effettiv.
  • Huwa responsabli biex jiżgura li d-data tkun preċiża, aġġornata u tiddaħħal legalment fis-SIS II. Dan jista’ jimmodifika, iżid, jikkoreġi, jaġġorna jew iħassar biss dik id-data li jkun daħħal.
  • Jadotta pjan ta’ sigurtà biex jipproteġi d-data u jipprevjeni aċċess mhux awtorizzat.
  • Japplika r-regoli tiegħu ta’ segretezza professjonali u kunfidenzjalità.
  • Jirreġistra fin-N.SIS II tiegħu l-iskambji kollha tad-data personali fis-CS-SIS meta ma jkunx qed juża kopji nazzjonali.
  • Jiżgura li l-aworitatjiet kollha intitolati għal aċċess tad-data tas-SIS II jikkonformaw mar-Regolament u mad-Deċiżjoni.
  • Jipprovdi lill-persunal taħriġ xieraq dwar is-sigurtà tad-data u r-regoli tal-protezzjoni.
  • Huwa responsabbli għal kwalunkwe ħsara li ssir lil individwu permezz tal-użu tan-N.SIS II.
  • Jiżgura li kwalunkwe użu ħażin tad-data li tiddaħħal fis-SIS II, jew kwalunkwe skambju tal-informazzjoni supplimentari jiġi soġġett għal penali effettivi, proporzjonali u dissważivi.

Awtorità maniġerjali (eu-LISA) hija responsabbli għal:

  • it-tmexxija operattiva tas-SIS II Ċentrali sabiex tiffunzjona 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa;
  • l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni (is-superviżjoni, is-sigurtà u l-koordinazzjoni tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi tal-UE);
  • pjan ta’ sigurtà, inklużi miżuri ta’ kontinġenza, biex jipproteġi d-data u l-infrastruttura kritika u jipprevjeni aċċess jew użu mhux awtorizzat (il-Kummissjoni tagħmel l-istess għall-infrastruttura ta’ komunikazzjoni);
  • japplika regoli xierqa ta’ segretezza professjonali u kunfidenzjalità;
  • jirreġistra l-aċċess kollu għal, u skambji ta’, data personali fis-CS-SIS;
  • proċeduri biex tiġi mmonitorjata s-SIS II fuq l-output, il-kosteffettività, is-sigurtà u l-kwalità tas-servizz;
  • jippubblika statistika annwali dwar il-kategoriji ta’ allert u l-frekwenza li biha l-pajjiżi tal-UE jaċċessaw is-SIS II.

Protezzjoni tad-data

  • L-ipproċessar ta’ kategoriji sensittivi tad-data (oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija fi trejdjunjin, saħħa jew il-ħajja sesswali) huwa pprojbit.
  • Individwu għandu d-dritt li data fattwalment mhux preċiża dwaru tiġi kkoreġuta jew titħassar jekk tinħażen b’mod illegali u għandu jiġi infurmat dwar l-azzjoni li tkun ittieħdet.
  • Informazzjoni indispensabbli għal azzjoni legali jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ partijiet terzi tista’ ma tiġix ikkomunikata lis-suġġett tad-data*.
  • Individwu jista’ jieħu azzjoni legali biex jaċċessa, jikkoreġi, iħassar jew jikseb informazzjoni jew kumpens għal allert li jikkonċernah.
  • L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jimmonitorjaw il-legalità tal-ipproċessar u tat-trażmissjoni ta’ data personali tas-SIS II u informazzjoni supplimentari fil-pajjiż tagħhom. Dawn jagħmlu awditu tal-inqas kull 4 snin.
  • Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) jikkontrolla l-attivitajiet ta’ pproċessar tad-data tal-awtorità maniġerjali u jiżgura li jsir awditu tal-inqas kull 4 snin. Ir-rapport jintbagħat lill-Parlament Ewropew, l-awtorità maniġerjali, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.
  • L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-EDPS jikkooperaw mill-qrib, jiskambjaw informazzjoni rilevanti u jiltaqgħu tal-inqas darbtejn fis-sena.
  • Id-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI tistipula li data personali pproċessata fil-qafas tagħha hija koperta mill-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa 1981 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ pproċessar awtomatiku ta’ data personali.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENT U D-DEĊIŻJONI?

Ir-Regolament ilu japplika mis-17 ta’ Jannar 2007.

Id-Deċiżjoni ilha tapplika mit-28 ta’ Awwissu 2007.

SFOND

Reviżjoni tal-qafas legali tas-SIS II

Fid-19 ta’ Novembru 2018 il-Kunsill adotta tliet regolameti dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen li gradwalment jissostitwixxu r-Regolament u d-Deċiżjoni attwali sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet potenzjali fis-sistema u jintroduċu diversi bidliet essenzjali dwar it-tipi ta’ allert imdaħħla (ara s-sommarju dwar Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen imsaħħa Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen). Dan ser jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja, billi jiżgura livell għoli ta’ sigurtà madwar l-UE, u jgħin fil-ġestjoni tal-migrazzjoni.

Il-qafas legali ġdid jikkonsisti mir-regolamenti:

  • fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali (ir-Reg. 2018/1862)
  • fil-qasam tal-kontrolli fil-fruntieri (ir-Reg. 2018/1861)
  • għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ir-Reg. 2018/1860).

Ir-regolamenti l-ġodda, li għandhom jiddaħħlu fis-seħħ gradwalment sa Diċembru 2021, jintroduċu kategoriji addizzjonali ta’ allerti għas-sistema, bħal:

  • allerti maħruġa għall-għan ta’ verifiki tal-inkjesta, pass intermedju bejn kontrolli diskreti u kontrolli speċifiċi, li jippermettu li jiġu intervistati l-individwi;
  • allerti dwar suspettati mhux magħrufa jew persuni mfittxija, li jipprovdu għall-introduzzjoni fis-SIS ta’ marki tas-swaba’ jew marki tal-pala tal-id skoperti fix-xeni ta’ reati serji jew inċidenti terroristiċi u li jitqiesu li jappartjenu għal awtur,
  • allerti preventivi għal tfal f’riskju ta’ ħtif mill-ġenituri, kif ukoll tfal u persuni vulnerabbli li jeħtieġ li ma jitħallewx jivvjaġġaw għall-protezzjoni tagħhom stess (pereżempju, meta l-ivvjaġġar jista’ jwassal għal riskju ta’ żwieġ sfurzat, mutilazzjoni ġenitali femminili jew traffikar tal-bnedmin),
  • allerti għall-iskop ta’ ritorn, allert fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE b’soġġorn illegali, biex b’hekk jittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn.

Dawn jespandu wkoll il-lista ta’ oġġetti li jinħarġu l-allerti għalihom, inklużi dokumenti foloz u oġġetti identifikabbli ta’ valur għoli, kif ukoll tagħmir tal-IT.

Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ allerti fis-SIS fir-rigward ta’ projbizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi ssir obbligatorja.

Ir-regolamenti jintroduċu l-possibbiltà li jintużaw immaġnijiet tal-wiċċ għal skopijiet ta’ identifikazzjoni, b’mod partikolari biex tiġi żgurata l-konsistenza fi proċeduri ta’ kontrolli fil-fruntieri. Dan jippermetti wkoll l-inklużjoni ta’ profil tad-DNA biex jiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ persuni neqsin f’każijiet fejn data tal-marki tas-swaba’, ritratti jew immaġnijiet tal-wiċċ ma jkunux disponibbli jew ma jkunux xierqa għall-identifikazzjoni.

L-Europol tista’ taċċessa l-kategoriji kollha tad-data fis-SIS u tiskambja informazzjoni supplimentari mal-Uffiċċju Sirene nazzjonali tal-UE. Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE għandhom jinfurmaw lill-Europol bi kwalunkwe ħjiel meta persuna tiġi mfittxija f’konnessjoni ma’ reat terroristiku. Għall-iskopijiet stabbiliti f’dan il-mandat, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) ser ikollha wkoll aċċess għall-kategoriji ta’ allert fis-SIS.

Aktar informazzjoni

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Allert: Sett ta’ data li jippermetti lill-awtoritajiet jidentifikaw persuna jew oġġett u jaġixxu kif xieraq.
Informazzjoni supplimentari: Informazzjoni li ma tagħmilx parti mid-data tal-allert fis-SIS, iżda hija konnessa magħha.
Suġġett tad-data: persuna fiżika identifikata jew li tista’ tiġi identifikata.

DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381, 28.12.2006, pp. 4-23)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 205, 7.8.2007, pp. 63-84)

Ara l-verżjoni konsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, pp. 99-137)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU L 312, 7.12.2018, pp. 1-13)

Ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU L 312, 7.12.2018, pp. 14-55)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, pp. 56-106)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1345 tal-4 ta’ Awwissu 2016 dwar standards minimi tal-kwalità tad-dejta għal rekords ta’ marki tas-swaba’ tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 213, 6.8.2016, pp. 15-20)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/115/UE tas-26 ta’ Frar 2013 dwar il-Manwal Sirene u miżuri implimentattivi oħra għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 71, 14.3.2013, pp. 1-36)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 286, 1.11.2011, pp. 1-17)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/171/KE tas-16 ta’ Marzu 2007 li tistipula r-rekwiżiti tan-netwerk għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen II (it-3 pilastru) (ĠU L 79, 20.3.2007, pp. 29-37)

l-aħħar aġġornament 28.12.2020

Top