Ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni u ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Regolament (UE) Nru 650/2012 fil-qasam tas-suċċessjoni u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni
SOMMARJU
X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?
-
Dan jipprovdi ċertezza legali lill-benefiċarji tas-suċċessjonijiet internazzjonali, jevita deċiżjonijiet kunfliġġenti u jissimplifika l-proċeduri. B’hekk dan jagħmilha aktar faċli għall-benefiċarji f’pajjiż ieħor tal-UE biex igawdu mid-drittijiet li ngħataw jew li ġew trasferiti lilhom permezz ta' suċċessjoni.
-
Jistabbilixxi regoli għall-UE kollha dwar il-ġuriżdizzjoni u dwar il-liġi applikabbli li tirregola kwistjonijiet ta’ suċċessjoni fl-UE, kif ukoll ir-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet mogħtija f’pajjiż tal-UE u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ dokumenti legali formali maħruġa f’pajjiż tal-UE.
-
Jintroduċi wkoll Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li għandu jintuża mill-werrieta, il-legatarji, l-eżekuturi ta' testmenti jew l-amministraturi tal-patrmonju li juri l-istatus tagħhom u/jew jeżerċitaw id-drittijiet jew is-setgħat tagħhom f’pajjiż ieħor tal-UE.
-
Dan japplika għall-pajjiżi kollha tal-UE, ħlief ir-Renju Unit (1), l-Irlanda u d-Danimarka fejn dawn se jkomplu japplikaw il-liġi nazzjonali tagħhom f’suċċessjonijiet internazzjonali. Il-pajjiżi l-oħrajn tal-UE ser japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet mogħtija f’dawn it-3 pajjiżi.
-
Japplika għall-imwiet fi jew wara s-17 ta' Awwissu 2015.
PUNTI EWLENIN
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-regolament japplika għall-aspetti ċivili kollha għas-suċċessjoni għall-patrimonju tad-deċeduti.
Ma japplikax għal:
-
dħul (pereżempju, kwistjonijiet ta' taxxa);
-
dwana;
-
jew kwistjonijiet amministrattivi.
Oqsma tal-liġi ċivili għajr is-suċċessjoni, bħal reġimi ta’ proprjetà matrimonjali, donazzjonijiet u pjanijiet tal-pensjoni mhumiex koperti mir-regolament.
Ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli
-
Il-qrati tal-pajjiż tal-UE fejn id-deċedut kien normalment jgħix fil-ħin tal-mewt se jkollhom il-ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha.
-
Bħala regola, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni hija l-liġi tal-pajjiż fejn id-deċedut kien normalment jgħix fil-ħin tal-mewt tiegħu. Tista’ tkun il-liġi ta’ jew pajjiż tal-UE jew ta' pajjiż mhux tal-UE.
-
Madankollu, qabel il-mewt tagħha, persuna tista’ minflok tagħżel li l-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom. Jekk din il-persuna tkun ċittadina ta’ pajjiż tal-UE, il-partijiet ikkonċernati mis-suċċessjoni jistgħu jaqblu li l-qrati ta’ dak il-pajjiż tal-UE għandu jkollhom x'jaqsmu mal-pajjiż tas-suċċessjoni aktar milli ma' dak li fih il-mejjet kien normalment jgħix.
-
L-istess liġi tapplika għas-suċċessjoni kollha, irrispettivament minn mit-tip ta’ assi (mobbli jew immobbli) kkonċernati jew mill-pajjiż fejn ikunu jinsabu.
Il-liġi applikabbli għandha tirregola, pereżempju:
-
id-determinazzjoni tal-benefiċjarji u l-ishma rispettivi tagħhom;
-
il-kapaċità li tiret;
-
is-setgħat tal-eredi, l-eżekuturi tat-testment u l-amministraturi tal-patrimonju;
-
ir-responsabbiltà għad-djun taħt is-suċċessjoni;
-
il-kondiviżjoni tal-patrimonju.
Rikonoxximent u infurzar
L-applikazzjoni ta’ liġi waħda minn awtorità waħda għal suċċessjoni internazzjoni tevita proċeduri paralleli, b’deċiżjonijiet ġudizzjarji possibilment kunfliġġenti. Hija tiżgura wkoll li deċiżjonijiet mogħtija f’pajjiż tal-UE huma rikonoxxuti fl-UE mingħajr ebda ħtieġa ta’ proċedura speċjali. Deċiżjonijiet infurzabbli fil-pajjiż tal-UE fejn dawn ikunu ngħataw huma infurzabbli f’pajjiż ieħor tal-UE meta, fuq applikazzjoni ta’ parti interessata, ikunu ġew iddikjarati infurzabbli hemmhekk mill-qorti lokali.
Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni
-
Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĊES) huwa dokument fakultattiv maħruġ mill-awtorità li titratta s-suċċessjoni.
-
Huwa għall-użu mill-werrieta, legatarji, eżekuturi ta' testment jew amministrturi tal-patrimonju li, f’pajjiż ieħor tal-UE, jeħtieġ li juru l-istatus tagħhom u/jew jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala werrieta jew legatarji jew il-poteri tagħhom bħala eżekuturi ta' testment jew amministraturi tal-patrimonju.
-
Ladarba jinħareġ, iċ-ĊES ikun rikonoxxut fil-pajjiżi kollha tal-UE mingħajr ebda proċedura speċjali meħtieġa.
-
B’kuntrast għal ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni, li għandhom effetti differenti skont il-pajjiż tal-UE tal-ħruġ, iċ-ĊES se jkollu l-istess effetti, stabbiliti fir-regolament, fil-pajjiżi kollha tal-UE.
-
Ir-Regolament (UE) Nru 1329/2014 jistabbilixxi l-forom li għandhom jintużaw biex jakkumpanjaw dan ir-Regolament, b’mod partikolari iċ-ĊES.
META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Hu daħal fis-seħħ fil-5 ta' Lulju 2012.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara t-taqsima Organi fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea.
Ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni (Portal Ewropew e-Ġustizzja)
ATT
Ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta' strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 107-134)
Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 650/2012 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta' valur dokumentarju biss.
ATTI RELATATI
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1329/2014 tad-9 ta' Diċembru 2014 li jistabbilixxi l-Formoli msemmija fir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta' strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 30-84). Ara l-verżjoni kkonsolidata.
l-aħħar aġġornament 25.01.2016