EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Suq intern

Suq intern

Is-suq intern jirreferi għas-suq uniku fi ħdan it-territorju tal-UE.

L-għan huwa li jkun hemm żona mingħajr fruntieri interni jew ostakoli regolatorji li fihom, il-moviment liberu tal-merkanzija, il-persuni, is-servizzi u l-kapital ikun żgurat f’konformità mal-artikoli tat-Trattati.

Moviment liberu tal-merkanzija (Artikoli 26 u 28 sa 37 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE))

  • Bil-ħolqien tas-suq intern, ġew eliminati id-dazji doganali u r-restrizzjonijiet kwantitattivi.
  • Il-moviment liberu tal-merkanzija jiddependi mill-prinċipji ta’ rikonoxximent reċiproku tar-regoli tekniċi nazzjonali, it-tneħħija tal-ostakoli fiżiċi u tekniċi, u l-istandardizzazzjoni.
  • Fl-2008, ġie adattat qafas leġiżlattiv ġdid li ta spinta lill-moviment liberu tal-merkanzija permezz tas-sistema ta’ sorveljanza tas-suq tal-UE u l-markatura CE.

Moviment liberu tal-kapital (Artikoli 63 sa 66 tat-TFUE)

  • Restrizzjonijiet fuq il-moviment u l-pagamenti tal-kapital, bejn il-pajjiżi tal-UE kif ukoll bejn il-pajjiżi tal-UE u pajjiżi mhux tal-UE ilhom ipprojbiti mill-2004, bħala riżultat tat-Trattat ta’ Maastricht. Madankollu, hemm ċerti eċċezzjonijiet li huma primarjament marbuta mal-kunsiderazzjonijiet tat-tassazzjoni u l-ordni pubblika.
  • Il-moviment liberu tal-kapital jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku billi jippermetti li l-kapital jiġi investit b’mod effiċjenti u jippromwovi l-użu tal-euro bħala munita internazzjonali.

Libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 26, 49 sa 62 tat-TFUE)

Il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jiggarantixxu l-mobilità tan-negozji u l-professjonisti fl-UE. Il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u l-professjonisti jew il-persuni ġuridiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 54 tat-TFUE li joperaw legalment f’pajjiż tal-UE jistgħu:

  • iwettqu attività ekonomika b’mod stabbli u kontinwu f’pajjiż ieħor tal-UE (il-libertà tal-istabbiliment: Artikolu 49 tat-TFUE); u
  • joffru u jipprovdu s-servizzi tagħhom f’pajjiżi oħra tal-UE fuq bażi temporanja waqt li jibqgħu fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom (il-libertà li jiġu pprovduti servizzi: Artikolu 56 tat-TFUE).

Moviment liberu tal-ħaddiema (Artikoli 26 u 45 sa 48 tat-TFUE)

  • Dan ikopri aspetti bħad-drittijiet tal-moviment u tar-residenza għall-ħaddiema, id-drittijiet tad-dħul u tar-residenza għall-membri tal-familja, u jinvolvi t-tneħħija ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fir-rigward tal-impjieg, ir-remunerazzjoni u kundizzjonijiet oħra ta’ xogħol u impjieg. Restrizzjonijiet jistgħu japplikaw għas-servizz pubbliku.
  • L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol isservi bħala aġenzija ddedikata għall-moviment liberu tal-ħaddiema, inklużi l-ħaddiema barranin stazzjonati.

Li ma jkunx hemm ostakoli regolatorji għall-moviment liberu jfisser li:

  • in-negozji tal-UE jibbenefikaw minn:
    • suq kbir ta’ aktar minn 400 miljun konsumatur;
    • aċċess għal ħafna fornituri ta’ oġġetti u servizzi fis-suq uniku;
    • spejjeż aktar baxxi minħabba l-ekonomiji ta’ skala u r-regoli armonizzati, l-istandards u r-rekwiżiti madwar it-territorju.
  • iċ-ċittadini tal-UE jibbenefikaw minn:
    • il-ħolqien ta’ impjiegi addizzjonali;
    • prezzijiet aktar baxxi u għażla usa’ ta’ prodotti u servizzi;
    • kwalità u sikurezza, żgurati permezz ta’ regoli u standards armonizzati;
    • il-benefiċċji ta’ aktar innovazzjoni, riċerka u żviluppi;
    • l-opportunità li persuna tgħix, taħdem, tistudja utagħmel negozju fl-UE kollha;
    • il-bejgħ tal-merkanzija u ċ-ċaqliq tal-flus mingħajr restrizzjonijiet.

Xi pajjiżi mhux tal-UE jallinjaw ukoll ir-regoli tagħhom ma’ dawk tas-suq uniku, u jestendu l-effetti tiegħu lil hinn mill-UE. Dawn jinkludu membri taż-Żona Ekonomika Ewropea li mhumiex membri tal-UE: in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. L-Iżvizzera tinnegozja wkoll mas-suq uniku permezz ta’ ftehim bilaterali mal-UE. Pajjiżi kandidati u kandidat potenzjali wkoll ifittxu li jallinjaw il-leġiżlazzjoni tagħhom mal-acquis tal-URE bħala waħda mill-kundizzjonijiet tas-sħubija futura tagħhom fl-UE.

ARA WKOLL

Top