EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru

Il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (KE) Nru 663/2009 — programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tal-UE għal proġetti fil-qasam tal-enerġija

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi l-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR) sabiex jiġu ffinanzjati proġetti fl-oqsma ewlenin tas-settur tal-enerġija:

  • l-infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku*;
  • l-enerġija mir-riħ ’il barra mix-xtajta*; u
  • il-qbid u l-ħżin tal-karbonju*.

Dan ġie stabbilit sabiex jappoġġa:

  • l-irkupru ekonomija mill-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008; u
  • l-objettivi ta’ politika dwar l-enerġija tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-programm jiffinanzja proġetti ta’ infrastruttura tal-elettriku u tal-gass li għandhom l-għan li:

  • jiżguraw u jiddiversifikaw is-sorsi tal-enerġija u l-provvisti;
  • jagħmlu l-interoperabbiltà (jiġifieri l-interkonnessjoni) tan-netwerks sigura u affidabbli;
  • jiżviluppaw u jottimizzaw il-kapaċità tan-netwerk; u
  • jgħaqqdu sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mal-grilja enerġetika jew man-netwerk.

Il-proġetti tal-enerġija mir-riħ ’il barra mix-xtajta jingħataw finanzjament meta jissodisfaw ċerti kriterji li jqisu l-bini tal-infrastruttura, il-fatturi innovattivi tal-proġett u l-kontribut tiegħu għas-sistema eżistenti tal-enerġija ġġenerata mir-riħ.

Il-proġetti ta’ qbid u ħżin tal-karbonju jingħataw finanzjament meta l-proġett juri li jista’ jaqbad mill-inqas 80 % tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) f’installazzjonijiet industrijali.

Il-baġit tal-programm jammonta għal €3.98 biljun, maqsum kif ġej:

  • €2.3 biljun allokati għal proġetti ta’ infrastruttura tal-gass (€1.4 bn) u tal-elettriku (€910 miljun);
  • €565 miljun allokati għal proġetti ta’ enerġija mir-riħ ’il barra mix-xtajta
  • €15 miljun allokati għal żewġ proġetti għall-gżejjer iż-żgħar;
  • €1.05 biljun allokati għal 13-il proġetti ta’ qbid u ħżin tal-karbonju;
  • €146 miljun allokati għall-istrument finanzjarju tal-programm, stabbilit aktar tard taħt ir-Regolament (UE) Nru 1233/2010 li emenda r-Regolament (UE) Nru 663/2009 biex jiġu appoġġati proġetti relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika, stabbilit fl-2011, assuma r-rwol li jalloka flus lil proġetti li jappoġġaw l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Dan jappoġġa proġetti li jikkonċernaw:

  • bini pubbliku u privat li jinkorpora soluzzjonijiet għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u/jew għall-enerġija rinnovabbli, inklużi dawk li jużaw teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICTs);
  • investimenti fi sħana u enerġija kkombinati effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija, inkluża l-mikro-koġenerazzjoni, u n-netwerks tat-tisħin/tat-tkessiħ distrettwali, b’mod partikolari minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli;
  • sorsi tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzati inkorporati fil-kuntesti lokali u l-integrazzjoni tagħhom fil-grilji elettriċi;
  • mikroġenerazzjoni minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli;
  • trasport urban nadif li jappoġġa aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija u li jintegra sorsi tal-enerġija rinnovabbli (trasport pubbliku, vetturi elettriċi u tal-irdoġenu);
  • infrastruttura lokali, inkluż dawl ta’ barra pubbliku effiċjenti bħad-dawl fit-toroq, soluzzjonijiet ta’ ħażna tal-enerġija, metraġġ intelliġenti, u grilji intelliġenti, li jużaw bis-sħiħ l-ICTs;
  • teknoloġiji tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli li jkollhom potenzjal ta’ innovazzjoni u ekonomiku li jużaw l-aħjar proċeduri disponibbli.

Rapporti

Il-Kummissjoni Ewropea tippubblika rapporti kull sena dwar l-implimentazzjoni tal-EEPR. Rapport dwar l-EEPR li ġie ppubblikat fl-2018 wara 7 snin ta’ implimentazzjoni juri li:

  • tlestew 35 minn 44 proġett ta’ infrastruttura tal-gass u tal-elettriku;
  • 4 minn 9 proġett ta’ enerġija mir-riħ ’il barra mix-xtajta huma operattivi; iżda
  • tlesta biss proġett 1 mis-6 proġetti ta’ qbid u ħżin tal-karbonju u 3 ġew itterminati qabel iż-żmien.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Awwissu 2009.

SFOND

L-EEPR jagħmel parti mill-Pjan ta’ Rkupru Ekonomiku, li ġie stabbilit biex jirrimedja l-effetti tal-kriżi finanzjarja u tal-enerġija li affettwat lill-ekonomija Ewropea fl-2008.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku:
  • il-linji kollha ta’ vultaġġ għoli, minbarra dawk tan-netwerks ta’ distribuzzjoni, u tal-konnessjonijiet ta’ taħt il-baħar, diment li din l-infrastruttura tintuża għal trasmissjoni jew konnessjoni interreġjonali jew internazzjonali;
  • pajpijiet tal-gass bi pressjoni għolja, minbarra dawk tan-netwerks ta’ distribuzzjoni;
  • faċilitajiet ta’ ħżin taħt l-art li huma konnessi mal-pajpijiet tal-gass bi pressjoni għolja;
  • faċilitajiet li jirċievu, jaħżnu u jiggassifikaw mill-ġdid il-gass naturali likwifikat; u
  • kull tagħmir jew installazzjoni meħtieġa biex l-infrastruttura taħdem kif suppost, inklużi s-sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll.
Enerġija mir-riħ ’il barra mix-xtajta: impjanti tal-enerġija mir-riħ fil-baħar.
Qbid u ħżin tal-karbonju: mod kif jitnaqqas l-effett tat-tibdil fil-klima li jikkonsisti mill-qbid tas-CO2 minn installazzjonijiet industrijali, il-ġarr tiegħu għal post fejn jinħażen u l-mod kif jiġi injettat f’formazzjoni ġeoloġika taħt l-art.

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (KE) Nru 663/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija (ĠU L 200, 31.7.2009, pp. 31-45)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 663/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru u l-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (COM(2018) 86 final, 5.3.2018)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru u tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (COM(2016) 743 final, 28.11.2016)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru u tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (COM(2015) 484 final, 8.10.2015)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (COM(2014) 669 final, 28.10.2014)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (COM(2013) 791 final, 18.11.2013)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika li Jakkumpanja d-dokument — Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (SWD(2013) 457 final, 18.11.2013)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew — Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (COM(2008) 800 final, 26.11.2008)

l-aħħar aġġornament 14.09.2018

Top