Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kooperazzjoni Ewropea mtejba fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

Kooperazzjoni Ewropea mtejba fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Dikjarazzjoni tal-Ministri Ewropej tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-kooperazzjoni Ewropea mtejba fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIKJARAZZJONI

  • Hija tistabbilixxi l-prijoritajiet tal-proċess ta’ Kopenħagen dwar il-kooperazzjoni Ewropea mtejba fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV).
  • Dan il-proċess għandu l-għan li jtejjeb il-prestazzjoni, il-kwalità u l-attrazzjoni tal-ETV fl-Ewropa. Huwa jfittex li jinkoraġġixxi l-użu ta’ diversi opportunitajiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fi ħdan il-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja* (LLL) u permezz tal-għajnuna tal-għodod LLL.

PUNTI EWLENIN

Il-proċess ta’ Kopenħagen jifforma parti integrali mis-sett strateġiku tar-regolari tal-“Edukazzjoni u t-taħriġ” (ET 2020) u jfittex li jikkontribwixxi għall-kisba tal-miri relatati mal-edukazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020.

Il-proċess jikkonsisti fi:

  • dimensjoni politika li għandha l-għan li tistabbilixxi objettivi Ewropej komuni u tirriforma s-sistemi nazzjonali tal-ETV;
  • l-iżvilupp ta’ oqfsa u għodod komuni Ewropej li jżidu t-trasparenza u l-kwalità tal-kompetenzi u l-kwalifiki u jiffaċilitaw il-mobilità;
  • il-kooperazzjoni biex jitrawwem it-tagħlim reċiproku fuq livell Ewropew u biex jinvolvi l-partijiet interessati kollha fuq livell nazzjonali.

Prijoritajiet

Il-prijoritajiet stabbiliti mid-Dikjarazzjoni ta’ Kopenħagen jipprovdu l-bażi għall-kooperazzjoni volontarja fl-ETV. Bil-mira tal-2010, huma mmiraw għal:

  • rinforzar tad-dimensjoni Ewropea fl-ETV;
  • żieda fl-informazzjoni, il-gwida, il-konsulenza u t-trasparenza tal-ETV;
  • l-iżvilupp ta’ għodod għall-għarfien u l-validazzjoni reċiproku tal-kompetenzi u l-kwalifiki;
  • it-titjib tal-garanzija tal-kwalità fl-ETV.

Kisbiet

Sekwenza ta’ komunikazzjonijiet stabbiliet is-suċċess tal-UE fl-ilħuq ta’ dawn l-għanijiet kif ukoll il-passi għat-titjib ta’ kooperazzjoni ulterjuri tal-ETV.

Il-Komunikazzjoni ta’ Maastricht 2004 kkonfermat is-suċċess tal-proċess ta’ Kopenħagen fit-trawwim tal-viżibilità u l-profil tal-ETV fil-livell Ewropew. Hija żviluppat ukoll il-prijoritajiet stabbiliti mid-Dikjarazzjoni ta’ Kopenħagen u stabbiliet prijoritajiet speċifiċi għax-xogħol fuq livell nazzjonali fuq l-ETV, inkluż:

  • żieda f’investimenti pubbliċi/privati fl-ETV;
  • l-iżvilupp ta’ sistemi tal-ETV biex jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ persuni u gruppi żvantaggati;
  • l-iżvilupp ta’ ambjenti li jwasslu għat-tagħlim kemm f’istituzzjonijiet edukattivi kif ukoll fuq il-post tax-xogħol;
  • il-promozzjoni tal-tal-iżvilupp kontinwu tal-kompetenzi ta’ għalliema u ħarrieġa tal-ETV.

Il-Komunikazzjoni ta’ Ħelsinki 2006 evalwat il-proċess ta’ Kopenħagen u rrevediet il-prijoritajjiet u l-istrateġiji tagħha. Hija nnotat għadd ta’ kisbiet, inkluż:

Il-Komunikazzjoni ta’ Bordeaux 2008 rrevediet il-prijoritajiet u l-istrateġiji tal-proċess ta’ Kopenħagen fid-dawl ta’ programm futur ta’ edukazzjoni u taħriġ wara l-2010. Hija sabet li l-proċess wera li kien effettiv fil-promozzjoni tal-immaġni tal-ETV filwaqt li żamm id-diversità tas-sistemi nazzjonali tal-ETV. Madanakollu, hija talbet għal impetus ġdid, b’mod partikolari rigward:

  • l-implimentazzjoni ta’ għodod u skemi tal-ETV biex jippromwovu l-kooperazzjoni fuq livelli nazzjonali u Ewropej;
  • il-ħolqien ta’ rabtiet aħjar bejn l-ETV u s-suq tax-xogħol;
  • il-konsolidazzjoni tal-arranġamenti tal-kooperazzjoni Ewropea.

Il-Komunikazzjoni ta’ Bruges 2010 stabbiliet għanijiet strateġiċi fit-tul għal kooperazzjoni Ewropea fl-ETV għall-perjodu 2011-2020, flimkien mat-22 riżultati fuq terminu qasir għall-perjodu 2011-2014, li jipprovdu azzjonijiet konkreti fuq livell nazzjonali għall-ilħuq ta’ dawn l-għanijiet. Għalkemm dawn l-għanijiet għadhom ibbażati fuq il-prinċipji tal-proċess ta’ Kopenħagen, ħadu minn kisbiet tal-passat iżda għandhom l-għan li jirrispondu għall-isfidi attwali u futuri.

Il-konklużjonijiet tagħha sabu li l-proċess ta’ Kopenħagen:

  • għen b’mod sinifikanti biex irawwem l-għarfien tal-ETV fuq livelli nazzjonali u Ewropej, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni ta’ għodod, prinċipji u linji gwidi Ewropej komuni tal-ETV;
  • ikkawża riformi profondi li waslu għal ċaqliq lejn approċċ ibbażat fuq ir-riżultati tat-tagħlim.

Huwa stabbilixxa li biex l-ETV jirrispondi għall-isfidi attwali u futuri, sistemi Ewropej tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom, fost affarijiet oħra:

  • ikunu flessibbli u ta’ kwalità għolja;
  • jagħtu s-setgħa lin-nies li jadattaw u jamministraw il-bidla billi jippermettulhom jiksbu kompetenzi ewlenin;
  • jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu l-mobilità transnazzjonali ta’ għalliema u ħarrieġa tal-ETV.

Il-Konklużjoniiet ta’ Riga jistabbilixxu lista ta’ riżultati ġodda għall-perjodu 2015-2020 ibbażata fuq reviżjoni tar-riżultati tad-deliverables għall-perjodu 2011-2014.

Ir-reviżjoni sabet li dawk ir-riżultati għenu kemm lill-Unjoni Ewropea kif ukoll lill-pajjiżi kandidati jiffokaw u jimplimentaw ir-riforma. Ħames oqsma ta’ prijorità ġew stabbiliti għall-2015-2020:

  • il-promozzjoni tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fil-forom kollha tiegħu;
  • l-iżvilupp ulterjuri tal-mekkaniżmi tal-garanzija tal-kwalità fl-ETV f’konformità mal-garanżija tal-kwalità Ewropea fir-rakkomandazzjoni tal-ETV;
  • it-titjib tal-aċċess għall-ETV u l-kwalifiki għal kulħadd permezz ta’ sistemi aktar flessibbli u permeabbli;
  • it-tisħiħ ulterjuri ta’ kompetenzi ewlenin fil-kurrikuli tal-ETV u l-provvista ta’ opportunitajiet aktar effettivi biex jinkisbu jew jiġu żviluppati dawk il-ħiliet permezz ta’ ETV inizjali u ETV kontinwu;
  • l-introduzzjoni ta’ approċċi sistematiċi, u opportunitajiet għal, żvilupp professjonali inizjali u kontinwu tal-għalliema, ħarrieġa u mentors tal-ETV f’kuntesti bbażati kemm fl-iskola kif ukoll fuq ix-xogħol.

SFOND

* TERMINI EWLENIN

Tagħlim tul il-ħajja: tippermetti lin-nies, f’kull stadju tal-ħajja tagħhom, biex jieħdu sehem f’esperjenzi stimulanti ta’ tagħlim

DOKUMENT EWLIENI

Dikjarazzjoni tal-Ministri Ewropej tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, u l-Kummissjoni Ewropea, li ltaqgħu f’Kopenħagen fid-29 u t-30 ta’ Novembru 2002, dwar kooperazzjoni Ewropea mtejba fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali — “Id-Dikjarazzjoni ta’ Kopenħagen” (Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali)

l-aħħar aġġornament 11.10.2016

Top