Voluntiera żgħażagħ — il-mobilità fi ħdan l-UE
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Rakkomandazzjoni — il-mobilità ta’ voluntiera żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea
X’INHU L-GĦAN TAR-RAKKOMANDAZZJONI?
-
Hija għandha l-għan li tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) biex jippromwovu l-mobilità internazzjonali tal-voluntiera żgħażagħ.
-
Hija tipprovdi sistema ta’ kooperazzjoni aktar intensiva bejn il-pajjiżi tal-UE, li fuq il-bażi tagħha jistgħu jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-mobilità.
PUNTI EWLENIN
-
Din ir-rakkomandazzjoni tistabbilixxi sistema ta’ kooperazzjoni għall-pajjiżi tal-UE mfassla sabiex tħeġġeġ attivitajiet volontarji transkonfinali għaż-żgħażagħ*. Hija tagħmel dan b’rispett dovut għad-diversità tal-iskemi ta’ volontarjat nazzjonali proprji tal-pajjiżi tal-UE.
-
L-attivitajiet volontarji jipprovdu liż-żgħażagħ b’esperjenza f’kuntest edukattiv mhux formali* u ta’ tagħlim informali*. Dan jgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet professjonali u soċjali tagħhom, u b’hekk jiżdiedu ċ-ċansijiet li jsibu impjiegi u jsiru ċittadini attivi, u tiġi promossa l-inklużjoni soċjali tagħhom. Il-volontarjat joffri liż-żgħażagħ sens ta’ skop u responsabbiltà, u jagħtihom struttura f’ħajjithom.
-
Ir-rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE jsaħħu l-kooperazzjoni fost l-organizzazzjonijiet volontarji u l-awtoritajiet pubbliċi involuti fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet volontarji, sabiex tiġi promossa l-mobilità tal-voluntiera żgħażagħ mal-Ewropa kollha. Hija tirrakkomanda li l-pajjiżi tal-UE jieħdu azzjoni, pereżempju biex:
-
jagħmlu aktar informazzjoni disponibbli dwar attivitajiet volontarji nazzjonali;
-
itejbu l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-attivitajiet volontarji transkonfinali għal dawk kollha involuti;
-
jagħmluha aktar faċli għall-voluntiera żgħażagħ biex jaċċessaw attivitajiet volontarji transkonfinali, b’mod partikolari billi jissimplifikaw il-proċeduri;
-
jiżviluppawopportunitajiet għal dawn l-attivitajiet permezz ta’ approċċ flessibbli, filwaqt li jqisu aspetti bħal ma huma
-
il-kapaċitajiet ospitanti;
-
l-istabbiliment ta’ kuntatti fost il-voluntiera;
-
l-użu ta’ mekkaniżmi Ewropej għall-mobilità (eż. Kard taż-Żgħażagħ Ewropej);
-
il-mobilità tal-ħaddiema maż-żgħażagħ*; u
-
it-taħriġ ta’ dawk attivi fil-ħidma taż-żgħażagħ;
-
jippromwovu l-iżvilupp tal-ħiliet interkulturali u t-tagħlim tal-lingwi biex tiġi ffaċilitata l-mobilità minn naħa għal oħra tal-fruntieri;
-
jappoġġaw l-iżvilupp ta’ għodod ta’ awtovalutazzjoni sabiex l-organizzazzjonijiet volontarji jkunu jistgħu jiżguraw il-kwalità tal-attivitajiet transkonfinali tagħhom;
-
jiskambjaw l-informazzjoni u jikkooperaw ma’ xulxin biex jiżguraw il-protezzjoni soċjali u legali tal-voluntiera;
-
jippromwovu r-rikonoxximent tal-esperjenza ta’ tagħlim tal-voluntiera permezz tal-użu ta’ strumenti ta’ kwalifika fil-livell nazzjonali u Ewropew, bħall-Europass, il-Youthpass u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;
-
jippromwovu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet fl-attivitajiet volontarji transkonfinali.
-
Ir-rakkomandazzjoni tapprova l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għall-azzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE relatati mal-aspetti t’hawn fuq. Dan l-appoġġ jingħata permezz tal-qafas ta’ kooperazzjoni tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ, il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni, kif ukoll is-Servizz Volontarju Ewropew li huwa ffinanzjat mill-programm Erasmus+. Finalment Portal Ewropew ta’ Voluntiera Żgħażagħ ixerred l-informazzjoni lill-partijiet interessati kollha.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
* TERMINI EWLENIN
Attivitajiet volontarji transkonfinali: attivitajiet miftuħa għaż-żgħażagħ kollha, meħudin bir-rieda libera tagħhom fl-interess ġenerali, għal perijodu sostnut, f’qafas ċar, u f’pajjiż minbarra l-pajjiż ta’ residenza, mingħajr ħlas jew bi ħlas nominali u/jew kopertura tal-ispejjeż
Edukazzjoni mhux formali: edukazzjoni organizzata mmexxija minn għalliem jew mexxej kwalifikat. Din ma twassalx għal kwalifika formali. Hija tgħin biex jinbnew il-ħiliet u l-kapaċità tal-individwu, pereżempju korsijiet għat-tkomplija tal-edukazzjoni għall-adulti u scouts għat-tfal.
Tagħlim informali: l-ebda kurrikulu u l-ebda kwalifiki ma jinkisbu. L-għalliem ikun sempliċiment xi ħadd aktar kwalifikat mill-istudent, eż. babysitter li tgħin lil tifel jew tifla fil-qari.
Ħaddiem maż-żgħażagħ: individwi li jiggwidaw u jappoġġaw liż-żgħażagħ fl-iżvilupp personali, soċjali u edukattiv tagħhom.
DOKUMENT EWLIENI
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar il-Mobilità ta’ Voluntiera Żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 319, 13.12.2008, pp. 8-10)
DOKUMENTI RELATATI
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar kompetenzi lingwistiċi għat-tisħiħ tal-mobilità (ĠU C 372, 20.12.2011, pp. 27–30)
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar punt ta’ riferiment għall-mobbiltà għat-tagħlim (ĠU C 372, 20.12.2011, pp. 31-35)
l-aħħar aġġornament 17.01.2017