Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Azzjoni dwar il-klima

Azzjoni dwar il-klima

L-azzjoni dwar il-klima tirreferi għall-isforzi magħmula fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu. Dawn l-isforzi jinkludu t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (il-mitigazzjoni tal-klima) u/jew it-teħid ta’ azzjoni għat-tħejjija u l-aġġustament kemm għall-effetti attwali tat-tibdil fil-klima kif ukoll għall-impatti mbassra fil-futur (adattament għall-klima).

Sa mis-snin disgħin, l-Unjoni Ewropea kienet fuq quddiem nett fin-negozajti internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima u kellha rwol importanti fl-iżvilupp tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, u fin-negozjati tal-Protokoll ta’ Kyoto u l-Ftehim ta’ Pariġi.

Sabiex jiġi evitat li t-tibdil fil-klima jilħaq livelli perikolużi, il-komunità internazzjonali qablet li t-tisħin globali jrid jinżamm sew taħt iż-2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u li jimmira li jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1.5 °C. L-UE qed taħdem bis-sħiħ biex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha u biex tħeġġeġ lil niġġiesa ewlenin oħra biex jieħdu azzjoni.

L-UE diġà tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2020, u l-Kummissjoni ressqet pjan biex tkompli tnaqqas l-emissjonijiet b’mill-inqas 55 % sal-2030. L-UE għandha l-għan li tkun newtrali għall-klima sal-2050.

L-azzjoni klimatika, u b’mod partikolari t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, hija element ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Inizjattivi li jaqgħu taħt il-Patt Ekoloġiku jinkludu:

  • Liġi Ewropea dwar il-Klima biex jiġi mħares l-għan li tkun newtrali għall-klima sal-2050 fil-Liġi tal-UE;
  • Patt klimatiku Ewropew biex jinvolvi liċ-ċittadini u lill-partijiet kollha tas-soċjetà fl-azzjoni klimatika;
  • Pjan ta’ Mira għall-Klima għall-2030 biex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030;
  • Strateġija tal-UE dwar l-Adattament għall-Klima biex l-Ewropa ssir soċjetà reżiljenti għall-klima sal-2050, u li tadatta b’mod sħiħ għall-impatti inevitabbli tat-tibdil fil-klima.

ARA WKOLL

Top