This document is an excerpt from the EUR-Lex website
EU budget
Baġit tal-EU
Baġit tal-EU
Il-baġit tal-UE huwa baġit ta’ investiment li jiġbor ir-riżorsi u jidderiġihom lejn proġetti f’konformità mal-prijoritajiet politiċi tal-UE. Dan jinkludi d-dħul u l-infiq kollu tal-UE. L-UE tiddeċiedi dwar il-qafas tal-baġit fit-tul tagħha, imsejjaħ il-qafas finanzjarju plurjennali (QFP), kull 7 snin. Kif stipulat fit-Trattat ta’ Lisbona (l-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), il-QFP jistipula l-ammonti annwali massimi (limiti massimi) għall-infiq tal-UE komplessivament u għall-oqsma ewlenin ta’ nfiq (intestaturi). Il-QFP attwali se jdum mill-2021 sal-2027.
Il-baġit tal-UE huwa ffinanzjat minn diversi sorsi ta’ dħul, magħrufa bħala r-“riżorsi proprji” tal-UE (dazji doganali, proporzjon tad-dħul nazzjonali gross ta’ kull pajjiż tal-UE, sehem mill-irċevuti tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-pajjiżi tal-UE u, mill-1 ta’ Jannar 2021, riżorsa proprja ġdida bbażata fuq l-ammont ta’ skart mhux irriċklat mill-imballaġġ tal-plastik).
Kull 7 snin, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinnegozjaw il-QFP u kif il-flus se jiġu allokati fl-oqsma ta’ nfiq fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Kull sena, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu fuq id-daqs tal-baġit annwali u fuq il-prijoritajiet ta’ nfiq għat-12-il xahar ta’ wara.
Biex tiffinanzja l-irkupru ta’ wara l-coronavirus, l-UE qablet fuq pjan ta’ rkupru, NextGenerationEU, li jiswa EUR 750 biljun, apparti l-baġit fit-tul għall-2021-2027. Biex tiffinanzjah, l-UE se tissellef finanzjament mis-swieq.
ARA WKOLL