Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

e-CODEX — sistema kompjuterizzata għall-iskambju elettroniku transfruntier ta’ data fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali

e-CODEX — sistema kompjuterizzata għall-iskambju elettroniku transfruntier ta’ data fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 2022/850 dwar is-sistema e-CODEX

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan għandu l-għan li jiffaċilita d-diġitalizzazzjoni tal-komunikazzjoni ġudizzjarja transfruntiera u jipprovdi aċċess aħjar għall-ġustizzja għaċ-ċittadini u n-negozji.

PUNTI EWLENIN

  • Is-sistema CODEX (komunikazzjoni dwar il-ġustizzja elettronika permezz ta’ skambju ta’ data online) tippermetti l-konnettività diġitali bejn is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE).
  • Dan jippermetti lill-utenti tiegħu (l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, il-prattikanti legali u l-individwi) jibagħtu u jirċievu b’mod elettroniku dokumenti, formoli legali, evidenza jew informazzjoni oħra malajr, b’mod sikur u affidabbli.
  • Ir-regolament jistabbilixxi l-bażi ġuridika għas-sistema CODEX.
  • Dan jistabbilixxi regoli fl-oqsma li ġejjin:

Kompożizzjoni

Is-sistema e-CODEX hija magħmula minn:

  • punt ta’ aċċess e-CODEX, li jikkonsisti minn:
    • gateway interoperabbli, li tippermetti li jitwettaq l-iskambju sigur ta’ informazzjoni fuq network tat-telekomunikazzjoni ma’ gateways oħra,
    • konnettur biex is-sistemi tal-IT konnessi jiġu konnessi mal-gateway għall-fini tal-iskambju ta’ data ma’ sistemi oħra tal-IT bħal dawn;
  • standards proċedurali diġitali;
  • il-prodotti tas-software ta’ appoġġ, id-dokumentazzjoni u assi oħra elenkati fl-anness tar-regolament.

Ir-rwol tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni u tal-eu-LISA

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom għadd ta’ responsabbiltajiet li jinkludu:

  • l-awtorizzazzjoni ta’ punti ta’ aċċess e-CODEX għas-sistemi konnessi skont id-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali;
  • iż-żamma ta’ lista ta’ punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati u tal-istandards proċedurali diġitali li japplika kull punt ta’ aċċess e-CODEX awtorizzat; din il-lista u kwalunkwe bidla fiha għandhom jiġu nnotifikati lill-eu-LISA;
  • is-superviżjoni tal-punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati tagħhom, filwaqt li jiżguraw li l-kundizzjonijiet li taħthom ingħatat l-awtorizzazzjoni jiġu ssodisfati kontinwament;
  • il-ħatra ta’ korrispondenti e-CODEX biex jitolbu u jirċievu appoġġ tekniku mill-eu-LISA.

l-eu-LISA se tiżgura li s-software u l-istandards proċedurali diġitali użati mill-punti ta’ aċċess ikunu siguri u affidabbli, u se tgħin fl-iżvilupp ta’ każijiet ġodda ta’ użu.

Trasferiment u teħid ta’ kontroll

  • Sat-trasferiment tagħha lill-eu-LISA, is-sistema e-CODEX se tiġi ġestita minn konsorzju ta’ Stati Membri u organizzazzjonijiet b’finanzjament mill-programmi tal-UE.
  • Dan il-konsorzju se jippreżenta dokument ta’ trasferiment b’arranġamenti dettaljati għat-trasferiment tas-sistema e-CODEX sal-31 ta’ Diċembru 2022.
  • L-eu-LISA se tieħu r-responsabbiltà għas-sistema e-CODEX bejn l-1 ta’ Lulju u l-31 ta’ Diċembru 2023, wara li l-Kummissjoni tiddikjara li l-proċess ta’ trasferiment tlesta b’suċċess u wara li tikkonsulta kemm l-entità li bħalissa qed timmaniġġja s-sistema e-CODEX, kif ukoll l-eu-LISA.

Grupp Konsultattiv

Mill-1 ta’ Jannar 2023, il-Grupp Konsultattiv e-CODEX se jipprovdi assistenza esperta lill-eu-LISA. B’mod partikolari, il-Grupp Konsultattiv jeħtieġlu:

  • jimmonitorja l-istatus tal-implimentazzjoni tas-sistema e-CODEX fl-Istati Membri;
  • jeżamina l-ħtieġa ta’ standards proċedurali diġitali ġodda, jivvalutahom u jħejjihom;
  • jippromwovi l-kondiviżjoni tal-għarfien;
  • jimmonitorja l-konformità tal-eu-LISA mar-rekwiżiti tal-livell ta’ servizz.

Bord tat-Tmexxija tal-Programm

Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm e-CODEX permanenti, li se jiġi stabbilit mill-1 ta’ Jannar 2023, jeħtieġlu:

  • jagħti pariri lill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA dwar is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema e-CODEX, u jiżgura l-prijoritizzazzjoni tal-attivitajiet u tal-impenji strateġiċi;
  • jiżgura ġestjoni adegwata tas-sistema e-CODEX;
  • jiżgura r-rispett għall-prinċipju tal-indipendenza tal-ġudikatura.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-21 ta’ Ġunju 2022.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2022/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar sistema kompjuterizzata għall-iskambju elettroniku transfruntier ta’ data fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali (is-sistema e-CODEX), u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 150, 1.6.2022, pp. 1-19).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, pp. 99-137).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2018/1726 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 05.09.2022

Top