Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

 

SOMMARJU TA’:

Il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

Ir-Regolament (KEE) Nru 3179/78 dwar il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

Id-Deċiżjoni 2010/717/UE dwar l-Emenda għall-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

X’INHU L-GĦAN TAL-KONVENZJONIJIET, TAR-REGOLAMENT U TAD-DEĊIŻJONI?

  • Il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral, konkluża f’Ottawa fl-1978, għandha l-għan li tassigura l-konservazzjoni fit-tul kif ukoll l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral fejn dawn jinsabu.
  • Ir-regolament japprova l-konklużjoni mill-Komunità Ekonomika Ewropea — issa l-Unjoni Ewropea (UE) — tal-konvenzjoni.
  • Id-deċiżjoni tapprova, f’isem l-UE, il-konvenzjoni emendata li ġiet inkluża fid-deċiżjoni.

PUNTI EWLENIN

Partijiet attwali (2022) għall-konvenzjoni

  • Il-Kanada
  • Kuba
  • Id-Danimarka (għall-Faroes u Greenland)
  • L-UE
  • Franza (għal Saint Pierre u Miquelon)
  • L-Iżlanda
  • Il-Ġappun
  • In-Norveġja
  • Ir-Russja
  • Il-Korea t’Isfel
  • L-Ukrajna
  • Ir-Renju Unit
  • L-Istati Uniti

L-ispeċi koperti

Hija tkopri l-maġġorparti tar-riżorsi tas-sajd tal-Atlantiku tal-Majjistral minbarra speċi migratorja ħafna immaniġġjati minn trattati oħra internazzjonali elenkati fl-Anness I mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1982, bħal tonn/marlin, pixxispad, pixxivela, delfini, kelb il-baħar oċeaniku u speċi sedentarji (eż. frott tal-baħar bil-qoxra).

Żona tal-Konvenzjoni

  • L-Oċean fil-Majjistral tal-Atlantiku fit-Tramuntana ta’ 35°00’ N u fil-Punent ta’ linja li testendi lejn it-Tramuntana minn 35°00’ N u 42°00’ W għal 59°00’ N, minn hemm lejn il-Punent għal 44°00’ W, u mbagħad lejn it-Tramuntana għall-kosta ta’ Greenland;
  • Il-Golf ta’ San Lawrenz, l-Istrett Davis u l-Bajja ta’ Baffin fin-nofsinhar ta’ 78°10’ N.

Iż-żona tal-konvenzjoni hija maqsuma f’sottożoni, diviżjonijiet u sottodiviżjonijiet xjentifiċi u statistiċi, kif definit fl-Anness I.

Organizzazzjoni

Il-partijiet kontraenti jaqblu li jistabbilixxu, jżommu u jsaħħu l-Organizzazzjoni tas-Sajd għall-Majjistral tal-Atlantiku (NAFO), oriġinarjament imwaqqfa fl-1979, li fiha l-korpi sussegwenti, megħjuna minn Segretarjat, għal min kull parti kontraenti tinnomina rappreżentant (b’alternanti, esperti u kunsillieri).

  • Kummissjoni responsabbli għas-superviżjoni u l-koordinament ta’ affarijiet interni u ta’ relazzjonijiet esterni, inkluż:
    • il-valutazzjoni tal-impatt tas-sajd u ta’ attivitajiet umani oħra fuq riżorsi ħajjin u l-ekosistemi tagħhom;
    • l-iżvilupp ta’ linji gwida dwar it-twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd għal skopijiet xjentifiċi;
    • l-iżvilupp ta’ linji gwida għall-aċċess għal u għall-użu ta’ data; u
    • il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni biex jitnaqqas l-impatt tas-sajd fuq ir-riżorsi ħajjin u l-ekosistemi.
  • Kunsill Xjentifiku — forum għall-konsultazzjoni, l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni xjentifika u opinjonijiet, inkluż:
    • il-valutazzjoni tal-istatus tar-riżorsi tas-sajd, inkluż il-fatturi ambjentali u ekoloġiċi li qed jaffettwawhom;
    • il-promozzjoni tal-kooperazzjoni fir-riċerka xjentifika fost il-partijiet biex jimlew vojt fl-għarfien xjentifiku;
    • il-kompilazzjoni u ż-żamma ta’ statistiċi u rekords;
    • il-pubblikazzjoni jew il-kondiviżjoni ta’ rapporti, informazzjonijiet u materjali dwar l-attivitajiet tas-sajd u l-ekosistemi tagħhom; u
    • il-forniment ta’ pariri xjentifiċi għall-Kummissjoni NAFO, kif meħtieġ.

Dmirijiet tal-partijiet kontraenti

Kull parti għandha:

  • timplimenta l-konvenzjoni u kwalunkwe obbligazzjoni vinkolanti oħra, b’rapporti regolari dwar il-passi li ttieħdu għall-konformità;
  • tiġbor u tikkondividi d-data xjentifika u statistika, inkluż informazzjoni dwar qabdiet kummerċjali u impenn għas-sajd;
  • twettaq kampjunar bijoloġiku fuq qabdiet kummerċjali;
  • tipprovdi informazzjoni f’waqtha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Xjentifiku tan-NAFO;
  • tassigura li ċ-ċittadini u l-bastimenti tas-sajd jikkonformaw mal-konvenzjoni u ma’ kwalunkwe miżuri adottati mill-Kummissjoni tan-NAFO;
  • tinvestiga u tirrapporta immedjatament dwar miżuri li ħadet b’reazzjoni għall-infrazzjonijiet serji allegati miċ-ċittadini jew mill-bastimenti tagħha, u tassigura li miżuri ta’ infurzar jittieħdu mingħajr dewmien;
  • iżżomm u tikkondividi rekords ta’ bastimenti tas-sajd;
  • tassigura li l-bastimenti tas-sajd huma intitolati li jtajjru l-bandiera tagħha:
    • jikkonformaw mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ma jimminawx l-effettività tagħhom,
    • ma jwettqux sajd mhux awtorizzat;
  • jimplimentaw miżuri fuq spezzjonijiet tal-portijiet, jekk applikabbli.

Soluzzjoni ta’ tilwim

Pannell ad hoc ta’ tliet membri jiltaqa’ biex isolvi tilwim. Dawn jintagħżlu minn grupp ta’ esperti innominati mill-partijiet kontraenti għall-konvenzjoni. Kull parti għat-tilwima jagħżel pannellist wieħed u jaqbel fuq l-għażla tat-tielet.

Emendi għall-konvenzjoni

Il-konvenzjoni ġiet emendata erba’ darbiet sabiex timmodernizza n-NAFO, b’mod partikolari billi tinkorpora approċċ ta’ ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd. L-emendi issimplifikaw ukoll il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tan-NAFO, saħħew l-obbligazzjonijiet tal-partijiet kontraenti u daħħlu mekkaniżmu imsaħħaħ formali għas-soluzzjoni tat-tilwim.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

  • Il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 1982.
  • Il-konvenzjoni emendata daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Mejju 2017.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

  • NAFO (Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd).

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 378, 30.12.1978, pp. 2-29).

L-emendi suċċessivi għall-Konvenzjoni ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3179/78 tat-28 ta’ Diċembru 1978 rigward il-konklużjoni mill-Komunità Ekonomika Ewropea tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku (ĠU L 378, 30.12.1978, p. 1).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/717/UE tat-8 ta’ Novembru 2010 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda għall-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 321, 7.12.2010, pp. 1-19).

l-aħħar aġġornament 03.10.2022

Top