Regolament finanzjarju qafas għall-aġenziji regulatorji diċentralizzati
SOMMARJU TA’:
Regolament Delegat (UE) 2019/715 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
- Huwa jistipula r-regoli finanzjarji essenzjali għall-korpi tal-Unjoni Ewropea (UE) riferuti fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 — ara sommarju. Dawn il-korpi huma l-biċċa l-kbira aġenziji diċentralizzati* (Riferuti wkoll bħala aġenziji regulatorji) mwaqqfa skont it-trattati tal-UE, u għandhom personalità legali u jirċievu fondi tal-UE. Sabiex jaqgħu taħt dan ir-regolament delegat tal-Kummissjoni Ewropea, ir-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li waqqfu l-korp tal-UE inkwistjoni jeħtieġ li jirreferu għall-Artikolu 70 tar-regolament finanzjarju.
- Kull tali korp tal-UE jeħtieġ li jadotta r-regoli finanzjarji proprji skont ir-regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715. Jista’ biss jitlaq mir-regoli tar-regolament delegat minħabba l-bżonnijiet speċifiċi tiegħu u jekk ikun irċieva l-kunsens minn qabel mill-Kummissjoni.
PUNTI EWLENIN
Kull korp tal-UE li jaqa’ taħt ir-regolament delegat tal-Kummissjoni jeħtieġ li jirrispetta l-prinċipji baġetarji li ġejjin.
- Preċiżjoni unitarja u baġitarja:
- kull sena finanzjarja, il-baġit tal-korp jeħtieġ li jbassar u jawtorizza d-dħul u l-infiq neċessarju kollu għax-xogħol tiegħu;
- id-dħul u l-infiq kollu għandu jiġi reġistrat f’linja tal-baġit;
- ebda nefqa ma tista’ tkun akbar mill-ammont awtorizzat fil-baġit.
- Annwalità:
- is-sena finanzjarja tal-baġit hija bejn l-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru;
- regoli speċifiċi jkopru t-trattament tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn* u ta’ pagament* approprjazzjonijiet;
- jekk il-baġit ikun għadu ma ġiex adottat sal-bidu tas-sena finanzjarja, pagamenti kull xahar jiġu limitati sa wieħed minn tnax tas-somom korrispondenti fil-baġit tas-sena ta’ qabel.
- Ekwilibriju:
- approprjazzjonijiet ta’ dħul u nfiq għandhom ikunu f’bilanċ;
- il-korp ma jistax iżid is-self fil-baġit tiegħu;
- flus li ma ntefqux li ġew mill-baġit tal-UE għandhom jitħallsu lura lill-Kummissjoni.
- Unità tal-kont:
- il-baġit jitfassal u jiġi implimentat fl-euro, bħalma hi l-preżentazzjoni ta’ dawn il-kontijiet;
- regoli jispeċifikaw kif muniti oħra għandhom jinqelbu għall-euro.
- Universalità:
- id-dħul totali għandu jkopri l-pagamenti totali;
- id-dħul u l-infiq kollu għandhom jiddaħħlu kompletament mingħajr ebda aġġustament wieħed kontra l-ieħor;
- regoli speċifiċi japplikaw għad-dħul, skont jekk dan ikunx iġġenerat esternament jew internament.
- Speċifikazzjoni:
- approprjazzjonijiet huma intenzjonati għal għanijiet speċifiċi b’titolu baġitarju, kapitolu, artikolu u linja;
- id-direttur jista’ jittrasferixxi approprjazzjonijiet minn linja baġitarja jew minn kapitolu baġitarju għal oħra, skont ċerti kundizzjonijiet.
- Ġestjoni u prestazzjoni finanzjarja tajba:
- il-pagamenti għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-ekonomija, tal-effiċjenza u tal-effettività;
- il-pagamenti jiffukaw fuq il-prestazzjoni, ibbażati fuq l-għanijiet għall-programmi u l-attivitajiet u l-indikaturi biex ikejlu l-progress li sar;
- parametraġġ referenzjarju li jinkludi rivista tal-effiċjenza tas-servizzi orizzontali tal-korp u analiżi kost-benefiċċji dwar servizzi ta’ qsim ma’ jew trasferiment lejn korp ieħor jew lejn il-Kummissjoni;
- programmi u attivitajiet li jinvolvu nfiq sinifikanti huma soġġetti għal evalwazzjonijiet ex ante (ibbażati fuq tbassir) u ex post (ibbażati fuq riżultat finali).
- Kontroll intern tal-implimentazzjoni tal-baġit:
- japplika għal-livelli tal-maniġment kollha;
- għandu l-għan li jikseb assigurazzjoni raġonevoli ta’:
- l-effettività, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-operazzjonijiet,
- l-affidabilità tar-rappurtar,
- is-salvagwardja tal-assi u tal-informazzjoni,
- il-prevenzjoni, l-iskoperta, il-korrezzjoni u s-segwitu ta’ frodi u irregolaritajiet,
- il-maniġment adegwat ta’ riskji ta’ tranżazzjonijiet sottostanti.
- Trasparenza:
- sommarju tal-baġit tal-korp u kwalunkwe baġit emendatorju jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fi żmien 3 xhur mill-adozzjoni;
- il-korp jippubblika l-baġit, il-pjan ta’ stabbiliment u d-dettalji tan-numri tal-persunal u tal-esperti nazzjonali sekondati fuq is-sit web tiegħu, u jittrażmetti l-informazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-Kummissjoni fi żmien erbgħa ġimgħat mill-adozzjoni;
- il-korp jipprovdi d-dettalji tar-reċipjenti tal-fondi tal-UE fuq is-sit web tiegħu;
- fil-kuntest ta’ kunflitti ta’ interess, il-korp jippubblika d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-bord maniġerjali kull sena fuq il-sit web tiegħu.
Regoli fuq l-istabbiliment u l-istrutturar tal-istat tal-baġit.
- Il-korp jibgħat lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill abbozz ta’ dokument uniku ta’ programmazzjoni sal-31 ta’ Jannar kull sena. Dan fih informazzjoni li tvarja minn programmi ta’ ħidma u stimi baġitarji għal bini ta’ dettalji tal-politika.
- Il-Kummissjoni tadotta l-abbozz ta’ baġit wara input mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Dan isir definittiv ladarba l-baġit tal-UE jiġi adottat kollu kemm hu.
- Il-baġit tal-korp jeħtieġ li jkollu dikjarazzjonijiet separati tad-dħul u tal-infiq kif ukoll dettalji dwar in-numru tal-persunal.
Ir-regolament jgħid li:
- id-doveri tal-uffiċċjali tal-awtorizzazzjoni u tal-kontabilità huma segregati u mutwalment esklussivi, u li kull wieħed minnhom ikollhom ir-riżorsi neċessarji biex iwettqu dmirijiethom;
- id-direttur iwettaq id-doveri tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni li jinkludu:
- l-implimentazzjoni tad-dħul u tal-infiq skont il-prinċipju tal-immaniġġjar finanzjarju sod,
- it-twaqqif tal-istruttura organizzatorja u tal-kontrolli interni,
- l-applikazzjoni tal-kontrolli ex ante u possibilment ex post,
- l-użu ta’ sistemi tal-karti jew elettroniċi għaż-żamma tad-dokumenti oriġinali ġustifikattivi baġitarji għal tal-inqas ħames snin,
- ir-rappurtar annwali lill-bord ta’ tmexxija billi jissottomettu rapport annwali dettaljat konsolidat tal-attività;
- il-bord ta’ tmexxija jaħtar uffiċjal ta’ kontabilità indipendenti responsabbli għal:
- l-implimentazzjoni tajba tal-pagamenti, il-ġbir tad-dħul u l-irkupru tal-ammonti dovuti,
- it-tħejjija, il-preżentazzjoni u ż-żamma tal-kontijiet,
- it-tqegħid u l-validazzjoni tas-sistemi kontabilistiċi, inkluż dawk tal-uffiċjal tal-kontabilità, meta meħtieġ.
Japplikaw ir-regoli tan-nefqa li ġejjin:
- kull entrata teħtieġ li tigi impenjata, validata, awtorizzata u mħallsa;
- impenji baġitarji li jaqgħu taħt waħda minn dawn it-tliet kategoriji:
- individwali, meta r-reċipjent u l-ammont mhumiex magħrufa,
- globali, jekk jew ir-reċipjent jew l-ammont mhuwiex magħruf,
- proviżjonali, biex tkopri nefqa amministrattiva ta’ rutina meta l-ammont jew min ser jitħallas ma jkunux magħrufa;
- l-impenji huma suġġetti għal limiti ta’ żmien;
- il-pagamenti jeħtieġu evidenza li l-azzjoni rilevanti tikkonforma mal-kuntratt.
Il-korp tal-UE għandu jkollu funzjoni tal-awditu intern. L-awditur intern tal-Kummissjoni jwettaq dan ir-rwol billi:
- jagħti pariri dwar riskji, il-kwalità ta’ sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll u titjib possibbli;
- jassessja l-effettività tal-ġestjoni, tas-sistemi ta’ kontroll u ta’ awditu interni u tal-prestazzjoni dipartimentali fil-programmi li qed jiġu implimentati;
- igawdi aċċess komplut u mingħajr limitu għall-informazzjoni neċessarja kollha kif ukoll indipendenza kompleta fix-xogħol tiegħu.
Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-korp tal-UE għandhom jgħinu jiksbu għan ta’ politika tal-UE b’riżultati speċifiċi. Dawn jistgħu jvarjaw minn rimbors ta’ spejjeż eliġibbli sa finanzjament b’rata fissa.
Il-korp tal-UE jeħtieġ li jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar każijiet ta’ frodi preżunta jew dwar irregolaritajiet oħra finanzjarji, kwalunkwe investigazzjonijiet kompluti jew li qed isiru mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jew mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u dwar kwalunkwe awditi jew kontrolli mill-Qorti tal-Awdituri u mis-Servizz tal-Awditjar Intern, mingħajr ma jpoġġu fil-periklu il-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet.
Ir-regoli tal-kontabilità annwali jeħtieġu li l-korp tal-UE jipprovdi d-dikjarazzjonijiet finanzjarji, ir-rapporti ta’ implimentazzjoni tal-baġit u dokumenti ġustifikattivi.
Il-Qorti tal-Awdituri, awditur estern independenti, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew kollha jeżaminaw kif il-baġit ġie implimentat qabel ma l-Membri tal-Parlament Ewropew japprovaw, jew jirrifjutaw il-kontijiet annwali (magħrufa bħala “l-proċedura ta’ kwittanza”).
Il-persunal tal-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri għandhom aċċess għas-siti tal-korp, għall-bini u għad-data tal-UE biex twettaq awditi. L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi jista’ jwettaq investigazzjonijiet, verifiki fuq il-post u spezzjonijiet.
Ir-regolament iħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 1271/2013, li pprovda r-regolament finanzjarju qafas preċedenti.
MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Dan daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Mejju 2019 imma ġie applikat retrospettivament mill-1 ta’ Jannar 2019, apparti mill-Artikolu 32 (dokument uniku ta’ programmazzjoni) u Artikolu 48 (rapport annwali konsolidat ta’ attività), li applikaw mill-1 ta’ Jannar 2020.
SFOND
- Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 huma r-regolament finanzjarju tal-UE. L-Artikolu 70 tiegħu jistipula l-prinċipji baġitarji bażiċi għal ċertu korpi tal-UE.
- Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Aġenziji diċentralizzati/regulatorji. Korpi tal-UE mwaqqfa skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u t-Trattat tal-Euroatom u li għandhom personalità legali u li jirċievu kontribuzzjonijiet iddebitati mill-baġit. Dawn huma fdati b’kompiti baġitarji speċifiċi li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE u jgħinu l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet billi jiġbru għarfien speċjalizzat. Jistgħu jieħdu funzjonijiet tekniċi, regulatorji u superviżorji.
Approprjazzjonijiet ta’ impenn. Wegħdiet għall-ħlas, sakemm ċertu kundizzjonijiet ikunu ssodisfati.
Approprjazzjonijiet ta’ pagament. Nefqa minn impenji fis-snin finanzjarji kurrenti, jew preċedenti.
DOKUMENT EWLIENI
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, pp. 1–38).
DOKUMENTI RELATATI
Avviż tal-Kummissjoni — Gwida dwar l-evitar tal-kunflitti ta’ interess u l-ġestjoni tagħhom skont ir-Regolament Finanzjarju (ĠU C 121, 9.4.2021, pp. 1–43).
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tat-tmexxija tal-korpi tal-Unjoni skont Artikolu 70 tar-Regolament Finanzjarju 2018/1046 u fuq il-linji gwida għad-Dokument Uniku tal-programmazzjoni u tar-Rapport Annwali Konsolidat tal-Attività (C(2020) 2297, 20.4.2020).
Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, pp. 1–222).
Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
l-aħħar aġġornament 03.11.2021