Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (2021–2027)

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (2021–2027)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2021/1139 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA), fond tal-Unjoni Ewropea (UE) li jkopri l-perjodu bejn l-2021–2027 fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021–2027.
  • Hu jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-fond, il-baġit tiegħu u r-regoli speċifiċi biex jingħata l-finanzjament tal-UE, li jikkumplimentaw r-regoli ġenerali applikabbli għall-FEMSA skont ir-regolament (UE) 2021/1060 (ara sommarju).

PUNTI EWLENIN

Prijoritajiet

FEMSA tappoġġja l-politika komuni tas-sajd tal-UE, il-politika marittima tal-UE u l-aġenda tal-UE għal governanza internazzjonali tal-oċeani. Dan jgħin biex jintleħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar, għall-objettivi tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima tal-UE u l-provvista tal-ikel.

FEMSA tappoġġja proġetti innovattivi li jikkontribwixxu għall-użu u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi u marittimi. B’mod partikolari, din tiffaċilita:

  • attivitajiet ta’ sajd b’mod sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju;
  • il-protezzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi tal-baħar;
  • il-provvista lil konsumaturi Ewropej ta’ frott tal-baħar ta’ kwalità u tajjeb għas-saħħa permezz ta’ suq effiċjenti għal prodotti tas-sajd;
  • l-attraenza soċjoekonomika u t-tiġdid ġenerazzjonali tas-settur tas-sajd, partikolarment rigward is-sajd kostali fuq skala żgħira;
  • il-ġestjoni strutturali tas-sajd u tal-flotot tas-sajd (bl-eliminazzjoni tal-kapaċità żejda tal-flotta u miżuri t’appoġġ għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar);
  • il-ġbir ta’ data xjentifika li fuqha tkun ibbażata l-ġestjoni tas-sajd;
  • Il-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd u l-promozzjoni ta’ kultura ta’ konformità fis-settur tas-sajd biex tassikura kundizzjonijiet ugwali;
  • l-iżvilupp ta’ akkwakultura sostenibbli u kompetittiva li tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel;
  • it-titjib ta’ ħiliet u kundizzjonijiet tax-xogħol fis-sajd u fl-akkwakultura;
  • il-vitalità ekonomika u soċjali tal-komunitajiet kostali;
  • l-innovazzjoni fl-ekonomija blu sostenibbli;
  • sigurtà marittima li tikkontribwixxi għal spazju marittimu sikur;
  • kooperazzjoni internazzjonali li tikkontribwixxi għal oċeani f’saħħithom, sikuri u li huma ġestiti b’mod sostenibbli.

B’dawn l-għanijiet, FEMSA għandha fokus speċifiku fuq is-sostenibbilità u l-profittabilità tas-sajd kostali fuq skala żgħira u fuq l-iżvilupp sostenibbli tal-attivitajiet marittimi fir-reġjuni ultraperifiċi.

Baġit

Għall-2021–2027, il-baġit ta’ FEMSA hu €6,108,000,000 (prezzijiet ta’ 2021), maqsum kif ġej:

  • ġestjoni kondiviża — €5,311,000,000 ipprovduti permezz ta’ programmi nazzjonali kofinanzjati mill-baġit tal-UE u l-Istati Membri tal-UE;
  • ġestjoni diretta u indiretta — €797,000,000 ipprovduti mill-Kummissjoni Ewropea.

Anness V jelenka r-riżorsi globali minn FEMSA għal kull Stat Membru għal kull sena mill-2021 sal-2027. Għal operazzjonijiet fir-reġjuni ultraperifiċi, l-Istati Membri kkonċernati jridu jallokaw minn dawn l-ammonti globali tal-inqas:

  • €102,000,000 għall-Azores u Madeira (il-Portugall);
  • €82,000,000 għall-Gżejjer Kanarji (Spanja);
  • €131,000,000 għal Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique, Mayotte, Réunion u Saint Martin (Franza).

Programmazzjoni

  • Taħt ġestjoni kondiviża, kull Stat Membru jipprepara programm uniku nazzjonali, li l-Kummissjoni tapprova wara valutazzjoni fil-fond.
  • Programm nazzjonali FEMSA hu pjan direzzjonali strateġiku għal investiment pubbliku bejn l-2021 u l-2027. Dan jiddeskrivi azzjonijiet imfassla apposta biex jirrispondu għall-isfidi speċifiċi identifikati mill-Istati Membri rigward il-prijoritajiet tal-UE għal-bijodiversità marina, il-politika marittima u s-sajd u l-akkwakultura sostenibbli.

Evalwazzjoni u monitoraġġ

L-implimentazzjoni ta’ FEMSA qed tkun immonitorjata kontinwament b’manjera trasparenti konformi mar-regoli komuni li hemm f’Regolament (UE) 2021/1060 u r-regoli speċifiċi fir-regolament FEMSA.

  • Darbtejn fis-sena, l-Istati Membri jirrappurtaw:
    • dwar il-valuri tal-indikaturi magħżula fil-programmi tagħhom tal-FEMSA — din l-informazzjoni hi aggregata fil-livell tal-UE u ssir disponibbli għall-pubbliku;
    • dwar il-karatteristċi dettaljati ta’ kull proġett u benefiċjarju — il-Kummissjoni tuża din l-informazzjoni għal rappurtar regolari ad hoc.
  • Ħames darbiet fis-sena, l-Istati Membri jirrappurtaw dwar l-għadd ta’ proġetti magħżula u dwar l-ispiża finanzjarja tagħhom. Din l-informazzjoni hi aggregata fil-livell tal-UE u ssir disponibbli għall-pubbliku. Tiġi wkoll maqsuma skont oqsma tematiċi.
  • Il-Kummissjoni tiddiskuti l-implimentazzjoni tal-FEMSA ma’ kull Stat Membru f’laqgħa ta’ rieżami annwali. Din il-laqgħa għandha l-għan li tidentifika kwistjonijiet potenzjali fil-programm nazzjonali tal-FEMSA u azzjonijiet korrettivi, jekk ikun hemm bżonn.
  • Sat-30 ta’ Ġunju 2029, kull Stat Membru ser jevalwa l-programm FEMSA tiegħu biex jassessja l-impatt tiegħu.
  • Sat-tmiem tal-2024 u anki sat-tmiem tal-2031, il-Kummissjoni ser tevalwa l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE tal-FEMSA b’mod ġenerali.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2017/1004 (ĠU L 247, 13.7.2021, pp. 1–49).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1972 tal-11 ta’ Awwissu 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 billi jistabbilixxi l-kriterja għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali li jġarrbu l-operaturi mis-sajd, mit-trobbija, mill-ipproċessar u mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-reġjuni ultraperifiċi (ĠU L 402, 15.11.2021, pp. 1–3).

Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, pp. 159-706).

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — dwar approċċ ġdid għal ekonomija sostenibbli u blu fl-UE — Trasformazzjoni tal-Ekonomija Blu tal-UE għal Futur Sostenibbli (COM(2021) 240 finali, 17.5.2021).

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni –– Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 — Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna (COM(2020) 380 finali, 20.5.2020).

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 finali, 11.12.2019).

Ir-Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar it-twaqqif ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (ĠU L 157, 20.6.2017, pp. 1-21).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2017/1004 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, pp. 1–21).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, pp. 1–50).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, pp. 19–40).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 26.11.2021

Top