EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (2021–2027)

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (2021–2027)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2021/1058 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-għanijiet ta’ żewġ Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni.

Dawn jgħinu lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) jiksbu l-għanijiet għall-investiment fl-impjiegi u t-tkabbir u l-kooperazzjoni territorjali Ewropea li huma deskritti fir-Regolament (UE) 2021/1060 (ara s-sommarju).

PUNTI EWLENIN

Kompiti tal-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni

Il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni jikkontribwixxu għall-objettiv ġenerali tat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE.

  • Il-FEŻR jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-disparitajiet bejn il-livelli ta’ żvilupp tad-diversi reġjuni tal-UE, inkluż billi jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u jindirizza l-isfidi ambjentali.
  • Il-Fond ta’ Koeżjoni jikkontribwixxi għal proġetti ambjentali u infrastrutturali tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T). Dan jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri b’introjtu nazzjonali gross per capita ta’ anqas minn 90 % tal-medja tal-EU-27.

Objettivi tal-politika tal-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni:

  • Ewropa aktar kompetittiva u aktar intelliġenti, billi tippromwovi trasformazzjoni ekonomika innovattiva u intelliġenti u konnettività reġjonali tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;
  • tranżizzjoni aktar ekoloġika u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju lejn ekonomija b’newtralità karbonika u Ewropa reżiljenti, billi jiġu promossi:
    • it-tranżazzjoni tal-enerġija nadifa u ġusta,
    • l-investiment ekoloġiku u blu,
    • l-ekonomija ċirkolari,
    • il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima,
    • il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju,
    • il-mobilità sostenibbli urbana;
  • Ewropa aktar konnessa, permezz tat-titjib tal-mobilità;
  • Ewropa aktar soċjali u inklużiva, li timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;
  • Ewropa aktar viċin iċ-ċittadini, li tinkiseb permezz tal-iżvilupp sostenibbli u integrat tat-tipi kollha ta’ territorji u inizjattivi lokali.

Il-FEŻR jappoġġa l-investiment fi:

  • l-infrastruttura;
  • ir-riċerka applikata u l-innovazzjoni;
  • l-aċċess għal servizzi;
  • attivitajiet ta’ intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, b’mod partikolari biex jiġu ssalvagwardjati u jinħolqu l-impjiegi;
  • it-tagħmir, is-software u l-assi intanġibbli;
  • in-networking, il-kooperazzjoni, l-iskambju ta’ esperjenzi u r-raggruppamenti ta’ innovazzjoni;
  • l-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-istudji;
  • l-assistenza teknika.

Ir-riżorsi totali tal-FEŻR f’kull Stat Membru, għajr għall-assistenza teknika, għandhom ikunu kkonċentrati fil-livell nazzjonali jew fil-livell reġjonali. Il-livelli ta’ konċentrazzjoni tematika huma bbażati fuq tliet kategoriji ta’ reġjuni u ta’ Stati Membri u jiffokaw fuq l-ewwel żewġ objettivi ta’ politika.

Il-Fond ta’ Koeżjoni jappoġġa l-investiment fi:

  • l-ambjent, inkluż l-iżvilupp sostenibbli u l-enerġija b’benefiċċji ambjentali, b’mod partikolari l-enerġija rinnovabbli;
  • it-TEN-T;
  • l-assistenza teknika;
  • l-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-istudji.

Esklużjonijiet

Il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni ma jappoġġawx:

  • id-dekummissjonar jew il-bini ta’ impjanti tal-enerġija nukleari;
  • investiment biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn attivitajiet bħar-raffinar taż-żejt, il-produzzjoni tal-azzar, il-manifattura tal-ħġieġ u proċessi industrijali oħra;
  • il-prodotti tat-tabakk;
  • il-kumpaniji f’diffikultà, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali;
  • l-infrastruttura tal-ajruport, ħlief għall-mitigazzjoni tal-impatt ambjentali, jew is-sigurtà, is-sikurezza u s-sigurtà tas-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru f’ċirkostanzi partikolari;
  • ir-rimi tal-iskart fil-landfills, ħlief:
    • fir-reġjuni ultraperiferiċi, fejn iġġustifikat,
    • għad-dekummissjonar, il-konverżjoni mill-ġdid jew it-twettiq ta’ landfills eżistenti sikuri;
  • iż-żieda fil-kapaċità tat-trattament tal-iskart residwu, ħlief:
    • fir-reġjuni ultraperiferiċi,
    • għat-teknoloġiji għall-irkupru ta’ materjali mill-iskart residwu għal finijiet ta’ ekonomija ċirkolari;
  • fjuwils fossili.

Minnflok huma jsostnu:

  • l-investiment fis-sostituzzjoni ta’ sistemi tat-tisħin li jużaw nar mill-fjuwils fossili solidi b’sistemi ta’ tisħin li jużaw nar mill-gass biex jaġġornaw is-sistemi ta’ tisħin jew ta’ tkessiħ tad-distrett jew installazzjonijiet ta’ sħana u enerġija f’daqqa,
  • investiment fis-sistemi b’nar mill-gass naturali fi djar u f’bini biex jissostitwixxu installazzjonijiet bin-nar tal-faħam jew installazzjonijiet simili,
  • investiment fl-espansjoni u t-tibdil, il-konverżjoni jew ir-retrofitting ta’ netwerks għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-gass, ladarba dawn ikunu qed jiġu ppreparati għal gassijiet rinnovabbli u b’karbonju baxx, bħall-idroġenu, il-bijometan u l-gass sintesizzat biex iħalluhom jissostitwixxu l-installazzjonijiet ta’ fjuwils fossili solidi,
  • l-investiment f’ vetturi nodfa għal għanijiet ta’ użu pubbliku u vetturi, inġenji tal-ajru u inġenji użati mill-protezzjoni ċivili jew mis-servizzi tan-nar.

Appoġġ tal-FEŻR għal investimenti ta’ innovazzjoni territorjali u interreġjonali

Dawn jinkludu li ġej:

  • żvilupp territorjali integrat;
  • appoġġ għal żoni żvantaġġati, b’mod partikolari:
    • żoni rurali,
    • żoni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi;
  • mill-inqas 8 % tar-riżorsi tal-FEŻR fil-livell nazzjonali taħt l-għan ta’ “investiment għall-impjiegi u t-tkabbir”, għajr għall-assistenza teknika, għandhom jiġu allokati għall-iżvilupp urban sostenibbli, b’attenzjoni speċjali għal:
    • l-indirizzar tal-isfidi ambjentali u klimatiċi,
    • it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima sal-2050,
    • l-isfruttar tal-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali għal skopijiet ta’ innovazzjoni,
    • l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ żoni urbani funzjonali;
  • l-Inizjattiva Urbana Ewropea, implimentata mill-Kummissjoni Ewropea u li tappoġġa l-iżvilupp urban sostenibbli permezz ta’:
    • l-azzjonijiet innovattivi,
    • il-bini tal-kapaċitajiet u tal-għarfien,
    • il-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali,
    • l-iżvilupp u l-komunikazzjoni tal-politika;
  • l-Inizjattiva għall-Investimenti għall-Innovazzjoni Interreġjonali, li tikkonsisti f’appoġġ finanzjarju u konsultattiv għal:
    • l-investimenti fi proġetti ta’ innovazzjoni interreġjonali f’żoni ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti kondiviża,
    • il-bini tal-kapaċitajiet għall-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur f’reġjuni anqas żviluppati;
  • ir-reġjuni ultraperiferiċi, biex jikkumpensaw għall-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn:
    • id-distanza, l-insularità u d-daqs żgħir,
    • it-topografija u l-klima diffiċli,
    • dipendenza ekonomika fuq ftit prodotti biss.

Atti ta’ implimentazzjoni

F’Lulju 2021, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni.

  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1130 li tistabbilixxi l-lista tar-reġjuni eliġibbli għal finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew Plus u tal-Istati Membri eliġibbli għal finanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2021–2027.
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1131 li tistabbilixxi t-tqassim annwali:
    • skont l-Istat Membru tar-riżorsi globali għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fond ta’ Koeżjoni taħt “il-mira tal-investiment għall-impjiegi u t-tkabbir” u “l-mira ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea”;
    • skont l-Istat Membru skont il-kategorija ta’ reġjun;
    • skont l-Istat Membru allokat għall-finanzjament addizzjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi;
    • tal-ammonti li għandhom jiġu ttrasferiti mill-allokazzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni ta’ kull Stat Membru għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;
    • tar-riżorsi globali għall-Inizjattiva Urbana Ewropea;
    • tar-riżorsi globali għall-kooperazzjoni transnazzjonali li tappoġġa soluzzjonijiet innovattivi;
    • tar-riżorsi globali għall-Investimenti għall-Innovazzjoni Interreġjonali;
    • tar-riżorsi globali għall-fergħa ta’ kooperazzjoni transfruntiera tal-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea;
    • skont l-Istat Membru tar-riżorsi globali għall-fergħa ta’ kooperazzjoni transnazzjonali tal-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea;
    • tar-riżorsi globali għall-fergħa ta’ kooperazzjoni interreġjonali tal-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea;
    • tar-riżorsi globali għall-fergħa ta’ kooperazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea għall-perjodu 2021–2027.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, pp. 60–93).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1130 tal-5 ta’ Lulju 2021 li tistabbilixxi l-lista tar-reġjuni eliġibbli għal finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew Plus u tal-Istati Membri eliġibbli għal finanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2021–2027 (ĠU L 244, 9.7.2021, pp. 10–20).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1131 tal-5 ta’ Lulju 2021 li tistabbilixxi t-tqassim annwali skont l-Istat Membru tar-riżorsi globali għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fond ta’ Koeżjoni taħt il-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir u l-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, it-tqassim annwali skont l-Istat Membru skont il-kategorija ta’ reġjun, it-tqassim annwali skont l-Istat Membru allokat għall-finanzjament addizzjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi, l-ammonti li għandhom jiġu ttrasferiti mill-Fond ta’ Koeżjoni ta’ kull Stat Membru għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, it-tqassim annwali tar-riżorsi globali għall-Inizjattiva Urbana Ewropea, it-tqassim annwali tar-riżorsi globali għall-kooperazzjoni transnazzjonali li tappoġġa soluzzjonijiet innovattivi, it-tqassim annwali tar-riżorsi globali għall-Investimenti għall-Innovazzjoni Interreġjonali, it-tqassim annwali tar-riżorsi globali tal-kooperazzjoni transfruntiera tal-għan ta’ kooperazzjoni territorjali, it-tqassim annwali skont l-Istat Membru tar-riżorsi globali għall-kooperazzjoni transnazzjonali tal-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea, it-tqassim annwali tar-riżorsi globali għall-kooperazzjoni interreġjonali tal-għan ta’ kooperazzjoni territorjali u t-tqassim annwali tar-riżorsi globali għall-kooperazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea għall-perjodu 2021–2027 (ĠU L 244, 9.7.2021, pp. 21–50).

Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, pp. 159–706).

Ir-Regolament (EU) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta’ finanzjament estern (ĠU L 231, 30.6.2021, pp. 94–158).

Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088, (ĠU L 198, 22.6.2020, pp. 13–43).

l-aħħar aġġornament 25.08.2021

Top