Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Opportunitajiet tas-sajd fl-ibħra tal-UE u mhux tal-UE (2021)

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

Opportunitajiet tas-sajd fl-ibħra tal-UE u mhux tal-UE (2021)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2021/92 li jistabbilixxi għall-2021 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan jistabbilixxi għall-2021 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni Ewropea (UE) u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni.
  • Dan jelenka d-definizzjonijiet u ż-żoni tas-sajd li japplikaw għall-iskopijiet tar-regolament.

PUNTI EWLENIN

L-opportunitajiet tas-sajd koperti minn dan ir-regolament jinkludu:

  • limiti fil-qbid għas-sena 2021 u, fejn speċifikat fir-regolament, għas-sena 2022;
  • limiti għall-isforzi tas-sajd għas-sena 2021, minbarra l-limiti għall-isforzi tas-sajd imfassla fl-Anness II tar-regolament, li ser japplika mill-1 ta’ Frar 2021 sal-31 ta’ Jannar 2022;
  • Opportunitajiet ta’ sajd għall-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2020 sat-30 ta’ Novembru 2021 għal ċertu stokkijiet fiż-żona tal-konvenzjoni tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku.

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-regolament japplika:

  • Bastimenti tas-sajd irreġistrati fl-UE u bastimenti mhux tal-UE li jistadu fl-ibħra tal-UE;
  • sajd rikreattiv*, fejn dawn huma speċifikament imsemmija fir-regolament; u
  • sajd kummerċjali mix-xatt.

Minbarra l-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti mill-UE b’mod awtonomu, ir-regolament ikopri wkoll opportunitajiet ta’ sajd li jirriżultaw minn arranġamenti tas-sajd multilaterali jew bilaterali, bħal:

Opportunitajiet tas-sajd għal bastimenti tal-UE fl-ilmijiet tal-UE

Qabdiet totali permissibbli

Skont l-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, il-Kunsill huwa responsabbli li jistabbilixxi l-qabdiet totali permissibbli (TACs).

  • It-TACs jistabbilixxu l-kwantità massima ta’ ħut ta’ speċi differenti li jistgħu jinqabdu matul is-sena rispettiva.
  • Il-limiti stabbiliti jsegwu l-prinċipju tal-isfruttament sostenibbli tad-diversi stokkijiet f’konformità mar-rendiment massimu sostenibbli*. Pjanijiet ta’ ġestjoni pluriennali ġew adottati għar-reġjuni ta’ sajd tal-UE li jinkludu miri għall-immaniġġjar tal-istokkijiet tal-ħut.
  • It-TAC għal kull speċi individwali hija diviża fi kwoti — proporzjonijiet tat-TAC assenjati lill-UE, lill-Istati Membri tal-UE jew lill-pajjiżi mhux tal-UE.

Qabdiet totali permissibbli proviżżjonali għal stokkijiet ta’ ħut kondiviżi

  • Fir-rigward ta’ dawk l-istokkijiet ta’ ħut kondiviżi ma’ ċertu pajjiżi mhux tal-UE, ir-Regolament (UE) 2021/92 jistabbilixxi TACs proviżjonali, sakemm il-konsultazzjonijiet man-Norveġja u mar-Renju Unit jiġu konklużi.
  • L-UE u n-Norveġja kkonkludew konsultazzjonijiet bilaterali għal stokkijiet kondiviżi fil-Baħar tat-Tramuntana, Skagerrak u l-iskambju ta’ kwoti f’Marzu 2021. In-Norveġja u l-UE kkonkludew ukoll ftehim trilaterali mar-Renju Unit li jkopri numru limitat ta’ TACs fil-Baħar tat-Tramuntana, Skagerrak u l-Punent tal-Iskozja.
  • Biex dawn il-ftehimiet kollha jittieħdu in konsiderazzjoni u tiġi assigurata l-kontinwità tal-attivitajiet tas-sajd sostenibbli sakemm il-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit jkunu kompluti, ir-Regolament (UE) 2021/703 jemenda r-Regolament (UE) 2021/92. Skont il-ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit (l-Artikolu 499), dan ir-regolament emendatorju jestendi t-TACs proviżjonali tal-UE biex joħloq ċertezza legali għall-operaturi tal-UE sakemm dawn il-konsultazzjonijiet jiġu konklużi.

Obbligu ta’ ħatt l-art

Sa mill-1 ta’ Jannar 2019, il-bastimenti tas-sajd kollha tal-UE kellhom jaderixxu mal-obbligu ta’ ħatt l-art, li temm il-prattika tal-iskartar. Ir-regolament:

  • jistipula li l-qabdiet kollha tal-ispeċi kummerċjali regolati li jittellgħu abbord (inklużi qabdiet inċidentali*) għandhom jiġu żbarkati u magħduda mal-kwoti rispettivi ta’ kull Stat Membru tal-UE, u
  • jintroduċi sistema ta’ skambji tal-kwoti għal dawk l-Istati Membri li ma jkollhom l-ebda kwota biex ikopru qabdiet inċidentali li ma jistgħux jiġu evitati.

Miżuri ta’ rimedju

Ir-regolament jelenka l-miżuri li huma marbuta b’mod funzjonali ma’ opportunitajiet tas-sajd u li għandhom jiġu applikati f’żoni varji tas-sajd, u miżuri ta’ rimedju li għandhom jittieħdu biex jiġi assigurat ir-ritorn malajr tal-istokkijiet għal livelli għola mill-livell li kapaċi jipproduċi rendiment massimu sostenibbli.

Speċijiet ipprojbiti

Ir-regolament jelenka ż-żoni tas-sajd fejn il-bastimenti tas-sajd ma jistgħux jistadu, ma jistgħux iżommu abbord, ma jistgħux jużaw trasbord* jew jiżbarkaw ċertu speċi.

Awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal bastimenti tal-UE f’ilmijiet mhux tal-UE

  • In-numru massimu tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal bastimenti tas-sajd irreġistrati fl-UE f’ilmijiet mhux tal-UE huwa stabbilit f’Parti A tal-Anness V tar-regolament.
  • L-Istati Membri jistgħu jittrasferixxu kwoti bejniethom iżda kwalunkwe trasferiment jeħtieġ li jinkludi trasferiment xieraq ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd u jkun innotifikat lill-Kummissjoni.

Opportunitajiet tas-sajd għal bastimenti tal-UE f’ilmijiet amministrati minn organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd

Din il-parti tar-Regolament (UE) 2021/92 hija maqsuma f’żoni reġjonali għas-sajd li huma koperti mill-konvenzjonijiet rispettivi tagħhom.

Għal kull żona, ir-regolament jistipula:

  • kwalunkwe limitazzjonijiet tal-kapaċità tas-sajd li jistgħu jeżistu għall-bastimenti;
  • it-tip ta’ attivitajiet ta’ sajd li jistgħu isiru;
  • It-tipi ta’ xbieki li jistgħu jintużaw u t-tipi ta’ bagi li huma meħtieġa;
  • projbizzjonijiet ta’ sajd fuq ċerti speċi.

Opportunitajiet tas-sajd għal bastimetni mhux tal-UE fl-ilmijiet tal-UE

  • Bastimenti li jtajru l-bandiera tan-Norveġja jew li huma rreġistrati fil-Gżejjer Faroe u bastimenti li jtajru l-bandiera tar-Renju Unit, irreġistrati fir-Renju Unit u b’liċenzja mingħand amministrazzjoni tas-sajd tar-Renju Unit jistgħu jkunu awtorizzati li jistadu fl-ilmijiet tal-UE fil-limiti tat-TACs stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, u huma suġġetti għall-kundizzjonijiet ipprovduti f’dan ir-regolament u r-Regolament (UE) 2017/2403 dwar il-ġestjoni sostenibbli għall-bastimenti tas-sajd esterni (ara s-sommarju).
  • Bastimenti li jtajjru l-bandiera tal-Venezwela huma soġġetti għall-kondizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) 2021/92 u fir-Regolament (UE) 2017/2403.
  • Ir-Regolament (UE) 2021/92 jelenka wkoll speċi li bastimenti mhux irreġistrati fl-UE, jinsabu fejn jinsabu fl-ilmijiet tal-UE, huma pprojbiti milli jistadu għalihom, iżommu abbord, jagħmlu trasbord jew iħottuhom.

Annessi

Hemm disa’ annessi għar-regolament.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

SFOND

Regolamenti tal-opportunitajiet tas-sajd tal-UE għandhom jillimitaw il-ħsad tal-istokkijiet tal-ħut għal livelli li jeħtieġ li jkunu konsistenti mal-għanijiet ġenerali tal-politika komuni tas-sajd. Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-politika komuni tas-sajd (ara s-sommarju) jistabbilixxi l-għanijiet għall-proposti annwali għal-limitazzjonijiet tal-qabdiet u tal-isforzi għas-sajd biex jiżgura li s-sajd tal-UE huma ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment sostenibbli.

Għal iktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Sajd rikreattiv: attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi ħajjin tal-baħar bħar-rikreazzjoni, it-turiżmu jew l-isport.
Rendiment massimu sostenibbli: l-akbar rendiment (qabda) li jista’ jittieħed mill-istokk ta’ speċi fuq perjodu indefinit, jiġifieri mingħajr ma tiġi pperikolata s-sopravivenza tagħha.
Qabda inċidentali: ħut u speċijiet tal-baħar mhux mixtieqa li jinqabdu bla intenzjoni.
Trasbord: it-trasferiment ta’ qabda minn bastiment tas-sajd iżgħar għal fuq wieħed ikbar li mbagħad jinkorporaha f’lott akbar għat-trasport bil-baħar.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92 tat-28 ta’ Jannar 2021 li jiffissa għall-2021 l-opportunitajiet ta’ ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni, u għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni f’ċerti ilmijiet li mhumiex tal-Unjoni (ĠU L 31, 29.1.2021, pp. 31-192)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2021/92 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU L 149, 30.4.2021, pp. 10-2539)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/406 tal-5 ta’ Marzu 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/91 u (UE) 2021/92 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet ta’ sajd proviżjonali għall-2021 fl-ilmijiet tal-Unjoni u fl-ilmijiet barra mill-Unjoni (ĠU L 81, 9.3.2021, pp. 1-14)

Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) Nru 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, pp. 105-201)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, pp. 81-104)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, pp. 22-61)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, pp. 1-50)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 03.06.2021

Top