Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-Sena Ewropea tal-Ferroviji (2021)

Is-Sena Ewropea tal-Ferroviji (2021)

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni (UE) 2020/2228 dwar is-Sena Ewropea tal-Ferroviji (2021)

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

F’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (ara s-sommarju), l-għan ewlieni tas-Sena Ewropea tal-Ferroviji hija li tinkoraġġixxi u tappoġġa l-isforzi tal-Unjoni Ewropea (UE), il-pajjiżi tal-UE, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u awtoritajiet oħra biex iżidu s-sehem tal-passiġġieri u merkanzija li jivvjaġġaw bil-ferrovija.

PUNTI EWLENIN

Objettivi

Id-deċiżjoni għandha għadd ta’ objettivi speċifiċi, fosthom:

  • li tippromwovi t-trasport ferrovjarju bħala mod ta’ trasport sostenibbli, innovattiv, interkonness u intermodali, sikur u affordabbli, b’mod partikolari billi tenfasizza r-rwol tal-ferroviji:
    • bħala fattur ta’ bidla li jgħin biex jintlaħaq l-objettiv ta’ newtralità klimatika tal-UE sal-2050,
    • bħala pilastru ta’ network loġistiku effiċjenti, li jkun kapaċi jiggarantixxi servizzi essenzjali, anke matul kriżijiet mhux mistennija,
    • bħala mod tat-trasport li jilħaq lill-pubbliku usa’, speċjalment iż-żgħażagħ, inter alia billi l-ferroviji jiġu ppreżentati bħala opportunità ta’ karriera attraenti;
  • biex tenfasizza wkoll id-dimensjoni Ewropea, transfruntiera tal-ferroviji, li tqarreb liċ-ċittadini lejn xulxin;
  • biex ittejjeb il-kontribut tal-ferroviji għall-ekonomija, l-industrija u s-soċjetà tal-UE;
  • biex tippromwovi r-rwol ewlieni tal-ferroviji fit-trasport internazzjonali tal-passiġġieri fl-UE u lil hinn;
  • biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-raba’ pakkett ferrovjarju u għall-qawmien ta’ kuxjenza dwar il-miżuri meħtieġa biex tiġi stabbilita ż-żona ferrovjarja unika Ewropea (ara s-sommarju), imsejsa fuq Network Trans-Ewropew tat-Trasport li taħdem sew.

Miżuri

Għadd ta’ miżuri fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali huma ppjanati biex jinkisbu dawn l-objettivi. Dawn se jiġu koordinati bl-isforzi eżistenti biex jippromwovu t-trasport ferrovjarju. Dawn il-miżuri jinkludu:

  • inizjattivi u avvenimenti li jippromwovu d-dibattitu, jibnu immaġni pożittiva, iqajmu kuxjenza u jiffaċilitaw l-involviment taċ-ċittadini, tan-negozji u tal-awtoritajiet pubbliċi biex iżidu l-fiduċja fil-ferroviji, b’mod partikolari wara l-kriżi tal-COVID-19 u biex jippromwovu l-attrattività tal-ferrovija għat-trasport ta’ aktar persuni u merkanzija bħala mezz biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima;
  • inizjattiva fil-pajjiżi tal-UE biex jinkoraġġixxu, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, xejriet ta’ vvjaġġar fuq negozju u vvjaġġar bil-ferrovija;
  • wirjiet informattivi, kampanji ta’ ispirazzjoni, edukattivi u ta’ qawmien ta’ kuxjenza.

Il-Kummissjoni Ewropea se tikkunsidra wkoll studji dwar il-fattibbiltà dwar

  • il-ħolqien ta’tikketta Ewropea biex tippromwovi oġġetti u l-prodotti ttrasportati bil-ferrovija sabiex tħeġġeġ lin-negozji jaqilbu t-trasport tagħhom għall-ferroviji;
  • l-introduzzjoni ta’ indiċi tal-konnettività ferrovjarja, bil-għan tal-kategorizzazzjoni tal-livell ta’ integrazzjoni miksub permezz tal-użu tas-servizzi fuq in-network ferrovjarju u li juri l-potenzjal tal-ferroviji li jikkompetu ma’ modi oħra ta’ trasport.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mid-29 ta’ Diċembru 2020.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/2228 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 dwar is-Sena Ewropea tal-Ferroviji (2021) (ĠU L 437, 28.12.2020, pp. 108-115)

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final, 11.12.2019)

Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, pp. 32-77)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2012/34/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha biss valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 08.03.2021

Top