Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19 – pjan direzzjonali

It-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19 – pjan direzzjonali

 

SOMMARJU TA’:

Pjan Direzzjonali Ewropew konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19

X’INHU L-GĦAN TAL-PJAN DIREZZJONALI?

  • Rakkomandazzjonijiet lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE, li jiddeskrivu approċċ koordinat tal-UE għat-tneħħija gradwali tal-miżuri ta’ konteniment biex jerġgħu jibdew il-ħajja tal-komunità u l-ekonomija.
  • Il-prinċipji ewlenin huma:
    • parir xjentifiku,
    • koordinazzjoni, u
    • solidarjetà.

PUNTI EWLENIN

Il-pjan direzzjonali:

  • Jenfasizza li t-trasparenza, il-komunikazzjoni pubblika ċara u f’waqtha u d-djalogu kostanti man-negozji u t-trejdjunjins huma importanti.
  • Jistabbilixxi 3 kriterji għall-valutazzjoni tal-lockdown:
    • l-epidemjoloġija: id-data li turi li t-tixrid tal-marda naqas b’mod sinifikanti u ġie stabbilizzat għal perjodu sostnut;
    • il-kapaċità suffiċjenti tas-sistema tas-saħħa: biex tittratta kemm il-virus kif ukoll domandi mediċi oħra;
    • il-kapaċità ta’ monitoraġġ xierqa: biex isiru testijiet fuq skala kbira biex il-virus jiġi identifikat malajr u jitwaqqaf it-tixrid tal-virus.
  • Jipprovdi 3 prinċipji ta’ gwida għall-illaxkar koordinat tal-miżuri tal-COVID-19, filwaqt li jippermetti li ż-żmien meta jsir fuq bażi nazzjonali u l-ispeċifiċitajiet ikunu differenti:
    • kwalunkwe azzjoni għandha tkun ibbażata fuq ix-xjenza;
    • koordinazzjoni ta’ miżuri nazzjonali eżistenti u notifika minn qabel ta’ kwalunkwe miżura;
    • rispett u solidarjetà bejn il-pajjiżi kollha tal-UE.
  • Jispeċifika miżuri għat-tneħħija gradwali tal-miżuri ta’ konfinament:
    • il-ġbir ta’ data u l-iżvilupp ta’ sistema robusta, il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni b’mod armonizzat;
    • il-ħolqien ta’ qafas għar-rintraċċar tal-kuntatt u t-twissija bl-użu ta’ applikazzjonijiet mobbli volontarji;
    • l-espansjoni tal-kapaċitajiet tal-ittestjar u l-armonizzazzjoni tal-metodoloġiji;
    • iż-żieda tal-kapaċitajiet u r-reżiljenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa
    • it-tkomplija tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tat-tagħmir protettiv mediku u personali;
    • il-ħolqien ta’ vaċċin sikur u effettiv b’awtorizzazzjoni u disponibbiltà mgħaġġla;
    • l-iżvilupp ta’ trattamenti u mediċini sikuri u effettivi, b’mod partikolari billi jiġu ttestjati mediċini li attwalment jintużaw għal mard u kundizzjonijiet oħra.
  • Jippreżenta rakkomandazzjonijiet biex jintemm il-lockdown b’mod gradwali:
    • żmien biżżejjed għat-tneħħija ta’ kwalunkwe miżura fi stadji differenti, possibilment xahar;
    • progressivament il-miżuri ġenerali jiġu sostitwiti b’oħrajn speċifiċi, pereżempju protezzjoni itwal għall-gruppi l-aktar vulnerabbli jew kwarantina għal persuni ddijanjostikati bil-virus jew bis-sintomi;
    • l-ewwel it-tneħħija tal-miżuri fuq livell lokali qabel ma jiġu estiżi gradwalment b’mod usa’;
    • il-ftuħ gradwali tal-fruntieri interni u esterni tal-UE;
    • rekwiżiti ġodda ta’ sikurezza għall-bidu mill-ġdid tal-attività ekonomika biex in-negozji jkunu jistgħu jaġġustaw, pereżempju, billi jħeġġu t-teleworking;
    • kundizzjonijiet speċifiċi ta’ sigurtà għal laqgħat ta’ gruppi, eż. klassijiet iżgħar u ħinijiet differenti għall-ikliet fl-iskejjel u fl-universitajiet;
    • kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar prattiki sodi ta’ iġjene biex jiġi evitat it-tixrid tal-virus permezz ta’ distanzjar soċjali u l-użu tal-maskri tal-wiċċ.
  • Jidentifika oqsma għall-kontribut futur mill-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari:
    • linji gwida dwar testijiet differenti għall-COVID-19;
    • network tal-UE tal-laboratorji ta’ referenza għall-COVID-19;
    • it-tneħħija tal-projbizzjonijiet jew tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet fi ħdan l-UE, b’mod speċjali ta’ tagħmir mediku;
    • l-użu konsistenti tar-regoli tal-antitrust li jippermettu lill-kumpaniji jikkooperaw biex jirrimedjaw in-nuqqas ta’ oġġetti u servizzi;
    • is-simplifikazzjoni tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq għal vaċċini ġodda;
    • pariri dwar ir-restawr tas-servizzi tat-trasport u dwar il-moviment liberu tal-persuni;
    • sistema ta’ twissija rapida għall-ktajjen ta’ provvista u ta’ valur;
    • monitoraġġ tal-miżuri nazzjonali;
    • kooperazzjoni mal-gvernijiet nazzjonali biex jiġu diskussi inizjattivi ta’ finanzjament taħt l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza (ara r-Regolament (UE) 2020/521).
  • Jelenka oqsma fejn il-Kummissjoni diġà wieġbet għall-kriżi:
    • it-tħaffif tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-infiq pubbliku nazzjonali biex jittaffa l-impatt soċjoekonomiku tal-virus (COM (2020) 112 final u COM (2020) 143 final);
    • Ir-Regolament (UE) 2016/369 (ara s-sommarju) biex jiġi stabbilit l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza, li jappoġġa s-sistemi tal-kura tas-saħħa;
    • Rakkomandazzjoni (UE) 2020/518 dwar sett ta’ għodod komuni tal-UE għall-użu ta’ applikazzjonijiet dwar id-distanzjar soċjali;
    • linji gwida dwar l-assistenza ta’ emerġenza tal-UE dwar il-kooperazzjoni transkonfinali fil-kura tas-saħħa.

MINN META JAPPLIKA L-PJAN DIREZZJONALI?

Dan ilu japplika mis-17 ta’ April 2020.

SFOND

DOKUMENT EWLIENI

Pjan Direzzjonali Ewropew konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19 (ĠU C 126, 17.4.2020, pp. 1-11)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta’ Marzu 2016 dwar l-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 70, 16.3.2016, pp. 1-6)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 2016/369 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Grupp tal-Ewro — Rispons ekonomiku kkoordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19 (COM(2020) 112 final, 13.3.2020)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni —Rispons għall-coronavirus L-użu ta’ kull euro disponibbli b’kull mod possibbli għall-ħarsien tal-ħajja u tal-għajxien ta’ kuljum — L-Ispustar bil-forza u l-Iżvilupp (COM(2020) 143 final, 2.4.2020)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-Assistenza ta’ Emerġenza tal-UE fil-Kooperazzjoni Transkonfinali fil-Kura tas-Saħħa relatata mal-kriżi tal-COVID-19 (ĠU C 111I, 3.4.2020, p. 1-5)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/518 tal-8 ta’ April 2020 dwar sett tal-għodod komuni tal-Unjoni għall-użu tat-teknoloġija u tad-data biex niġġieldu u noħorġu mill-kriżi tal-COVID-19, b’mod partikolari dwar l-applikazzjonijiet mobbli u l-użu ta’ data anonimizzata dwar il-mobbiltà (ĠU l 114, 14.4.2020, pp. 7-15)

l-aħħar aġġornament 16.06.2020

Top