EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ekodisinn u tikkettar tal-enerġija — unitajiet tal-wiri elettroniċi

Ekodisinn u tikkettar tal-enerġija — unitajiet tal-wiri elettroniċi

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2019/2021 dwar rekwiżiti tal-ekodisinn għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi

Regolament Delegat (UE) 2019/2013 dwar it-tikkettar tal-enerġija tal-unitajiet tal-wiri elettroniċi

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?

Ir-Regolament (UE) 2019/2021 jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn* għall-bejgħ u d-dħul fis-servizz ta’ unitajiet tal-wiri elettroniċi*, inklużi t-televixins, il-moniters u s-sinjali diġitali. Ir-regolament iħassar ir-Regolament (KE) 642/2009 li applika biss għat-televixins u l-moniters tat-televixin.

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2013 jistabbilixxi regoli dwar it-tikkettar ta’ u l-għoti ta’ informazzjoni supplimentari dwar il-prodott fuq dawn il-prodotti. Dan iħassar ir-Regolament Delegat (UE) 1062/2010 li applika biss għat-televixins u l-moniters tat-televixin.

Ir-regolamenti ma japplikawx għal ċerti prodotti tal-unitajiet tal-wiri, bħal proġetturi, unitajiet tal-wiri mediċi, unitajiet tal-wiri elettroniċi żgħar jew sistemi komprensivi tal-vidjokonferenzi. Apparati oħra, bħal unitajiet tal-wiri tax-xandir, professjonali u tas-sigurtà, whiteboards interattivi diġitali, jew frejms tar-ritratti diġitali, għandhom biss jissodisfaw ftit mir-rekwiżiti, bħal dawk relatati mal-effiċjenza tal-materjal (iffaċilitar tat-tiswija u riċiklaġġ).

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament (UE) 2019/2021 jistabbilixxi:

  • ir-rekwiżiti tal-ekodisinn skont id-Direttiva 2009/125/KE;
  • fl-Anness II, id-data (1 ta’ Marzu 2021) meta r-rekwiżiti tal-ekodisinn jidħlu fis-seħħ. Dawn ikopru:
    • l-effiċjenza enerġetika,
    • rekwiżiti tal-modalità mitfi u tal-modalità standby,
    • l-effiċjenza tal-materjali, inklużi d-disinn għall-iżmantellar, riċiklaġġ aħjar u ż-żieda fl-irkupru tal-materjali,
    • informazzjoni għas-sewwejja u l-fornituri tal-partijiet ta’ rikambju, inkluża d-disponibbiltà tal-aġġornamenti tas-software u tal-firmware,
    • disponibbiltà ta’ partijiet ta’ rikambju;
  • il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità, u fl-Anness III l-metodi tal-kejl u l-kalkoli li jridu jsiru.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom japplikaw il-proċeduri tal-valutazzjoni stabbiliti fl-Anness IV meta jwettqu verifiki tas-sorveljanza tas-suq.

L-Anness V jistabbilixxi punti ta’ referenza indikattivi bbażati fuq l-aqwa teknoloġija disponibbli (waqt it-tħejjija tal-leġiżlazzjoni) għall-aspetti ambjentali meqjusa bħala sinifikanti u kwantifikabbli.

Il-Kummissjoni jeħtiġilha tirrevedi r-regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku u tivvaluta għadd ta’ aspetti 3 snin wara li jidħol fis-seħħ.

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2013 jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 dwar it-tikkettar tal-enerġija u jistabbilixxi regoli għall-fornituri, in-negozjanti u l-pjattaformi tal-hosting tal-Internet.

  • Il-fornituri jeħtiġilhom jiżguraw li:
    • kull unità tal-wiri elettronika tiġi fornuta b’tikketta stampata bil-format u li jkun fiha l-informazzjoni stipulata fl-Anness III;
    • l-informazzjoni fl-iskeda informattiva dwar il-prodott, kif stipulat fl-Anness V, u l-kontenut tad-dokumentazzjoni teknika, kif stipulat fl-Anness VI, jiddaħħlu fil-bażi tad-data tal-prodotti;
    • jekk jintalab b’mod speċifiku min-negozjant, l-iskeda informattiva dwar il-prodott issir disponibbli f’forma stampata;
    • kull reklam viżiv jew materjal promozzjonali tekniku għal mudell speċifiku ta’ unità tal-wiri elettronika, inkluż fuq l-Internet, ikun fih il-klassi tal-effiċjenza enerġetika u l-firxa ta’ klassijiet tal-effiċjenza disponibbli fuq it-tikketta (ara l-Anness VII u l-Anness VIII);
    • tikketta elettronika, bil-format u bl-informazzjoni kif stabbilit fl-Anness III, issir disponibbli għan-negozjanti għal kull mudell ta’ unità tal-wiri elettronika;
    • skeda informattiva dwar il-prodott elettroniku, kif stipulat fl-Anness V, issir disponibbli għan-negozjanti għal kull mudell ta’ unità tal-wiri elettronika;
    • it-tikketta trid tiġi stampata fuq l-imballaġġ jew titwaħħal fuqu.
  • In-negozjanti jeħtiġilhom jiżguraw li:
    • kull unità tal-wiri elettronika, waqt il-bejgħ, inkluż waqt il-fieri, ikollha t-tikketta mogħtija mill-fornituri murija fuq quddiem tal-apparat jew imdendla miegħu jew imqiegħda b’tali mod li tkun tidher b’mod ċar u li tkun assoċjata b’mod inekwivoku mal-mudell speċifiku;
    • diment li l-unità tal-wiri elettronika tinżamm fil-modalità mixgħul meta tkun qed tintwera lill-konsumaturi biex tinbiegħ, it-tikketta elettronika murija fuq l-iskrin tista’ tissostitwixxi t-tikketta stampata;
    • meta mudell ta’ unità tal-wiri elettronika jintwera waqt il-bejgħ mingħajr ebda unità murija barra mill-imballaġġ, it-tikketta stampata fuq l-imballaġġ jew imwaħħla fuqu għandha tkun viżibbli;
    • fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod jew telebejgħ, it-tikketta u l-iskeda informattiva dwar il-prodott jiġu pprovduti skont l-Annessi VII u VIII;
    • kull reklam viżiv jew materjal promozzjonali tekniku għal mudell speċifiku ta’ unità tal-wiri elettronika, inkluż fuq l-Internet, ikun fih il-klassi tal-effiċjenza enerġetika u l-firxa ta’ klassijiet tal-effiċjenza disponibbli fuq it-tikketta, skont l-Anness VII.
  • Il-pjattaformi tal-hosting tal-Internet iridu jiżguraw li:
    • it-tikketta elettronika u l-iskeda informattiva elettronika dwar il-prodott mogħtija min-negozjant jintwerew skont l-Anness VIII, u jridu jinformaw lin-negozjant dwar l-obbligu li juruhom.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom japplikaw il-proċedura tal-valutazzjoni stabbilita fl-Anness IX meta jwettqu verifiki tas-sorveljanza tas-suq.

Il-klassi tal-effiċjenza enerġetika hija bbażata fuq indiċi stipulat fl-Anness II.

Il-Kummissjoni Ewropea jeħtiġilha teżamina r-regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku 3 snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

It-tnejn japplikaw mill-1 ta’ Marzu 2021. Madankollu, ir-rekwiżit li l-unitajiet tal-wiri elettroniċi jiġu fornuti b’tikketta stampata bil-format u li jkun fiha l-informazzjoni stipulata fl-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2013 japplika mill-1 ta’ Novembru 2020.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ekodisinn: Politika għat-titjib, permezz ta’ disinn aħjar, tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom, speċjalment l-effiċjenza enerġetika tagħhom.
Unità tal-wiri elettronika: skrin tal-wiri u l-elettronika assoċjata li l-funzjoni primarja tagħha tkun il-wiri ta’ informazzjoni viżwali minn sorsi b’wajer jew mingħajru.

DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2021 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009 (ĠU L 315, 5.12.2019, pp. 241-266)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2013 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħol it-tikkettar tal-enerġija tal-unitajiet tal-wiri elettroniċi u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010 (ĠU L 315, 5.12.2019, pp. 1-28)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2019/2013 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, pp. 1-23)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019 (COM(2016) 773 final, 30.11.2016)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-għeluq taċ-ċirku — Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari (COM(2015) 614 final, 2.12.2015)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 617/2013 tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti għall-ekodisinn għall-kompjuters u s-servers informatiċi (ĠU L 175, 27.6.2013, pp. 13-33)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, pp. 38-71)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010 tat-28 ta’ Settembru 2010 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku għat-televixins (ĠU L 314, 30.11.2010, pp. 64-80)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, pp. 10-35)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju f’modalità standby u f’modalità mitfija (ĠU L 339, 18.12.2008, pp. 45-52)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 29.01.2020

Top