L-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija — sorsi tad-dawl u tagħmir ta’ kontroll separat
SOMMARJU TA’:
Ir-Regolament (UE) 2019/2020 dwar ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għas-sorsi tad-dawl u t-tagħmir ta’ kontroll separat
Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2015 dwar it-tikkettar tal-enerġija tas-sorsi tad-dawl
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?
- Ir-Regolament (UE) 2019/2020 jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn* għall-bejgħ jew għat-tħaddim tas-sorsi tad-dawl u tagħmir ta’ kontroll separat. Dan iħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 244/2009, (KE) Nru 245/2009 u (UE) Nru 1194/2012.
- Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2015 jistabbilixxi regoli dwar it-tikkettar tal-enerġija tas-sorsi tad-dawl. Dan jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 dwar it-tikkettar tal-enerġija u jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 874/2012.
PUNTI EWLENIN
Sors tad-dawl huwa prodott li jaħdem bl-elettriku maħsub biex jemetti, jew li kapaċi jemetti, dawl bl-użu ta’ inkandexxenza, fluworexxenza, skariku ta’ intensità għolja jew dijodi li jemettu d-dawl inorganiċi jew organiċi u jinkludi ċerti sorsi tad-dawl tas-sodju bi pressjoni għolja.
Tagħmir ta’ kontroll huwa tagħmir li jaħdem mas-sorsi tad-dawl biex iħejji l-elettriku tal-mejnijiet għar-rekwiżit tal-elettriku tas-sors tad-dawl. Dan jista’ jinkludi t-trasformazzjoni tal-vultaġġ tal-provvista u tal-bidu, il-limitazzjoni tal-provvista tal-kurrent, il-prevenzjoni ta’ startjar kiesaħ, il-korrezzjoni tal-fattur ta’ potenza jew it-tnaqqis tal-interferenza tar-radju. Ma jinkludix il-provvisti tal-enerġija.
Ir-Regolament (UE) 2019/2020:
- fl-Anness II jistipula d-data (l-1 ta’ Settembru 2021) meta jidħlu fis-seħħ ir-rekwiżiti tal-ekodisinn, li jkopru
- l-effiċjenza fl-enerġija
- informazzjoni dwar ir-rekwiżiti funzjonali
- u t-tikkettar għall-professjonisti u għall-utenti finali;
- jistabbilixxi eżenzjonijiet fl-Anness III għas-sorsi tad-dawl jew it-tagħmir ta’ kontroll maħsuba biex jitħaddmu
- f’atmosferi potenzjalment splussivi
- għall-użu f’każ ta’ emerġenza
- f’installazzjonijiet ta’ mediċina radjoloġika u nukleari
- fi jew fuq stabbilimenti militari jew tad-difiża ċivili, it-tagħmir, il-vetturi tal-art, it-tagħmir tal-baħar jew l-inġenji tal-ajru
- fi jew fuq vetturi bil-mutur, il-karrijiet u s-sistemi tagħhom, it-tagħmir irmunkat, il-komponenti u unitajiet tekniċi separati
- fi jew fuq makkinarju mobbli mhux tat-triq
- fi jew fuq ċertu tagħmir maħsub li jiġi rmunkat
- fi jew fuq inġenji tal-ajru tal-avjazzjoni ċivili
- fid-dawl tal-vetturi ferrovjarji
- fit-tagħmir tal-baħar
- fl-apparat mediku;
- jistabbilixxi eżenzjonijiet addizzjonali, bħal
- displejs elettroniċi (eż. televiżjonijiet, moniters tal-kompjuter, notebooks, tablets, mowbajls u consoles tal-logħob)
- sorsi tad-dawl u tagħmir ta’ kontroll separat fi prodotti li jaħdmu bil-batteriji, inklużi torċi, mowbajls b’dawl tat-torċa integrat, ġugarelli li jinkludu sorsi tad-dawl u lampi tal-iskrivanija li jaħdmu biss bil-batteriji
- sorsi tad-dawl għall-ispettroskopija u applikazzjonijiet fotometriċi
- sorsi tad-dawl u tagħmir ta’ kontroll separat fuq roti u vetturi oħrajn mhux bil-mutur
- ċerti sorsi tad-dawl oħrajn elenkati fl-Anness III, li jridu jissodisfaw biss ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni fir-regolament.
L-awtoritajiet nazzjonali għandhom japplikaw il-proċeduri ta’ verifika stabbiliti fl-Anness IV meta jwettqu l-verifiki tas-sorveljanza tas-suq.
Il-mudelli ta’ sorsi tad-dawl ta’ dijodi li jemettu d-dawl inorganiċi u organiċi għandu jsirilhom ittestjar tar-reżistenza biex jiġu vverifikati l-manutenzjoni tal-lumen u l-fattur ta’ sopravivenza tagħhom.
L-Anness VI jistabbilixxi parametri referenzjarji indikattivi għall-aspetti ambjentali meqjusa bħala sinifikanti u kwantifikabbli, abbażi tal-aħjar teknoloġija disponibbli.
Il-Kummissjoni Ewropea għandha tirrieżamina r-regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku u tivvaluta numru ta’ aspetti 5 snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.
Skont ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2015:
- Il-fornituri ta’ sorsi tad-dawl għandhom jiżguraw li:
- kull sors ta’ dawl ikollu tikketta stampata fuq l-imballaġġ, fil-format stabbilit fl-Anness III;
- il-parametri tal-iskeda tal-informazzjoni tal-prodott u l-kontenut tad-dokumentazzjoni teknika, kif stabbilit fl-Annessi V u VI, jiddaħħlu fl-bażi tad-data tal-prodotti;
- fuq talba minn negozjanti, l-iskedi tal-informazzjoni tal-prodott jitqiegħdu għad-dispożizzjoni f’għamla stampata;
- reklamar viżwali u kwalunkwe materjal promozzjonali tekniku, inkluż materjal promozzjonali tekniku fuq l-internet, jinkludi l-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-mudell tas-sors ta’ dawl u l-firxa ta’ klassijiet ta’ effiċjenza enerġetika disponibbli fuq it-tikketta, skont l-Anness VII u l-Anness VIII;
- tikketta elettronika fil-format u li tinkludi l-informazzjoni, kif stabbilit fl-Anness III, titqiegħed għad-dispożizzjoni tan-negozjanti għal kull mudell ta’ sors ta’ dawl;
- skeda tal-informazzjoni tal-prodott elettroniku, kif stabbilit fl-Anness V, titqiegħed għad-dispożizzjoni tan-negozjanti għal kull mudell ta’ sors ta’ dawl;
- fuq talba minn negozjanti, huma pprovduti tikketti tal-prodott riklassifikati* stampati bħala stiker tal-istess daqs bħal dik li diġà teżisti.
- In-negozjanti għandhom jiżguraw li:
- fil-punt tal-bejgħ, kull sors ta’ dawl ikollu t-tikketta tal-klassi tal-enerġija f’post li tidher b’mod ċar ipprovduta mill-fornituri;
- fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, huma pprovduti t-tikketta u l-iskeda tal-informazzjoni tal-prodott;
- kwalunkwe reklamar viżwali jew materjal promozzjonali tekniku, inkluż l-internet, jinkludi l-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-mudell tas-sors ta’ dawl u l-firxa ta’ klassijiet ta’ effiċjenza enerġetika disponibbli fuq it-tikketta;
- it-tikketti eżistenti fuq is-sorsi tad-dawl fil-punti tal-bejgħ huma koperti mit-tikketti riklassifikati, mhux aktar tard minn 18-il xahar wara d-data tal-applikazzjoni tar-regolament.
- Meta fornitur ta’ servizzi ta’ hosting tal-internet jippermetti l-bejgħ ta’ sorsi tad-dawl mis-sit tal-internet tiegħu, il-fornitur ta’ servizzi għandu jippermetti l-wiri tat-tikketta elettronika u l-iskeda elettronika tal-informazzjoni tal-prodott ipprovduta min-negozjant u għandu jinforma lin-negozjant dwar l-obbligu li jurihom.
- Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/340 jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/2015 billi:
- jissostitwixxi d-definizzjoni ta’ prodott kontenenti*;
- jeħtieġ li l-valuri tal-parametri inklużi fl-iskeda ta’ informazzjoni dwar il-prodott, kif stabbilit fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/2015, jiddaħħlu fil-parti pubblika tal-bażi tad-data dwar il-prodotti (tapplika mill-1 ta’ Marzu 2022);
- jippermetti lin-negozjanti, fuq talba, jużaw tikketti stampati għal riklassifikazzjoni ta’ prodotti fil-forma ta’ stiker, tal-istess daqs bħal dik li diġà teżisti;
- jippermetti lill-fornituri, meta jqiegħdu sors tad-dawl fis-suq, biex jipprovduh bit-tikketta eżistenti sal-31 ta’ Awwissu 2021 u bit-tikketta riklassifikata mill-1 ta’ Settembru 2021 — Il-fornitur jista’ jagħżel li diġà jipprovdi sorsi tad-dawl imqiegħda fis-suq matul il-perjodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Awwissu 2021 bit-tikketta riklassifikata, jekk ma jkun tqiegħed fis-suq l-ebda sors tad-dawl li jappartjeni għall-istess mudell jew mudelli ekwivalenti qabel l-1 ta’ Lulju 2021: f’dak il-każ, in-negozjant ma għandux joffri dawk is-sorsi tad-dawl għall-bejgħ qabel l-1 ta’ Settembru 2021;
- jippermetti li t-tikketti eżistenti fuq is-sorsi tad-dawl fil-punti tal-bejgħ jiġu sostitwiti bit-tikketti riklassifikati b’tali mod li jkopru t-tikketta eżistenti, inkluż meta jiġu stampati fuq jew mehmuża mal-pakkett, fi żmien 18-il xahar wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/2015, u t-tikketti riklassifikati ma jintwerewx qabel dik id-data.
MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?
It-tnejn ilhom applikaw mill-1 ta’ Settembru 2021.
SFOND
- Id-Direttiva 2009/125/KE tistabbilixxi qafas biex jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija. Din tagħti l-kompitu lill-Kummissjoni li tistabbilixxihom għal prodotti li jinbiegħu u jiġu nnegozjati b’mod wiesa’ fl-UE u li għandhom impatt ambjentali sinifikanti.
- Ir-Regolament (UE) 2017/1369 jistabbilixxi qafas li jistipula rekwiżiti tat-tikkettar tal-enerġija għal prodotti relatati mal-enerġija biex jippermettu lill-konsumaturi jagħżlu prodotti aktar effiċjenti biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom.
- Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Ekodisinn: politika biex ittejjeb, permezz ta’ disinn aħjar, il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, speċjalment l-effiċjenza fl-enerġija tagħhom.
Tikketti tal-prodotti riklassifikati: tikketti tal-effiċjenza fl-enerġija li ġew riklassifikati, sabiex il-prodotti li qabel kienu jvarjaw minn “A+++” sa “G” ġew sostitwiti b’“A” sa “G” biex jibbilanċjaw in-numru għoli tal-klassijiet l-aktar effiċjenti fl-enerġija.
Prodott kontenenti: prodott li fih sors tad-dawl wieħed jew aktar, tagħmir ta’ kontroll separat jew it-tnejn. Eżempji ta’ prodotti kontenenti huma luminarji li jistgħu jiżżarmaw biex tkun tista’ ssir il-verifika separata tas-sors(i) tad-dawl li jkun fihom, apparat domestiku li jkun fih sors(i) tad-dawl, għamara (xkafef, mirja, vetrini) li fiha sors(i) tad-dawl. Jekk prodott kontenenti ma jkunx jista’ jiżżarma għall-verifika tas-sors tad-dawl u tat-tagħmir ta’ kontroll separat, il-prodott kontenenti kollu għandu jitqies bħala sors tad-dawl.
DOKUMENTI EWLENIN
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2020 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għas-sorsi tad-dawl u t-tagħmir ta’ kontroll separat skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 244/2009, (KE) Nru 245/2009 u (UE) Nru 1194/2012 (ĠU L 315, 5.12.2019, pp. 209-240)
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2019/2020 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2015 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tas-sorsi tad-dawl u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 874/2012 (ĠU L 315, 5.12.2019, pp. 68-101)
Ara l-verżjoni konsolidata.
DOKUMENTI RELATATI
Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 għall-iffissar ta’ qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jirrevoka d-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, pp. 1-23)
Ara l-verżjoni konsolidata.
Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, pp. 10-35)
Ara l-verżjoni konsolidata.
l-aħħar aġġornament 05.10.2021