EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ristrutturar, insolvenza u ħelsien mid-dejn

Ristrutturar, insolvenza u ħelsien mid-dejn

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2019/1023 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Hija timmira li tagħti lill-imprendituri* falluti* t-tieni opportunità.
  • Hija tagħmilha aktar faċli għal kumpaniji vijabbli f’diffikultà finanzjarja li jaċċessaw miżuri ta’ ristrutturar fi stadju bikri biex timpedilhom milli jsiru insolventi.
  • Hija temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji dwar kumpaniji b’responsabbiltà limitata.

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva tistipula regoli dwar:

  • ir-ristrutturar* għad-debituri f’diffikultà finanzjarja sabiex timpedilhom milli jfallu u biex tiżgura l-vijabbiltà tagħhom;
  • il-ħelsien mid-dejn ta’ imprendituri insolventi;
  • il-miżuri biex il-proċeduri dwar ir-ristrutturar, l-insolvenza* u l-ħelsien mid-dejn isiru aktar effiċjenti.

Il-leġiżlazzjoni tipprovdi lid-debituri:

  • sistema ta’ twissija bikrija u informazzjoni online li tindika kwalunkwe probabbiltà ta’ insolvenza. Dan jista’ jinkludi:
    • twissijiet meta ċerti pagamenti ma jsirux;
    • servizzi ta’ konsulenza pubbliċi u privati;
    • inċentivi għall-partijiet terzi, bħall-kontabilisti u l-awtoritajiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, biex jindikaw problemi potenzjali;
  • programm preventiv li jippermettilhom jirristrutturaw il-finanzi tagħhom biex ma jfallux u biex iżommu l-impjiegi u l-attività kummerċjali tagħhom;
  • il-possibbiltà li jibqgħu totalment jew parzjalment fil-kontroll tal-assi u tal-attività kummerjaċli ta’ kuljum tagħhom waqt ir-ristrutturar;
  • sospensjoni tal-azzjonijiet ta’ infurzar individwali* inizjalment għal massimu ta’ 4 xhur, b’estensjoni possibbli sa perjodu ta’ 12-il xahar, filwaqt li jiġi nnegozjat pjan ta’ ristrutturar.

Pjanijiet ta’ ristrutturar:

  • fihom informazzjoni bażika bħall-identità tad-debitur u l-assi u l-obbligazzjonijiet tagħhom, il-partijiet affettwati u t-termini tal-pjan;
  • jistgħu jiġu sottomessi mid-debituri, mill-kredituri u minn esperti fil-qasam;
  • iridu jiġu kkonfermati minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva biex ikunu vinkolanti jekk huma:
    • jaffettwaw il-pretensjonijiet jew l-interessi ta’ partiijiet affettwati kuntrarji;
    • jipprovdu għal finanzjament ġdid;
    • jinvolvu t-telf ta’ aktar minn 25 % tal-forza tax-xogħol;
  • ma jaffettwawx id-drittijiet individwali u kollettivi tal-ħaddiema, bħad-drittijiet ta’ negozjar kollettiv, azzjoni industrijali, informazzjoni u konsultazzjoni.

Il-pajjiżi tal-UE:

  • jistgħu japplikaw kundizzjonijiet addizzjonali għall-ftehimiet ta’ ristrutturar preventivi, għas-sospensjonijiet ta’ azzjonijiet ta’ infurzar individwali, għall-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ ristrutturar u għall-ħelsien mid-dejn;
  • jeħtiġilhom jiżguraw li l-finanzjament temporanju fl-operazzjonijiet ta’ ristrutturar jiġi protett b’mod adegwat;
  • jagħtu lill-imprendituri falluti mill-anqas proċedura waħda li tippermettilhom jeħilsu mid-dejn tagħhom kollu fi żmien 3 snin;
  • jiżguraw li kwalunkwe skwalifika professjonali li imprenditur insolventi jista’ jkollu tiġi mneħħija kompletament ladarba jeħles mid-dejn tiegħu;
  • jipprovdu taħriġ xieraq għall-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi u għall-prattikanti involuti fir-ristrutturar, fl-insolvenza u fil-ħelsien mid-dejn;
  • jiġbru data kull sena dwar id-diversi proċeduri użati.

Id-Diretturi, meta aktarx ikun hemm insolvenza, jeħtiġilhom:

  • joqogħdu attenti għall-interessi tal-kredituri, tat-titolari ta’ ekwità* u partijiet ikkonċernati oħra;
  • jieħdu passi biex jevitaw l-insolvenza;
  • ma jaġixxux b’mod deliberat jew negliġenti ħafna li jista’ jfixkel il-vijabbiltà tan-negozju.

Id-Direttiva ma tapplikax għal:

Il-Kummissjoni Ewropea, mhux aktar tard mis-17 ta’ Lulju 2026, u kull 5 snin wara dan, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

MINN META TIBDA TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva tibda tapplika fil-pajjiżi tal-UE mis-17 ta’ Lulju 2021, barra mir-regoli dwar il-komunikazzjoni elettronika (Artikolu 28) li jibda japplika mis-17 ta’ Lulju 2024 u s-17 ta’ Lulju 2026.

SFOND

  • Il-Kummissjoni tistma li kull sena madwar 200 000 ditta fl-UE jfallu, li jwassal għal aktar minn 1.7 miljun impjieg mitluf.
  • Ir-regoli l-ġodda jgħinu lin-negozji jirristrutturaw aktar kmieni, irawmu l-innovazzjoni u jistgħu joħolqu 3 miljun impjieg. Ir-riċerka tissuġġerixxi li n-negozji stabbiliti min-negozjanti li jibdew in-negozju tagħhom mill-ġdid jikbru aktar malajr f’termini ta’ fatturat u impjiegi minn dawk stabbiliti minn dawk li se jkunu se jibdew negozju għall-ewwel darba.
  • Ir-regoli l-ġodda jikkumplimentaw ir-Regolament (UE) 2015/848 dwar proċeduri ta’ insolvenza bejn il-fruntieri tal-UE.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Imprenditur: individwu li jipprattika sengħa, negozju, xogħol tal-idejn jew professjoni.
Fallut: persuna, li wara proċedimenti legali, ġiet iddikjarata insolventi.
Ristrutturar: il-bdil tal-kompożizzjoni, tal-kundizzjonijiet jew tal-istruttura tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ debitur.
Insolvenza: stat finanzjarju meta kumpanija jew individwu ma jkunux jistgħu jħallsu d-djun tagħhom fil-ħin.
Sospensjoni ta’ azzjoni ta’ infurzar individwali: sospensjoni temporanja tad-dritt li kreditur jinforza pretensjoni kontra debitur.
Titolar ta’ ekwità: persuna, inkluż azzjonist, b’interess proprjetarju f’debitur jew fin-negozju tiegħu.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza) (ĠU L 172, 26.6.2019, pp. 18-55)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (kodifikazzjoni) (ĠU L 169, 30.6.2017, pp. 46-127)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2017/1132 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU L 141, 5.6.2015, pp. 19-72)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 08.01.2020

Top