Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Pjan pluriennali għal stokkijiet demersali fil-Punent tal-Mediterran

Pjan pluriennali għal stokkijiet demersali fil-Punent tal-Mediterran

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2019/1022 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jintroduċi għall-ewwel darba pjan pluriennali għall-konservazzjoni u għall-isfruttament sostenibbli ta’ stokkijiet demersali* fil-Punent tal-Mediterran, skont il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). L-għanijiet ewlenin tal-pjan huma:

  • li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS, b’mod partikolari billi jiġu applikati approċċi ta’ prekawzjoni u bbażati fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd;
  • li jiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jirrestawra u jżomm popolazzjonijiet ta’ speċijiet maqbuda ’l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY)*;
  • li jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tar-rimi billi jevita u jnaqqas il-qabdiet mhux mixtieqa, u jimplimenta l-obbligu ta’ ħatt l-art* fuq terminu twil.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Ir-regolament japplika għall-istokkijiet li jmexxus-sajd demersali (jiġifieri l-merluzz, it-trilja tal-qawwi, il-gamblu warda tal-ilma fond, il-gamblu blu u aħmar, il-gamblu aħmar kbir u l-iskampu), stokkijiet ta’ qabda aċċessorja* u stokkijiet demersali oħra li għalihom mhijiex disponibbli data suffiċjenti. Japplika wkoll għal sajd kummerċjali u, sa ċertu punt, ta’ rikreazzjoni li jisfruttaw dawk l-istokkijiet fil-Mediterran tal-Punent (jiġifieri l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għas-subżoni tal-Mediterran 1, 2, 5,6, 7, 8, 9, 10, 11).

Miri

Il-miri tal-mortalità mis-sajd huma meded tal-FMSY* li għandhom jintlaħqu sal-2020 fejn possibbli, u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2025, u mbagħad jinżammu fi ħdan dawn il-meded. Dawn il-miri huma stabbiliti abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b’mod partikolari mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF), jew minn korp xjentifiku indipendenti rikonoxxut simili.

Punti ta’ referenza ta’ konservazzjoni u miżuri ta’ salvagwardja

Il-punti ta’ referenza ta’ konservazzjoni huma punti ta’ riferiment użati biex l-istatus tal-istokk jitqabbel mal-istat mixtieq, li jgħinu biex jiddeterminaw is-suċċess tas-sajd

  • fejn il-parir xjentifiku juri li l-bijomassa ta’ stokk riproduttiv* ta’ kwalunkwe stokk ikkonċernat ikun taħt il-punt ta’ referenza prekawzjonarju, espress bħala bijomassa ta’ stokk riproduttiv (BPA), għandhom jittieħdu l-miżuri ta’ rimedju kollha xierqa biex jiġi żgurat ir-ritorn rapidu ta’ stokkijiet għal livelli ’l fuq minn dawk li kapaċi jipproduċu MSY.
  • fejn il-bijomassa ta’ stokk riproduttiv hija taħt il-punt ta’ referenza tal-limitu, espress bħala bijomassa ta’ stokk riproduttiv (BLIM), għandhom jittieħdu miżuri ta’ rimedju ulterjuri, inklużi s-sospensjoni tas-sajd immirat għall-istokkijiet ikkonċernati u t-tnaqqis tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli skont in-natura, is-serjetà, it-tul ta’ żmien u r-ripetizzjoni tas-sitwazzjoni.

Reġim tal-isforz tas-sajd

Ir-regolament jintroduċi reġim tal-isforz tas-sajd fil-livell tal-UE għax-xbieki tat-tkarkir kollha li jisfruttaw l-istokkijiet demersali fil-Punent tal-Mediterran. Kull sena, il-Kunsill jistabbilixxi sforz tas-sajd massimu permissibbli (numru ta’ jiem tas-sajd) għal kull grupp tal-isforz tas-sajd ġestit minn kull pajjiż tal-UE. Il-pjan jipprevedi tnaqqis ta’ 10% għall-2020 u tnaqqis sa 30% bejn it-tieni u l-ħames sena. Il-Kunsill jista’ wkoll jistabbilixxi limiti għas-sajd rikreattiv. Id-data dwar l-isforz tas-sajd se tinqasam mal-Kummissjoni Ewropea.

Żoni ta’ għeluq

  • L-użu tax-xbieki tat-tkarkir huwa pprojbit f’distanza ta’ 6 mili nawtiċi mill-kosta, ħlief f’żoni aktar fondi minn 100 metru, għal 3 xhur kull sena abbażi ta’ pariri xjentifiċi, iż-żmien għandu jiġi ddeterminat minn kull pajjiż tal-UE u japplika matul l-aktar perjodu rilevanti.
  • Fuq parir espert, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jistabbilixxu żoni ta’ għeluq oħra, sakemm jinkiseb tnaqqis ta’ mill-inqas 20% tal-qabdiet ta’ merluzz żgħir f’kull subżona ġeografika.
  • Sas-17 ta’ Lulju 2021, għandhom jiġu stabbiliti żoni ta’ għeluq oħra fejn hemm evidenza ta’ konċentrazzjoni għolja ta’ ħut żgħir, taħt id-daqs minimu ta’ referenza ta’ konservazzjoni, u ta’ żoni ta’ riproduzzjoni ta’ stokkijiet demersali, b’mod partikolari għall-istokkijiet ikkonċernati.

Obbligu ta’ ħatt l-art

Ir-regolament jipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni fit-tul tal-obbligu ta’ ħatt l-art. B’mod partikolari, jintroduċi d-dispożizzjonijiet ta’ reġjonalizzazzjoni kif meħtieġ biex jiġu estiżi u jew/emendati l-eżenzjonijiet għal speċijiet b’rati murija ta’ sopravvivenza għolja u l-eżenzjonijiet de minimis*.

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

Ir-regolament jipprovdi appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (EMFF) għal miżuri ta’ waqfien temporanji u permanenti ta’ attivitajiet tas-sajd għax-xbieki tat-tkarkir soġġetti għall-pjan.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-regolament ilu japplika mis-16 ta’ Lulju 2019. Ir-reġim tal-isforz tas-sajd japplika mill-1 ta’ Jannar 2020. Il-miri u l-miżura ta’ salvagwardja għall-punt ta’ referenza prekawzjonarju (BPA) japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2025.

SFOND

Ara wkoll:

TERMINI EWLENIN

Demersali: speċijiet ta’ ħut li jgħixu f’qiegħ il-baħar jew viċin.
Rendiment massimu sostenibbli (MSY): valutazzjoni tan-numru massimu ta’ ħut li popolazzjoni tista’ tipproduċi f’sena partikolari.
Obbligu ta’ ħatt l-art: jeħtieġ li l-qabdiet kollha ta’ speċijiet kummerċjali regolati abbord jinħattu l-art u magħduda skont il-kwota.
Qabda aċċessorja: ħut u speċijiet tal-baħar mhux mixtieqa li jinqabdu bla intenzjoni.
FMSY: punt ta’ referenza bijoloġiku għall-ġestjoni tas-sajd. Hija l-pressjoni tas-sajd li tagħti r-rendiment massimu sostenibbli fit-tul.
Bijomassa ta’ stokk riproduttiv: il-piż totali tal-ħut sesswalment matur kollu fl-istokk.
Eżenzjoni de minimis: eżenzjoni li tippermetti li perċentwal żgħir mill-qabdiet totali ta’ ċerti speċijiet tiġi mormija minħabba li huwa diffiċli li wieħed jevita kompletament qabdiet mhux mixtieqa.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1-17)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 2019/1022 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, pp. 22-61)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) Nru 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105-201)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1-50)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1-66)

Konferenza ministerjali dwar is-sostenibbiltà tas-sajd Mediterran, it-30 ta’ Marzu 2017 (Dikjarazzjoni ta’ Malta MedFish4Ever).

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran, u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11-85). Test ippubblikat mill-ġdid fir-rettifika (ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6-30)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19-40)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 18.09.2019

Top