Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Għajnuna mill-Istat għal implimentazzjoni rapida tal-broadband

Għajnuna mill-Istat għal implimentazzjoni rapida tal-broadband

 

SOMMARJU TA’:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

  • Dawn il-linji gwida jiġbru fil-qosor il-prinċipju tal-politika tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-miżuri li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tan-netwerks tal-broadband.
  • L-għan tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-broadband huwa li jiżgura li l-interventi pubbliċi jirriżultaw f’livell ogħla jew f’rata aktar mgħaġġla ta’ kopertura u ta’ penetrazzjoni* tal-broadband milli jkun il-każ mingħajr il-finanzjament pubbliku, filwaqt li jappoġġja livell ogħla ta’ kwalità, servizzi aktar affordabbli u investimenti favur il-kompetizzjoni.
  • Il-linji gwida huma bbażati fuq il-prinċipju li l-interventi pubbliċi fin-netwerks tal-broadband għandhom isiru biss meta l-investimenti privati ma jkunux biżżejjed - għalhekk f’żoni fejn ikun hemm fallimenti tas-suq (jiġifieri fejn wieħed ma jistax jibbaża fuq is-suq/settur privat biex jinvesti biżżejjed). Dan għandu l-għan li jevita li l-finanzjament pubbliku jdgħajjef l-investimenti privati f’żoni fejn l-operaturi tas-suq normalment jagħżlu li jinvestu jew ikunu diġà investew u għalhekk li jipproteġi l-kompetizzjoni bħala xprunatur ewlieni għal prezzijiet u kwalità tas-servizzi aħjar għall-konsumaturi u għan-negozji.
  • Il-linji gwida jsegwu l-prinċipji tal-inizjattiva tal-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat (SAM) tal-Kummissjoni Ewropea, li għandha l-għan li tiffaċilita għajnuna mfassla sew li tkun immirata lejn il-fallimenti tas-suq biex jintlaħqu l-prijoritajiet li jistgħu jsaħħu t-tkabbir, filwaqt li jissimplifikaw ir-regoli għal teħid ta’ deċiżjonijiet aktar rapidu.

PUNTI EWLENIN

Konsultazzjoni

Il-linji gwida tal-2013 kienu prodotti wara konsultazzjoni pubblika f’żewġ stadji u wara djalogu intensiv mal-partijiet ikkonċernati kollha (pajjiżi tal-UE, regolaturi tat-telekomunikazzjoni nazzjonali, awtoritajiet li jagħtu l-għajnuna, operaturi tat-telekomunikazzjonijiet, assoċjazzjonijiet kummerċjali, assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u ċittadini), bil-għan li jitfasslu l-interventi pubbliċi fi swieq tat-teknoloġija li mexjin b’pass mgħaġġel u jiffaċilitaw l-investiment pubbliċi favur il-kompetizzjoni.

Kuntest

  • Broadband aħjar u aktar veloċi huwa ta’ importanza strateġika għat-tkabbir u l-innovazzjoni fuq livell Ewropew fis-setturi kollha tal-ekonomija, kif ukoll għall-koeżjoni soċjali u territorjali. L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (DAE), inizjattiva ewlenija tal-Istrateġija Ewropa 2020, tistabbilixxi bħala objettivi għall-iżvilupp tal-infrastruttura tal-broadband, li twassal broadband bażiku għall-Ewropej kollha sal-2013 u tiżgura li, sal-2020, l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għal internet b’veloċità ta’ tniżżil ta’ aktar minn 30 Mbps, b’tal-inqas 50 % tal-unitajiet domestiċi Ewropej ikollhom konnessjonijiet tal-internet bi tniżżil ta’ aktar minn 100 Mbps.
  • Fl-2016, id-DAE ġiet ikkomplementata mill-Komunikazzjoni dwar il-Gigabit, li tiddefinixxi bħal objettivi strateġiċi għall-2025 kopertura sħiħa tal-unitajiet domestiċi kollha b’veloċitajiet ta’ tniżżil ta’ mill-inqas 100 Mbps, li jistgħu jiżdiedu għal 1 Gbps, 1 Gbps simetriċi għall-ixprunaturi soċjoekonomiċi ewlenin kollha, u kopertura 5G mingħajr interruzzjoni għaż-żoni urbani kollha u l-mogħdijiet ewlenin kollha tat-trasport terrestri.

Għajnuna mill-Istat

  • Is-settur tal-broadband huwa dinamiku ħafna u jiġġenera investiment privat sinifikanti. Sabiex jiġi evitat li l-intervent pubbliku jgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq tal-broadband, l-għajnuna mill-Istat mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jew mill-entitajiet pubbliċi hija fi prinċipju pprojbita. Madankollu, f’żoni fejn is-suq ma jipprovdix l-investiment meħtieġ fl-infrastruttura, l-għajnuna mill-Istat tista’ tkun permessa jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.
  • Biex tiġi evitata l-esklużjoni tal-investimenti privati, l-għajnuna mill-Istat għandha tiżgura li l-investiment pubbliku jkun qed jikkoreġi falliment tas-suq. Għalhekk, l-investiment pubbliku għandu jsir biss meta s-suq ma jkunx qed jipprovdi l-konnettività mixtieqa u jekk in-netwerk iffinanzjat pubblikament joffri konnettività li tmur ferm lil hinn mill-offerta kummerċjali. Il-linji gwida jinkludu diskussjoni ddettaljata tar-regoli li għandhom jiġu osservati.

Prinċipji u prijoritajiet

Il-linji gwida jiffokaw fuq il-prinċipji u l-prijoritajiet li ġejjin:

  • Immappjar u konsultazzjoni pubblika: biex jiġi żgurat li l-interventi tal-għajnuna mill-Istat jindirizzaw b’mod proporzjonat il-fallimenti tas-suq identifikati, l-immappjar u l-konsultazzjonijiet pubbliċi huma obbligatorji. L-infrastruttura tal-broadband eżistenti f’żoni ġeografiċi mmirati mill-intervent pubbliku trid tkun identifikata b’mod ċar biex jiġu individwati ż-żoni li ma għandhomx infrastruttura tal-broadband adegwata. Is-sommarju tal-intervent pubbliku ppjanat u l-oqsma fil-mira identifikati abbażi tal-eżerċizzju tal-immappjar għandhom jitressqu għal konsultazzjoni pubblika biex jiġu vverifikati l-pjanijiet ta’ investiment privat fiż-żoni fil-mira.
  • Proċess tal-għażla kompetittiv: biex tiġi żgurata t-trasparenza, trattament ugwali u mhux diskriminatorju, kif ukoll biex tiġi mminimizzata l-għajnuna potenzjali mill-Istat involuta, l-għajnuna trid tingħata lill-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġjuża permezz ta’ proċess tal-għażla miftuħ f’konformità mal-ispirtu u mal-prinċipji tad-direttivi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku.
  • Newtralità teknoloġika: il-linji gwida jqisu l-avvanzi teknoloġiċi, filwaqt li jirrikonoxxu s-soluzzjonijiet teknoloġiċi differenti li jeżistu biex jiġu pprovduti servizzi tal-broadband. Għalhekk, il-proċeduri tal-għażla ma jistgħu jiffavorixxu jew jeskludu l-ebda teknoloġija jew pjattaforma ta’ netwerk partikolari li tista’ tappoġġja t-twassil tas-servizzi li jkunu fil-mira.
  • In-nertwerks li jistgħu jappoġġjaw veloċitajiet ta’ tniżżil ta’ mill-inqas 100 Mbps: biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi tal-UE, il-linji gwida jippermettu finanzjament pubbliku anki f’żoni fejn m’hemm l-ebda investiment privat attwali jew ippjanat, bil-kundizzjoni li dan l-investiment privat ma jilħaqx l-objettivi tal-UE. Dan l-intervent pubbliku huwa soġġett għal kundizzjonijiet stretti biex jiġi żgurat eżitu favur il-kompetizzjoni.
  • Bidla fil-pass: biex jiġu protetti l-investiment privati, l-investiment pubbliku jrid jissodisfa l-hekk imsejħa bidla fil-pass: dan irid jagħmel investimenti ġodda sinifikanti fin-netwerk tal-broadband u l-infrastruttura ffinanzjata pubblikament trid tipprovdi titjib sostanzjali fuq in-netwerks altrimenti eżistenti u ppjanati f’termini ta’ disponibbiltà tas-servizz tal-broadband, kapaċità, veloċitajiet u kompetizzjoni, għall-benefiċċju tal-konsumaturi.
  • Aċċess miftuħ: l-operaturi terzi* jridu jitħallew jaċċessaw b’mod effettiv in-netwerk sussidjat. L-aċċess bl-ingrossa miftuħ jippermetti lill-operaturi terzi jikkompetu mal-offerent magħżul (meta dan tal-aħħar ikun preżenti wkoll fil-livell tal-bejgħ bl-imnut) u b’hekk isaħħaħ l-għażla u l-kompetizzjoni filwaqt li fl-istess ħin jevita l-ħolqien ta’ monopolji. Meta netwerk jiġi implimentat permezz ta’ flus il-kontribwenti, huwa xierqa li l-konsumaturi jibbenefikaw minn netwerk tassew miftuħ fejn tkun assigurata l-kompetizzjoni.
  • Trasparenza: ir-rekwiżiti ta’ trasparenza jinkludu obbligi dwar il-pubblikazzjoni ta’ dokumenti, bażi tad-data ċentralizzata għall-infrastruttura eżistenti u rappurtar (“ex post”) ibbażat fuq ir-riżultati lill-Kummissjoni. L-għan tar-rekwiżiti ta’ trasparenza huwa li jippromwovu r-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu appoġġ pubbliku u li jnaqqsu l-asimetriji fis-suq.

Il-Kummissjoni tista’ terġa’ teżamina l-linji gwida fuq il-bażi tal-iżviluppi teknoloġiċi, regolatorji u tas-suq.

MINN META JAPPLIKAW IL-LINJI GWIDA?

Dawn ilhom japplikaw mis-27 ta’ Jannar 2013.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Penetrazzjoni: is-sehem tas-suq jew il-bidu ta’ servizz jew prodott ġdid.
Operatur terz: operatur li juża netwerk li ma jkunx proprjetarju tiegħu.

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband (ĠU L 25, 26.1.2013, pp. 1-26)

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni dwar il-kompetizzjoni, it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli dwar il-kompetizzjoni — Taqsima 2 — Għajnuniet mogħtija mill-Istati — Artikolu 107 (ex Artikolu 87 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 91-92)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2010) 245 final/2, 26.8.2010)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv — Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits COM(2016) 587 final, 14.9.2016)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li temenda l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband, dwar linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020, dwar għajnuna mill-Istat għal films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra, dwar il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta’ investimenti u finanzjament ta’ riskju u dwar il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU L 198, 27.6.2014, pp. 30-34)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, pp. 1-78)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 651/2014 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Lista tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-broadband

l-aħħar aġġornament 20.09.2019

Top