Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Għajnuna mill-Istat — applikazzjoni tar-regoli għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI)

Għajnuna mill-Istat — applikazzjoni tar-regoli għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI)

 

SOMMARJU TA’:

Il-Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali

Id-Deċiżjoni 2012/21/UE dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali

Il-Komunikazzjoni dwar il-qafas tal-UE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAL-KOMUNIKAZZJONIJIET?

  • Il-komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat tiċċara l-kunċetti ewlenin relatati mal-għajnuna mill-Istat għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (servizzi pubbliċi).
  • Id-deċiżjoni tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li bihom il-kumpens għas-servizzi pubbliċi huwa kompatibbli mas-suq intern u m’għandux bżonn jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea.
  • Il-komunikazzjoni dwar il-qafas għall-għajnuna mill-Istat tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-valutazzjoni ta’ ammonti kbar ta’ kumpens li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni. Dawk il-każijiet għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli jekk jissodisfaw ċerti kriteriji.

PUNTI EWLENIN

Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI)

Is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali huma attivitajiet ekonomiċi, bħal netwerks tat-trasport u servizzi soċjali u tal-posta, meqjusa mill-awtoritajiet pubbliċi bħala partikolarment importanti għaċ-ċittadini, u li ma jkunux ipprovduti (jew ikunu pprovduti b’kundizzjonijiet differenti) jekk ma jkunx hemm intervent pubbliku.

Kumpens għal SGEI

Skont is-sentenza Altmark tal-2003 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), il-kumpens għas-servizzi pubbliċi ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat meta jiġu ssodisfati 4 kundizzjonijiet kumulattivi:

  • il-fornitur ta’ servizz riċevitur għandu jkollu obbligi tas-servizz pubbliku ddefiniti b’mod ċar;
  • il-metodu għall-kalkolu tal-kumpens għandu jkun oġġettiv, trasparenti u stabbilit minn qabel;
  • il-kumpens m’għandux jaqbeż l-ispejjeż rilevanti u profitt raġonevoli, jiġifieri l-ebda kumpens żejjed; u
  • il-fornitur għandu jew jintgħażel permezz ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku jew il-livell ta’ kumpens għandu jiġi kkalkolat abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż ta’ negozju medju “mmexxi sew” fis-settur ikkonċernat.

Jekk kundizzjoni waħda jew aktar minn dawn ma jiġux ssodisfati, il-kumpens għas-servizzi pubbliċi se jiġi eżaminat skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Riforma tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-SGEI

Pakkett tas-SGEI ta’ 4 dokumenti għandu l-għan li jiċċara u jissimplifika r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-SGEI.

Il-Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat

  • tispjega żewġ tipi ta’ kunċetti: kunċetti ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat u kunċetti speċifiċi għall-SGEI;
  • tiċċara l-kundizzjonijiet li bihom il-kumpens għas-servizzi pubbliċi ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat minħabba n-nuqqas ta’ kwalunkwe vantaġġ;
  • tistabbilixxi r-rekwiżiti differenti għall-operazzjoni ta’ SGEI
    • l-att ta’ inkarigu, assenjament tas-servizzi pubbliċi li jiddefinixxi l-obbligi tal-fornitur(i) tas-servizz u tal-awtorità pubblika
    • il-metodu għall-kalkolu tal-kumpens, li għandu jiġi stabbilit minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti. Mhija meħtieġa l-ebda formula speċifika, iżda l-mod ta’ kif se jiġi kkalkolat il-kumpens għandu jkun ċar mill-bidu nett
    • l-evitar ta’ kumpens żejjed — il-livell ta’ kumpens m’għandux jaqbeż dak li huwa meħtieġ biex jiġu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom u profitt raġonevoli u
    • l-għażla tal-fornitur u l-kalkolu tal-kumpens, jew skont proċedura xierqa ta’ sejħa għall-offerti jew permezz ta’ eżerċizzju ta’ valutazzjoni komparattiva.

Id-deċiżoni u l-qafas imsemmija hawn taħt jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li bihom miżura ta’ għajnuna mill-Istat titqies jew tista’ tinstab li hija kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 106(2).

Id-Deċiżjoni 2012/21/UE

  • Id-deċiżjoni tippermetti nfiq bla limitu fil-qasam tas-servizzi soċjali:
    • alloġġ soċjali u sptarijiet;
    • servizzi li jissodisfaw ħtiġijiet soċjali fir-rigward tal-kura tas-saħħa u fit-tul;
    • indukrar tat-tfal;
    • aċċess għas-suq tax-xogħol u r-riintegrazzjoni fih; u
    • il-kura u l-inklużjoni soċjali ta’ gruppi vulnerabbli.
  • Għall-attivitajiet l-oħra kollha tal-SGEI, il-limitu tal-kumpens huwa ta’ EUR 15-il miljun fis-sena. Kwalunkwe finanzjament li jingħata ’l fuq minn dan il-limitu għandu jkun innotifikat lill-Kummissjoni skont il-qafas tal-SGEI.
  • Il-perjodu ta’ inkarigu b’fornitur tal-SGEI ma jaqbiżx l-10 snin.
  • Fil-qasam tat-trasport, kumpens jista’ jingħata:
    • għal konnessjonijiet bl-ajru u bil-baħar lejn gżejjer fejn it-traffiku medju annwali ma jaqbiżx it-300 000 passiġġier;
    • għal portijiet fejn it-traffiku medju annwali ma jaqbiżx it-300 000 passiġġier; u
    • għal ajruporti fejn it-traffiku medju annwali ma jaqbiżx il-200 000 passiġġier.

Qafas tal-UE

Il-qafas:

  • jagħti metodoloġija aktar preċiża għall-kalkolu tal-ammont ta’ kumpens permissibbli;
  • jirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jintroduċu inċentivi ta’ effiċjenza biex il-fornitur tas-servizz jiġi mħeġġeġ jagħmel dan bl-aktar mod effiċjenti;
  • isaħħaħ ir-rekwiżiti tat-trasparenza;
  • jintroduċi r-rekwiżit għall-SGEI biex jikkonforma mar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku;
  • jintroduċi rekwiżit ta’ “ebda diskriminazzjoni” — meta jkun hemm diversi organizzazzjonijiet jipprovdu SGEI, il-kumpens għandu jiġi kkalkolat bl-istess mod biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni.

Rapportar

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni kull sentejn dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni u dwar il-konformità mal-qafas.

Trasparenza

Kull sena, il-pajjiżi tal-UE għandhom jippubblikaw dettalji dwar il-finanzjament ta’ SGEI fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni (għal kumpens ’il fuq minn EUR 15-il miljun li jingħata lil impriża li għandha wkoll attivitajiet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-SGEI) jew tal-qafas:

Linji gwida

Il-Kummissjoni ħejjiet linji gwida dwar l-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal SGEIs.

MINN META BDIET TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mill-31 ta’ Jannar 2012.

SFOND

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU C 8, 11.1.2012, pp. 4-14)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 7, 11.1.2012, pp. 3-10)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011) (ĠU C 8, 11.1.2012, pp. 15-22)

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti Tlieta — Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni fuq is-suq, fuq it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli dwar il-kompetizzjoni — Taqsima 1 — Regoli li japplikaw għal impriżi — Artikolu 106 (ex Artikolu 86 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 90-91)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Gwida għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mil-Istat, l-akkwist pubbliku u s-suq intern għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u b’mod partikolari s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali (SWD(2013) 53 final/2, 29.4.2013)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 114, 26.4.2012, pp. 8-13)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 360/2012 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 09.09.2019

Top