Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli

Għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi r-regoli tal-UE dwar l-iffissar ta’ prezzijiet, imposti, għajnuna, rifużjonijiet u kwoti għal diversi prodotti agrikoli.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament huwa bbażat fuq l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jfisser li huwa regolament adottat mill-Kunsill. [Il-qarrejja għandhom jinnutaw li dan imur kontra l-miżuri skont l-Artikolu 43(2) tat-TFUE li huma adottati permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (ara s-Sentenza tal-Qorti tas-7 ta’ Settembru 2016, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Kawża C-113/14).]

Il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet għal:

  • limiti ta’ referenza* għaċ-ċereali, ir-ross, iz-zokkor, il-laħam taċ-ċanga u l-vitella, il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib bħall-butir, il-laħam tal-majjal u ż-żejt taż-żebbuġa;
  • prezzijiet b’intervent pubbliku* għall-qamħ, il-qamħ durum, ix-xgħir, il-qamħirrum, ir-ross, it-trab tal-ħalib xkumat, il-butir, il-laħam taċ-ċanga u l-vitella;
  • limiti fuq il-qamħ (3 miljun tunnellata), il-butir (50 000 tunnellata) u t-trab tal-ħalib xkumat (109 000 tunnellata) li l-UE tista’ tixtri u tneħħi mis-suq għal ċertu perjodu ta’ żmien;
  • għajnuna għall-ħżin privat għal prodotti li jvarjaw minn zokkor u żejt taż-żebbuġa sa ġobon u laħam taċ-ċanga;
  • finanzjament tal-UE għal frott, ħaxix u ħalib issussidjati għall-iskejjel;
  • imposti, rifużjonijiet u kwoti fuq il-produzzjoni taz-zokkor sat-30 ta’ Settembru 2017.

Il-Kummissjoni Ewropea tuża atti ta’ implimentazzjoni biex:

  • tirrevedi u taġġusta l-limiti ta’ referenza fid-dawl tal-kostijiet tal-produzzjoni u x-xejriet tas-suq;
  • iżżid jew tnaqqas il-prezzijiet b’intervent pubbliku;
  • torganizza proċeduri tal-offerti għal intervent pubbliku u għajnuniet għall-ħżin;
  • tistabbilixxi l-livell massimu tal-għajnuna tal-UE għall-frott, il-ħaxix u l-ħalib tal-iskejjel u tivvaluta dawn kull 3 snin;
  • tistabbilixxi l-livell tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

Il-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli jgħin lill-Kummissjoni biex timplimenta l-leġiżlazzjoni.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

SFOND

L-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq hija sett ta’ regoli li jirregola s-suq għall-prodotti agrikoli fl-UE. Din għandha l-għan li tipprovdi xibka ta’ sikurezza għall-bdiewa billi talloka appoġġ speċifiku għas-settur.

TERMINI EWLENIN

Limiti ta’ referenza: livell ta’ prezz stabbilit legalment li abbażi tiegħu jiġu mqabbla l-prezzijiet attwali tas-suq biex jiġi ddeterminat jekk għandhiex tingħata għajnuna tal-UE.
Prezz b’intervent: il-prezz stabbilit mill-UE biex il-bdiewa jitħallsu għall-prodotti tagħhom irrispettivament mil-livell tal-prezzijiet tas-suq.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta’ Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (ĠU L 346, 20.12.2013, pp. 12-19)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1370/2013 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u jħassar r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 u (KE) Nru 614/2009 (ĠU L 150, 20.5.2014, pp. 1-58)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 671-854)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 320-469)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 21.03.2019

Top