Ir-regoli tal-UE dwar it-twaqqif ta’ katalogu komuni ta’ pjanti u speċijiet agrikoli
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva 2002/53/KE dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
Din tistabbilixxi r-regoli għall-inklużjoni ta’ pjanti u speċijiet agrikoli fil-katalgi komuni fl-UE.
PUNTI EWLENIN
Katalgu komuni
-
Il-katalgi komuni ta’ varjetajiet ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli u ħxejjex jelenkaw il-varjetajiet li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fl-UE.
-
Il-varjetà trid tkun irreġistrata fil-katalgu biex iż-żerriegħa tagħha tkun iċċertifikata u kummerċjalizzata.
-
Il-katalgi huma bbażati fuq ir-reġistrazzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti fil-katalgi nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE wara li jkunu eżaminawhom b’mod tekniku u jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea.
-
Il-katalgi jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU). Il-Kummissjoni tippubblika fil-ĠU l-varjetajiet il-ġodda miżjuda mal-katalgu komuni abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-pajjiżi tal-UE.
Skop
Id-Direttiva tapplika għaż-żerriegħa tal-pjanti li ġejjin li jistgħu jitqiegħdu fis-suq skont ir-regoli ta’ direttivi speċifiċi tal-UE:
-
pitrava;
-
pjanti tal-għalf;
-
ċereali;
-
patata;
-
u pjanti taż-żejt u tal-fibra.
Ma tapplikax għal żrieragħ jew materjal ta’ propagazzjoni li jintwera li huma maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE.
Obbligi fuq il-pajjiżi tal-UE
Id-Direttiva tqiegħed għadd ta’ obbligi fuq il-pajjiżi tal-UE fosthom:
-
li jistabbilixxu katalgu wieħed jew aktar tal-varjetajiet uffiċjalment aċċettati għaċ-ċertifikazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju tagħhom;
-
li jiżguraw li varjetà tkun aċċettata biss jekk tkun distinta, stabbli u uniformi biżżejjed. Għandha tkun ta’ valur sodisfaċenti għall-kultivazzjoni u l-użu;
-
li jaċċettaw varjetajiet ibbażati fuq ir-riżultati ta’ eżamijiet uffiċjali, b’mod partikolari provi li jkunu qed jikbru, li jkopru numru suffiċjenti ta’ karatteristiċi għall-varjetà li għandha tiġi deskritta. Il-metodi użati għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi jridu jkunu eżatti u affidabbli;
-
li jagħmlu arranġamenti għall-pubblikazzjoni uffiċjali tal-katalgu tal-varjetajiet aċċettati fit-territorju tiegħu u tal-isem tal-persuna jew persuni responsabbli għaż-żamma tal-varjetà fil-pajjiż tiegħu;
-
li jiżguraw, kemm jista’ jkun, li fil-mument tal-aċċettazzjoni l-varjetà tkun magħrufa bl-istess isem fil-pajjiżi kollha tal-UE;
-
li jikkompilaw fajl dwar kull varjetà aċċettata, li jkun fih deskrizzjoni tal-varjetà u sommarju ċar tal-fatti kollha li fuqhom kienet ibbażata l-aċċettazzjoni;
-
li jiżguraw li l-varjetajiet ġenetikament modifikati li jkunu ġew aċċettati jkunu indikati b’mod ċar bħala tali fil-katalgu tal-varjetajiet;
-
għal kull varjetà ġdida aċċettata, tintbagħat deskrizzjoni qasira tal-karatteristiċi l-aktar importanti tagħha għall-użu lill-pajjiżi l-oħra tal-UE u lill-Kummissjoni;
-
li jiżguraw li ż-żamma tal-varjetà tkun tista’ tiġi vverifikata permezz tar-reġistri miżmuma mill-persuna jew persuni responsabbli għall-varjetà. Il-kampjuni jistgħu jintalbu minn persuna jew persuni responsabbli jew jittieħdu uffiċjalment.
Validità
-
L-aċċettazzjoni hija valida għal għaxar (10) snin kalendarji wara l-għoti tal-validità u tista’ tiġġedded.
-
Jekk l-aċċettazzjoni tiġi revokata jew il-validità tintemm, il-pajjiżi tal-UE għandhom ineħħu l-varjetà mill-katalgi tagħhom.
MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Din ilha tapplika mid-9 ta’ Awwissu 2002.
SFOND
DOKUMENT EWLIENI
Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (ĠU L 193, 20.7.2002, pp. 1-11)
L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2002/53/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (ĠU L 327, 11.12.2015, pp. 1-22)
l-aħħar aġġornament 19.08.2020
Top