Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-isfruttament sostenibbli tal-ħut fil-Mediterran

L-isfruttament sostenibbli tal-ħut fil-Mediterran

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan għandu l-għan li japplika approċċ prekawzjonarju għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin (ħut u frott tal-baħar) u l-ekosistemi tal-baħar u li jipprevedi l-isfruttament sostenibbli tagħhom.

PUNTI EWLENIN

Il-karatteristiċi bijoloġiċi, soċjali u ekonomiċi tas-sajd fil-Mediterran ifissru li l-UE għandha tistabbilixxi qafas speċifiku għall-ġestjoni tas-sajd. Dan ikopri s-sajd li jsir minn bastimenti tal-UE kemm fl-ilmijiet tal-UE kif ukoll f’ilmijiet internazzjonali, minn bastimenti mhux tal-UE f’żoni tas-sajd tal-UE jew sajd li jsir minn ċittadini tal-UE fil-Baħar Mediterran.

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tinkludi prinċipji u regoli relatati mal-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-ibħra internazzjonali*, filwaqt li l-Konvenzjoni ta’ Barċellona hija protokoll dwar żoni protetti b’mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran.

Il-protezzjoni tal-ħabitats

Biex jiġu protetti l-ħabitats (inklużi s-siti kollha ta’ Natura 2000), b’xi eċċezzjonijiet għal bastimenti iżgħar, dawn li ġejjin huma pprojbiti fil-biċċa l-kbira tal-każijiet:

  • xbieki tat-tkarkir*, gangmi*, tartaruni tal-borża*, tartaruni tad-dgħajjes*, tartaruni tax-xatt* jew xbieki simili ’l fuq mill-qigħan tal-algi;
  • xbieki tat-tkarkir, gangmi, tartaruni tax-xatt jew xbieki simili ’l fuq mill-ħabitats tal-qroll u l-qigħan tal-mäerl (alka korallina li ma tikbirx imwaħħla fuq qiegħ il-baħar).

Żoni protetti

Ir-regolament jipproteġi ż-żoni kostali mis-sajd, b’livelli differenti ta’ restrizzjonijiet skont it-tip ta’ rkaptu, billi jipprojbixxi jew jillimita l-attivitajiet tas-sajd skont il-linji li ġejjin:

  • irkaptu rmunkat* huwa ġeneralment ipprojbit sa 3 mili nawtiċi mill-kosta;
  • il-gangmi huma awtorizzati sa 3 mili nawtiċi irrispettivament mill-fond sakemm il-qabda tal-ispeċijiet għajr il-frott tal-baħar ma tkunx aktar minn 10 % tat-total;
  • ix-xbieki tat-tkarkir huma pprojbiti sa 1.5 mili nawtiċi mill-kosta;
  • il-gangmi tad-dgħajjes u l-gangmi idrawliċi huma pprojbiti sa 0.3 mili nawtiċi mill-kosta;
  • it-tartaruni tal-borża huma pprojbiti sa 300 metru mill-kosta;
  • l-użu ta’ gangmi għal sajd għall-isponoż huwa pprojbit sa 0.5 mili nawtiċi mill-kosta;
  • xbieki rmunkati, xbieki tat-tidwir, tartaruni tal-borża, gangmi tad-dgħajjes, gangmi mekkanizzati, xbieki tal-garġi*, pariti* u xbieki tal-qiegħ ikkombinati huma pprojbiti għas-sajd rikreattiv, kif ukoll l-użu ta’ konzijiet għall-ispeċijiet li jpassu ħafna.

Ġestjoni tas-sajd

Il-pajjiżi tal-UE kkonċernati għandhom jadottaw pjanijiet għal sajd speċifiku fil-Mediterran, inklużi:

  • miżuri ta’ ġestjoni tal-isforz tas-sajd;
  • miżuri tekniċi speċifiċi, inklużi eżenzjonijiet temporanji;
  • sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti;
  • restrizzjonijiet temporanji jew permanenti għal żoni riżervati għal ċerti rkapti jew bastimenti;
  • ħruġ ta’ permessi speċjali tas-sajd.

Miżuri ta’ kontroll

Ir-regolament jinkludi miżuri ta’ kontroll għal dawn li ġejjin:

  • il-qbid tal-ispeċijiet fil-mira;
  • trasbord*;
  • portijiet deżinjati.
  • monitoraġġ tal-qbid;
  • żona ta’ ġestjoni ta’ 25 mil nawtiku madwar Malta.

Ir-Regolament jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mid-29 ta’ Jannar 2007.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ibħra internazzjonali: l-oċean miftuħ, mhux parti miż-żona ekonomika esklussiva, il-baħar territorjali jew l-ilmijiet interni ta’ kwalunkwe Stat (Sors: Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-1982).
Xbieki tat-tkarkir: Xbieki li huma rmunkati b’mod attiv mill-magna ewlenija tad-dgħajjes u li jikkonsistu f’korp għamla ta’ kon jew piramida magħluqa fil-parti ta’ wara, li jista’ jestendi mill-parti miftuħa permezz tal-ġwienaħ jew jista’ jiġi mmuntat fuq frejm riġidu. Tali xbieki jistgħu jiġu rmunkati jew fuq il-qiegħ tal-baħar (xibka tat-tkarkir tal-qiegħ) jew taħt wiċċ l-ilma (xibka tat-tkarkir pelaġika).
Gangmi: irkaptu li jew jiġi rmunkat b’mod attiv mill-magna ewlenija tad-dgħajjes (gangmu tad-dgħajjes) jew li jiġi rmunkat minn winċ motorizzat minn bastiment ankrat (gangmu mekkanizzat) għall-qbid ta’ bivalvi, gasteropadi jew sponoż u li jikkonsisti f’borża netta jew basket tal-metall immuntat fuq qafas riġidu jew virga ta’ daqs u forma varjabbli li l-parti t’isfel tagħhom tista’ ġġorr xafra barraxa, u tista’ tkun mgħammra bi skarpi u twavel tal-għadds.
Tartaruni tal-borża: kwalunkwe xibka tat-tidwir li l-parti ta’ taħt tagħha tingħaqad permezz ta’ ħabel tal-borża li jkun fil-qiegħ nett tax-xibka, li li jgħaddi minn serje ta’ anelli mqabbda mal-ħabel ta’ taħt, li jippermetti x-xibka tinġabar f’borża u tingħalaq. It-tartaruni tal-borża jistgħu jintużaw biex jinqabdu speċijiet pelaġiċi żgħar, speċijiet pelaġiċi kbar jew speċijiet tal-qiegħ.
Tartaruni tad-dgħajjes: xbieki tat-tidwir u tartaruni rmunkati li jitħaddmu u jitkarkru permezz ta’ ħbula u winċijiet minn dgħajsa miexja jew ankrata u mhux irmunkata permezz tal-magna ewlenija tad-dgħajsa, li jikkonsistu minn żewġt iġwienaħ laterali u żaqq ċentrali jew fil-forma ta’ kuċċarina jew b’borża fil-parti aħħarija ta’ wara u tista’ topera mill-wiċċ sal-qiegħ skont l-ispeċijiet fil-mira.
Tartaruni tax-xatt: xbieki tat-tidwir u tartaruni rmunkati mitfugħin minn dgħajsa u mħaddma mix-xatt.
Irkaptu rmunkat: kwalunkwe rkaptu tas-sajd, bl-esklużjoni ta’ lenzi għas-sajd bir-rixa, irmunkat jew bis-saħħa tal-magna tal-bastiment tas-sajd jew miġbud permezz ta’ winċijiet meta l-bastiment ikun jew ankrat jew miexi bil-mod, inkluż b’mod partikolari xbieki rmunkati u gangmi.
Xbieki tal-garġi: kwalunkwe xibka magħmula minn biċċa xibka unika miżmuma b’mod vertikali fl-ilma permezz ta’ sufruni u piżijiet imwaħħla jew li jistgħu jiġu mwaħħla bi kwalunkwe mezz ma’ qiegħ il-baħar u jżommu l-irkaptu f’postu jew qrib il-qiegħ jew jgħum fil-kolonna tal-ilma (il-karatteristiċi fiżiċi (it-temperatura, is-salinità, il-penetrazzjoni tad-dawl) u kimiċi (il-pH, l-ossiġenu dissolt, l-imluħa tan-nutrijenti) tal-ilma tal-baħar f’fond differenti għal punt ġeografiku ddefinit).
Pariti: kwalunkwe xibka magħmula minn żewġ biċċiet jew aktar ta’ xibka imdendla flimkien b’mod parallel fuq intestatura waħda, imwaħħla, jew li tista’ titwaħħal bi kwalunkwe mezz ma’ qiegħ il-baħar.
Trasbord: it-trasferiment ta’ qabda, tipikament minn bastiment iżgħar tas-sajd għal fuq wieħed ikbar li mbagħad jinkorporaha f’lott akbar għat-trasport.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, pp. 11-85).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) Nru 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, pp. 105-201)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, pp. 22-61)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, pp. 1-50)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (ĠU L 261, 20.10.1993, pp. 1-16)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 25.05.2020

Top