EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim dwar rikonoxximent reċiproku UE-New Zealand (MRA)

Ftehim dwar rikonoxximent reċiproku UE-New Zealand (MRA)

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim dwar rikonoxximent reċiproku bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand

Deċiżjoni 98/509/KE li tikkonkludi Ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U D-DEĊIŻJONI?

Il-ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku (MRA)* jimmira li jippromwovi l-kummerċ tal-merkanzija bejn l-UE u New Zealand billi jneħħi ostakoli tekniċi.

Skont il-ftehim bilaterali li l-pajjiżi tal-UE qablu fuqu fit-18 ta’ Ġunju 1998, l-UE u New Zealand jaċċettaw ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità* li l-korpi ta’ valutazzjoni ta’ konformità nominati ta’ xulxin iwettqu għal prodotti industrijali speċifiċi.

Id-deċiżjoni tadotta l-MRA ma’ New Zealand f’isem l-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim ikopri s-setturi li ġejjin:

  • prattika ta’ manifattura tajba għall-mediċini;
  • apparat mediku;
  • tagħmir terminali tat-telekomunikazzjonijiet u tar-radju;
  • prodotti elettriċi;
  • kompatibilità elettromanjetika* tat-tagħmir;
  • makkinarju industrijali inkluż krejnijiet ta’ torri u mobbli;
  • tagħmir ta’ pressjoni.

Il-ftehim:

  • jippermetti lill-kumpaniji tal-UE li jkollhom il-prodotti tagħhom — li għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ New Zealand — ittestjati u ċċertifikati fl-UE u mbagħad ikunu jistgħu jesportawhom fis-suq ta’ New Zealand u viċi versa;
  • telenka l-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti u r-regoli amministrattivi li l-ftehim ikopri għal kull settur;
  • jistipula l-kondizzjonijiet għall-aċċettazzjoni reċiproka tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità;
  • jipprovdi proċeduri għan-nomina ta’ korpi ta’ stima ta’ konformità* għal kull settur;
  • jirrikjedi li l-UE u New Zealand jivverifikaw, jispezzjonaw u jissorveljaw il-korpi tal-evalwazzjoni tal-konformità biex jiżguraw li x-xogħol tagħhom jitwettaq b’mod korrett;
  • jipprovdi għas-sospensjoni ta’ korpi nominati ta’ stima ta’ konformità;
  • jistabbilixxi kumitat konġunt ta’ rappreżentanti tal-UE u ta’ New Zealand biex jittratta kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ skont il-ftehim.

MINN META JAPPLIKA L-FTEHIM?

Ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 1999.

SFOND

Fir-riżoluzzjoni tagħhom tal-21 ta’ Diċembru 1989, il-pajjiżi tal-UE qablu dwar il-prinċipji tal-MRAs. Fil-21 ta’ Settembru 1992, huma awtorizzaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tinnegozja ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku f’isem l-UE ma’ ċerti pajjiżi mhux tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku: ftehim internazzjonali fejn 2 pajjiżi jew aktar jirrikonoxxu r-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità ta’ xulxin.
valutazzjoni tal-konformità: il-proċedura li biha prodott, qabel ma jkun jista’ jiġi kkummerċjalizzat, jiġi ttestjat, spezzjonat u ċċertifikat biex jiġi żgurat li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni rilevanti.
Kompatibilità elettromanjetika: l-interazzjoni ta’ tagħmir elettriku u elettroniku mal-ambjent elettromanjetiku tiegħu, u ma’ tagħmir ieħor. L-apparati elettroniċi kollha għandhom il-potenzjal li jarmu kampijiet elettromanjetiċi.
korpi ta’ stima ta’ konformità: dawn jevalwaw jekk prodott jissodisfax l-istandards leġislattivi jew regolatorji rilevanti.

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim dwar rikonoxximent reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand (ĠU L 229, 17.8.1998, pp. 62-110).

Emendi suċċessivi għall-ftehim ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Deċiżjoni tal-Kunsill 98/509/KE tat-18 ta’ Ġunju 1998 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim dwar rikonoxximent reċiproku rigward assessment ta’ konformità bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand (ĠU L 229, 17.8.1998, p. 61)

Ara l-verżjoni konsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar approċċ globali għall-valutazzjoni tal-konformità (ĠU C 10, 16.1.1990, pp. 1-2)

l-aħħar aġġornament 24.07.2018

Top