Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Statistika fuq investimenti f’titoli

Statistika fuq investimenti f’titoli

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 1011/2012 dwar statistika fuq investimenti f’titoli (BĊE/2012/24)

Linja Gwida 2013/215/UE dwar statistika fuq investimenti f’titoli (BĊE/2013/7)

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT U L-LINJA GWIDA?

  • Ir-regolament jistabbilixxi r-regoli għall-ġbir mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ta’ informazzjoni statistika komprensiva dwar:
    • l-esponiment ta’ setturi ekonomiċi u gruppi bankarji individwali f’pajjiżi taż-żona tal-euro għal klassijiet speċifiċi ta’ titoli;
    • ir-rabtiet bejn is-setturi ekonomiċi tad-detenturi u l-emittenti tat-titoli;
    • is-suq għal titoli maħruġa minn residenti taż-żona tal-euro.
  • Il-linja gwida:
    • tistabbilixxi l-obbligi tal-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) tal-pajjiżi li l-munita tagħhom hija l-euro li jirrapportaw lill-BĊE statistika dwar l-investimenti f’titoli li għandhom jinġabru; u
    • tistabbilixxi sistema għall-immaniġġjar tal-kwalità tad-data ta’ din l-istatistika maħsuba biex tiżgura l-kompletezza, l-akkuratezza u l-konsistenza tal-istatistika miġbura.

PUNTI EWLENIN

Il-BĊE jiġbor l-istatistika dwar l-investimenti f’titoli (SHS) fuq bażi ta’ titolu b’titolu. Din id-data tipprovdi informazzjoni dwar titoli miżmuma minn kategoriji magħżula ta’ investituri fiż-żona tal-euro, imqassma skont it-tip ta’ strument, pajjiż emittenti, pajjiż investitur, munita ta’ denominazzjoni u klassifikazzjonijiet oħra.

Ir-regolament:

  • jiddefinixxi l-popolazzjoni ta’ rapportar attwali bħala li tikkonsisti minn aġenti tar-rapportar tad-data settorjali* u aġenti tar-rapportar tad-data tal-grupp*;
  • jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku rispettivi għall-aġenti ta’ rapportar tad-data settorjali u aġenti ta’ rapportar tad-data tal-grupp (aktar dettalji jinsabu fl-Anness I tar-regolament), kif ukoll rekwiżiti ta’ rapportar statistiku aktar ġenerali li huma konformi mar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 , ir-Regolament (UE) Nru 1075/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1374/2014;
  • jelenka r-regoli applikabbli għal derogi u l-każijiet li fihom il-BĊN jistgħu jagħtu derogi għal:
    • aġenti ta’ rapportar tad-data settorjali; u
    • aġenti ta’ rapportar tad-data tal-grupp (aġġornati bir-Regolament emendatorju (UE) 2018/318);
  • jistabbilixxi regoli tal-kontabilità għar-rapportar ta’ data settorjali u tad-data tal-grupp, kif ukoll regoli ġenerali tal-kontabilità;
  • jistabbilixxi l-iskadenzi għat-trażmissjoni mill-BĊN tad-data lill-BĊE;
  • jistabbilixxi r-regoli rigward l-istandards minimi għar-rapportar (speċifikati fl-Anness III);
  • jitlob li l-BĊN jiddefinixxu u jimplimentaw l-arranġamenti ta’ rapportar li għandhom jiġu segwiti mill-aġenti ta’ rapportar attwali skont il-karatteristiċi nazzjonali;
  • jistabbilixxi l-proċeduri li għandhom isegwu f’każ ta’ fużjoni, diviżjoni jew riorganizzazzjoni li jistgħu jaffettwaw it-twettiq tal-obbligi statistiċi;
  • jagħti lill-BĊN id-drittijiet biex jivverifikaw jew jiġbru b’mod obbligatorju l-informazzjoni meta l-aġenti ta’ rapportar ma jissodisfawx l-istandards minimi fl-Anness III.

Ir-regolament għandu 3 annessi:

  • I: Rekwiżiti ta’ rapportar statistiku;
  • II: Definizzjonijiet (ta’ kategoriji ta’ strumenti, setturi, tranżazzjonijiet finanzjarji, attributi ta’ titolu b’titolu, attributi ta’ detentur, attributi ta’ emittent, u attributi ta’ kontabilità u relatati mar-riskju);
  • III: Standards minimi li għandhom jiġu applikati mill-popolazzjoni attwali li tirrapporta.

Emendi għar-regolament

Il-bidliet ewlenin introdotti mir-Regolamenti emendatorji (UE) 2016/1384 u (UE) 2018/318 estendew il-ġbir tad-data sabiex jinkludu aktar gruppi bankarji u aktar attributi li jibdew b’data relatata mal-perjodu ta’ referenza ta’ tmiem Settembru 2018. Il-popolazzjoni li tirrapporta żdiedet ukoll biex tkopri l-gruppi bankarji kollha li huma ssorveljati direttament mill-BĊE.

Il-linja gwida fiha:

  • regoli oħra li jirregolaw l-obbligi ta’ rapportar tal-BĊN (jiddependu fuq jekk għandhomx Numru Internazzjonali għall-Identifikazzjoni tat-Titoli (ISIN)* għal data settorjali);
  • approċċi ta’ rapportar għal investiment f’titoli (skont jekk għandhomx ISIN, l-emittent tagħhom, eċċ.);
  • approċċi għall-ġbir ta’ statistika dwar l-investiment f’titoli miżmuma f’kustodja;
  • ħtieġa għal BĊN biex jinfurmaw lill-BĊE, tal-inqas darba fis-sena, dwar id-derogi mogħtija lil, imġedda jew irtirati minn aġenti ta’ rapportar għas-sena kalendarja ta’ wara, kif ukoll dwar kwalunkwe rekwiżit ta’ rapportar ad hoc impost fuq aġenti ta’ rapportar attwali li jkunu ngħataw deroga;
  • data ta’ referenza dwar l-attiv fil-karta tal-bilanċ konsolidata tal-gruppi ta’ rapportar;
  • proċedura ta’ notifika lill-aġenti ta’ rapportar ta’ gruppi;
  • regoli li jikkonċernaw:
    • proċedura ta’ reviżjoni mill-Kunsill Ġenerali tal-BĊE;
    • monitoraġġ u verifika tal-istatistika; u
    • standards ta’ trażmissjoni.

Emendi tal-linja gwida

  • Il-Linja Gwida (UE) 2016/1386 introduċiet miri tal-ġestjoni tal-kwalità tad-data u rrevediet il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-BĊN meta jirrapportaw lill-BĊE.
  • Il-Linja Gwida (UE) 2018/323 iċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-aġenti ta’ rapportar tad-data tal-grupp u l-ittra tan-notifika tal-klassifikazzjoni bħala aġent ta’ rapportar tad-data tal-grupp.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENT U L-LINJA GWIDA?

Ir-regolament ilu japplika mill-21 ta’ Novembru 2012. Il-linja gwida ilha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

SFOND

Il-ġbir ta’ SHS jgħin biex jimmonitorja l-istabbiltà finanzjarja u l-integrazzjoni finanzjarja fiż-żona tal-euro, u fl-UE kollha kemm hi wkoll, peress li indikaturi komparabbli huma spiss disponibbli għall-pajjiżi kollha tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Aġenti tar-rapportar tad-data settorjali: istituzzjonijiet finanzjarji monetarji tar-residenti, fondi ta’ investiment, korporazzjonijiet ta’ veikoli finanzjarji, korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u kustodji (li huma entitajiet li jieħdu ħsieb is-salvagwardja u l-amministrazzjoni ta’ strumenti finanzjarji għall-kont tal-klijenti).
Aġenti tar-rapportar tad-data tal-grupp: fejn ġew identifikati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE bħala parti mill-popolazzjoni ta’ rapportar attwali, u nnotifikati dwar l-obbligi ta’ rapportar tagħhom (permezz ta’ ittra, ara l-Linja Gwida, l-Anness II).
  • kapijiet ta’ gruppi bankarji; u
  • istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti f’pajjiżi parteċipanti tal-UE u li mhumiex parti minn grupp bankarju;
Numru Internazzjonali għall-Identifikazzjoni tat-Titoli (ISIN): kodiċi assenjat lit-titoli, magħmul minn 12-il karattru alfanumeriku, li jidentifika b’mod uniku ħruġ ta’ titoli.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Regolament (UE) Nru 1011/2012 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 17 ta’ Ottubru 2012 dwar statistika fuq investimenti f’titoli (BĊE/2012/24) (ĠU L 305, 1.11.2012, pp. 6-24)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1011/2012 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Linja Gwida 2013/215/UE tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Marzu 2013 dwar statistika fuq investimenti f’titoli (BĊE/2013/7) (ĠU L 125, 7.5.2013, pp. 17-33)

Ara l-verżjoni konsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 1374/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta’ Novembru 2014 dwar rekwiżiti ta’ rapportar statistiku għal korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni (BĊE/2014/50) (ĠU L 366, 20.12.2014, pp. 36-76)

Regolament (UE) Nru 1073/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Ottubru 2013 dwar statistika dwar l-attiv u l-passiv ta’ fondi ta’ investiment (riformulazzjoni) (BĊE/2013/38) (ĠU L 297, 7.11.2013, pp. 73–93)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament (UE) Nru 1075/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Ottubru 2013 dwar statistika fuq l-attiv u l-passiv ta’ korporazzjonijiet finanzjarji vettura nvoluti fi tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni (riformulazzjoni) (BĊE/2013/40) (ĠU L 297, 7.11.2013, pp. 107–121)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 22.05.2019

Top