EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-flessibbiltà tal-pajjiżi tal-UE fil-kultivazzjoni ta’ organiżmi ġenetikament modifikati

Il-flessibbiltà tal-pajjiżi tal-UE fil-kultivazzjoni ta’ organiżmi ġenetikament modifikati

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva (UE) 2015/412 — dwar l-għoti ta’ awtorizzazzjoni lill-pajjiżi tal-UE biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta’ organiżmi ġenetikament modifikati fit-territorju tagħhom

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Din temenda d-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (OĠM)* sabiex il-pajjiżi individwali tal-UE jkunu jistgħu jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-kultivazzjoni tagħhom fit-territorju tagħhom. Skont ir-regoli l-qodma, dan kien possibbli meta l-pajjiż tal-UE kien ikollu evidenza ġdida li l-OĠM ikkonċernat ħoloq riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva l-ġdida żżid kliem ġdid fid-direttiva tal-2001. Din hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fejn dan jagħti lill-pajjiżi tal-UE aktar flessibbiltà fir-rigward tal-kultivazzjoni ta’ OĠM mingħajr ma tiġi affettwata l-valutazzjoni tar-riskju ambjentali, li tagħmel parti mis-sistema ta’ awtorizzazzjoni ta’ OĠM fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fid-Direttiva 2001/18/KE. Din tippermetti lil pajjiżi individwali sabiex jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-kultivazzjoni tal-OĠM taħt ċerti kundizzjonijiet:

  • bħala parti mill-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ OĠM speċifiku, pajjiż jista’, fi żmien 45 ġurnata mill-valutazzjoni inizjali, jitlob li jemenda l-ambitu ġeografiku tal-awtorizzazzjoni sabiex jeskludi t-territorju kollu tiegħu jew parti minnu milli jikkultiva l-OĠM;
  • wara li jkun ġie awtorizzat OĠM, pajjiż jista’ jipprojbixxi jew jirrestrinġi l-kultivazzjoni tiegħu għal raġunijiet bħal dawk relatati ma’:
    • objettivi ta’ politika ambjentali,
    • objettivi ta’ politika agrikola,
    • kwistjonijiet relatati mal-ippjanar tal-bliet u tal-kampanja u dawk relatati mal-użu tal-art,
    • impatti soċjoekonomiċi,
    • l-evitar tal-preżenza OĠM fi prodotti oħrajn, u
    • politika pubblika (normalment, ir-restrizzjonijiet ma jistgħux jiġu bbażati unikament fuq dan il-fattur, u dan lanqas ma jista’ jkun aktar sinifikanti mill-valutazzjonijiet tar-riskju ambjentali).

L-azzjoni meħuda mill-pajjiżi tal-UE trid tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni u trid tkun immotivata, proporzjonata u mhux diskriminatorja. Fi stadju aktar tard, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jirrevedu d-deċiżjonijiet tagħhom u jerġgħu jiġu integrati fl-ambitu ġeografiku ta’ awtorizzazzjoni ta’ OĠM.

Il-pajjiżi tal-UE li fihom jiġu kkultivati l-OĠM iridu jieħdu azzjoni f’żoni tal-fruntiera sabiex jevitaw kontaminazzjoni possibbli ta’ pajjiżi ġirien tal-UE fejn il-kultivazzjoni ta’ dawk l-OĠM hija pprojbita.

Rapporti

Sat-3 ta’ April 2019, il-Kummissjoni Ewropea se tirrapporta dwar l-użu tad-direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, inkluż l-użu tagħha mill-pajjiżi tal-UE biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM u kwalunkwe effett li din għandha fuq is-suq intern tal-UE. Proposti leġiżlattivi ulterjuri jista’ jiġu proposti fir-rapport.

Il-Kummissjoni se tirrapporta wkoll dwar ir-rimedju attwali tad-danni ambjentali li jistgħu jseħħu minħabba l-kultivazzjoni ta’ OĠM.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din bdiet tapplika mit-2 ta’ April 2015.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Organiżmu ġenetikament modifikat (OĠM): huwa organiżmu, bl-eċċezzjoni tal-bnedmin, li l-materjal ġenetiku fih ikun ġie mmodifikat b’mod li ma jseħħx b’mod naturali permezz tat-tgħammir u/jew tar-rikombinazzjoni naturali. Pereżempju, dan jista’ jippermetti t-trobbija ta’ annimali u t-tnissil ta’ pjanti sabiex irendu aktar jew jirreżistu għall-mard.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2015/412 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 li temenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta’ organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) fit-territorju tagħhom (ĠU L 68, 13.3.2015, pp. 1–8).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, pp. 1–23)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1829/2003 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1–39).

Ara l-verżjoni konsolidata

l-aħħar aġġornament 08.03.2018

Top